Notifika ta’ dokumenti (riformulazzjoni)

Germany

Content provided by:
Germany

FINDING COMPETENT COURTS/AUTHORITIES

The search tool below will help you to identify court(s)/authority(ies) competent for a specific European legal instrument. Please note that although every effort has been made to ascertain the accuracy of the results, there may be some exceptional cases concerning the determination of competence that are not necessarily covered.

Germany

Serving documents


*mandatory input

L-Artikolu 3(1) – Aġenziji mittenti

L-aġenzija mittenti għad-dokumenti ġudizzjarji hija l-qorti li tinnotifika d-dokument (l-Artikolu 1069(1)(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (ZPO)).

L-aġenzija mittenti għad-dokumenti ekstraġudizzjarji hija l-qorti lokali (Amtsgericht) tad-distrett li l-persuna li tinnotifika d-dokument tkun domiċiljata jew residenti abitwalment fih; għall-atti ċċertifikati minn nutar, hija wkoll il-qorti lokali tad-distrett li l-uffiċċju tan-nutar jinsab fih; għall-persuni ġuridiċi, l-uffiċċju rreġistrat jieħu l-post tad-domiċilju jew tar-residenza abitwali; il-gvernijiet tal-Land jistgħu joħorġu ordni eżekuttiva li tagħti struzzjonijiet lil qorti lokali waħda biex twettaq il-kompiti tal-aġenzija mittenti f’isem diversi distretti tal-qorti lokali (l-Artikolu 1069(1)(2) ZPO).

Ikklikkja fuq il-link hawn taħt biex tara l-awtoritajiet kollha kompetenti relatati ma' dan l-Artikolu.
Lista ta' awtoritajiet kompetenti

L-Artikolu 3(2) – Aġenziji riċeventi

L-aġenzija riċeventi kompetenti skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2020/1784 hija l-qorti lokali li fid-distrett tagħha għandu jiġi nnotifikat id-dokument. Il-gvernijiet tal-Land jistgħu joħorġu ordni eżekuttiva li tagħti struzzjonijiet lil qorti lokali waħda biex twettaq il-kompiti tal-aġenzija riċeventi f’isem diversi distretti tal-qorti lokali.

Ikklikkja fuq il-link hawn taħt biex tara l-awtoritajiet kollha kompetenti relatati ma' dan l-Artikolu.
Lista ta' awtoritajiet kompetenti

L-Artikolu 3(4)(c) – Mezzi biex jirċievu d-dokumenti

Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2020/1784, id-dokumenti jistgħu jiġu rċevuti b’dawn il-mezzi li ġejjin: bil-posta, bis-servizz ta’ kurrier privat jew bil-faks.

Komunikazzjonijiet oħra jistgħu jiġu rċevuti wkoll bit-telefown jew bl-email.

L-Artikolu 3(4)(d) – Lingwi li jistgħu jintużaw għall-mili tal-formola standard li tinsab fl-Anness I

Il-formoli fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1784 jistgħu jimtlew bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż (l-Artikolu 1070 ZPO).

L-Artikolu 4 – Korp ċentrali

Il-funzjonijiet tal-korp ċentrali jitwettqu primarjament fil-livell tal-Land.

Kull Land għandha l-korp ċentrali tagħha u l-gvern tal-Land jiddetermina liema korp ikun se jwettaq din il-funzjoni fit-territorju tiegħu (l-Artikolu 1069(3) ZPO). Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-korp ċentrali tal-Land huwa l-awtorità ġudizzjarja tal-Land, qorti reġjonali superjuri jew qorti lokali.

Barra mis-16-il korp ċentrali fil-livell tal-Land, hemm korp ċentrali wieħed fil-livell federali – l-Uffiċċju Federali għall-Ġustizzja (Bundesamt für Justiz). Il-korp ċentrali federali jipprovdi appoġġ lill-korpi kompetenti fil-Länder (l-Artikolu 1069(4) ZPO) u jirċievi talbiet għal servizz b’rabta ma’ azzjonijiet miġjuba kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Ikklikkja fuq il-link hawn taħt biex tara l-awtoritajiet kollha kompetenti relatati ma' dan l-Artikolu.
Lista ta' awtoritajiet kompetenti

L-Artikolu 7 – Assistenza f’inkjesti dwar indirizzi

Skont l-Artikolu 7(1)(c), il-Ġermanja tipprovdi l-informazzjoni rilevanti dwar is-sejba ta’ indirizzi fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika. B’hekk, skont l-Artikolu 44 tal-Att Federali Ġermaniż dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Popolazzjoni (Bundesmeldegesetz – BMG), l-awtoritajiet pubbliċi barranin u l-individwi privati barranin huma intitolati li jiksbu sommarju tal-informazzjoni tar-reġistru (einfache Melderegisterauskunft) dwar persuna partikolari mill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni Ġermaniżi mingħajr ma jiddikjaraw għal liema raġuni qed jitolbuh.

Is-sommarju tal-informazzjoni tar-reġistru jinkludi:

  • il-kunjom;
  • l-ismijiet, b’indikazzjoni tal-isem li jintuża normalment;
  • il-grad ta’ PhD;
  • l-indirizzi attwali u
  • f’każ li l-persuna tkun mietet, dikjarazzjoni dwar hekk.

It-talba trid tiġi indirizzata lill-awtorità kompetenti tar-reġistrazzjoni. Bħala regola, din tkun l-uffiċċju lokali tal-popolazzjoni (Bürgeramt) fil-muniċipalità jew fil-belt fejn ikun maħsub li tgħix il-persuna. Għadd dejjem akbar ta’ muniċipalitajiet qed joffru l-għażla li tinkiseb l-informazzjoni online.

Hemm tariffa għas-sommarju tal-informazzjoni tar-reġistru. L-ammont tat-tariffa jvarja minn Land għal ieħor.

Is-sommarju tal-informazzjoni tar-reġistru jinħareġ bil-kundizzjoni li l-persuna mfittxija tkun tista’ tiġi identifikata b’mod preċiż abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-korp rikjedenti. Dan japplika wkoll fejn, kif inhu teorikament possibbli, jintalab aċċess għal data relatata ma’ għadd kbir ta’ persuni. Għalhekk, it-trażmissjoni ta’ “lista tar-riżultati” ma hijiex possibbli. Barra minn hekk, il-persuna jew l-entità li titlob l-informazzjoni trid tiddikjara li mhux se tuża d-data għal skopijiet ta’ reklamar jew ta’ kummerċ tal-indirizzi.

Sommarju tal-informazzjoni tar-reġistru ma jistax jinħareġ jekk tkun iddaħħlet projbizzjoni fuq id-divulgazzjoni skont l-Artikolu 51 tal-BMG jew avviż kondizzjonali ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni skont l-Artikolu 52 tal-BMG fir-reġistru għall-persuna kkonċernata u jekk ma jkunx jista’ jiġi eskluż il-ksur tal-interessi protetti.

Fil-kuntest ta’ attivitajiet li jaqgħu, kompletament jew parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE, id-data li taqbeż dak il-kamp ta’ applikazzjoni tista’ tiġi trażmessa, skont l-Artikolu 35 BMG, lill-awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet pubbliċi fi stati kontraenti oħra għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea jew lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-korp rikjedenti.

Skont l-Artikolu 7(2)(c), l-aġenziji riċeventi Ġermaniżi jipprovdu l-assistenza li ġejja:

Meta destinatarju ma jkunx jirrisjedi fl-indirizz speċifikat fit-talba għan-notifika, l-aġenzija riċeventi Ġermaniża normalment tagħmel ħilitha biex taċċerta l-indirizz attwali tiegħu. Dan japplika mhux biss jekk id-destinatarju jkun mar joqgħod xi mkien ieħor, iżda wkoll jekk l-indirizz tiegħu ma jkunx komplut jew ikun żbaljat fit-talba għan-notifika. Madankollu, dan huwa servizz volontarju pprovdut mill-aġenzija riċeventi, li ma hijiex obbligata tipprovdih.

L-Artikolu 8 – Trażmissjoni tad-dokumenti

Il-formola A fl-Anness I (talba) tista’ timtela bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż (l-Artikolu 1070 ZPO).

L-Artikolu 12 – Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument

Xejn.

L-Artikolu 13 – Data tan-notifika

Fir-rigward tar-rikorrent imsemmi fit-tielet sentenza tal-Artikolu 12(5) u fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2020/1784, skont il-liġi Ġermaniża d-data preċiża tan-notifika rari taffettwa l-komputazzjoni tat-termini, peress li normalment ikun biżżejjed li d-dokument ikun ġie ppreżentat lill-qorti sal-iskadenza jekk in-notifika tad-dokument issir immedjatament (l-Artikolu 167 ZPO). Jekk f’kawża individwali d-data preċiża tan-notifika tkun importanti, l-Artikolu 222 ZPO japplika flimkien mal-Artikoli 187 et seq. tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż.

L-Artikolu 14 – Ċertifikat tan-notifika u kopja tad-dokument notifikat

Il-Formola K fl-Anness I (ċertifikati ta’ notifika ta’ dokumenti) tista’ timtela bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż.

L-Artikolu 15 – Spejjeż tan-notifika

L-ispejjeż skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/1784 għan-notifika ta’ dokumenti minn uffiċjal ġudizzjarju jiddependu miċ-ċirkostanzi tal-każ individwali. Fil-prinċipju, l-ispejjeż jistgħu jammontaw sa EUR 37.25 flimkien mal-ispejjeż għall-produzzjoni tal-kopji jew tariffa għaċ-ċertifikazzjoni tal-kopji. L-ispejjeż eżatti f’każijiet individwali huma stabbiliti fil-Liġi dwar l-aġenti ta’ eżekuzzjoni (Gerichtsvollzieherkostengesetz (GvKostG)), b’mod partikolari l-lista tal-ispejjeż tagħha.

L-Artikolu 17 – Notifika minn aġenti diplomatiċi jew uffiċjali konsulari

Fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji minn missjonijiet diplomatiċi jew konsulari skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2020/1784 ma hijiex permessa, ħlief jekk dik in-notifika tkun indirizzata lil ċittadini tal-Istat mittenti (l-Artikolu 1067(2) ZPO).

L-Artikolu 19 – Servizz elettroniku

Għad irid jiġi ddeterminat.

L-Artikolu 20 – Notifika diretta

Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, id-dokumenti ġudizzjarji jistgħu jiġu nnotifikati direttament fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dment li l-liġi proċedurali ċivili Ġermaniża tippermetti b’mod espliċitu n-notifika diretta.

Id-dokumenti ġudizzjarji jistgħu jinkludu, pereżempju, sentenzi, iżda mhux rikorsi. In-notifika ta’ dawn tal-aħħar hija rregolata mill-Artikolu 21 tar-Regolament. In-notifika diretta ssir fuq l-inizjattiva tal-partijiet (l-Artikolu 191 ZPO); din issir mill-uffiċjal ġudizzjarju (l-Artikolu 192 ZPO).

Din tippermetti, pereżempju, in-notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ sentenza għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 750(1) ZPO, in-notifika tal-istrumenti ta’ eżekuzzjoni ulterjuri msemmija fl-Artikolu 794 ZPO, in-notifika ta’ mandati ta’ sekwestru skont l-Artikolu 922(2) ZPO jew mandati kawtelatorji skont l-Artikoli 936 u 922 ZPO.

L-Artikolu 22 – Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċedimenti

Il-qrati Ġermaniżi jistgħu jiddeċiedu dwar tilwima skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2020/1784 jekk l-att promotur jew l-ekwivalenti tiegħu jkun ġie nnotifikat b’avviż pubbliku fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 185 ZPO.

Rikors għar-restawr tas-sitwazzjoni oriġinali skont it-tifsira tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2020/1784 aktar minn sena wara t-tmiem tal-iskadenza maqbuża ma jistax jiġi kkunsidrat (l-Artikolu 234(3) ZPO).

L-Artikolu 29 – Relazzjoni ma’ ftehimiet jew arranġamenti bejn l-Istati Membri

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija għadhom japplikaw il-ftehim konkluż mill-gvernijiet tagħhom fis-6 ta’ Ġunju 1959 biex ikomplu jissimplifikaw it-traffiku legali f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1 ta’ Marzu 1954 (ippubblikata fil-Gazzetta tal-Liġi Federali Awstrijaka (BGBl.) Nru 27/1960 u fil-Gazzetta tal-Liġi Federali Ġermaniża (BGBl.) 1959 II, p. 1523).

L-Artikolu 33(2) – Notifika dwar l-użu bikri tas-sistema tal-IT deċentralizzata

Mhux applikabbli.

L-aħħar aġġornament: 31/07/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.