Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Malta
Content provided by:
European Judicial Network
European Judicial Network (in civil and commercial matters)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Il-proċedura ġenerali skont il-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta hija li wieħed ikollu għoxrin ġurnata mid-data tan-notifika sabiex jippreżenta r-risposta tiegħu. Però hemm liġijiet speċjali li jistipulaw termini differenti.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

L-1 ta’ Jannar, l-10 ta’ Frar, id-19 ta’ Marzu, il-31 ta’ Marzu, il-Ġimgħa l-Kbira, l-1 ta’ Mejju, is-7 ta’ Ġunju, id-29 ta’ Ġunju, il-15 ta’ Awwissu, it-8 ta’ Settembru, il-21 ta’ Settembru, it-8 ta’ Diċembru, it-13 ta’ Diċembru, il-25 ta’ Diċembru.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Normalment persuna li jkunu nfetħu proċeduri ta’ natura ċivili kontra tagħha jkollha għoxrin ġurnata biex tirrispondi billi tippreżenta r-risposta tagħha l-Qorti. Però jeżistu liġijiet speċjali li jistipulaw termini li jkunu iqsar jew itwal skont il-każ.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Mid-data tan-notifika.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Le, iż-żmien ta’ dekorrenza ma jiġix affettwat mill-metodu ta’ trażmissjoni. Wieħed dejjem jimxi fuq id-data ta’ meta jkun ġie nnotifikat.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Ġeneralment iż-żmien jibda jiddekorri mill-għada però jista’ jagħti l-każ li l-liġi jew il-Qorti tagħti terminu li l-jum tan-notifika jkun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Fil-liġi Maltija jekk ma jkunx hemm espressament indikat li l-liġi qed tirreferi għal jiem tax-xogħol, allura jkun ifisser li l-jiem stipulati fil-liġi għandhom jingħaddu bħala jiem tal-kalendarju.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Fl-għadd taż-żmien, il-ġurnata tingħadd ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, filwaqt li x-xahar u s-sena jingħaddu skont il-kalendarju.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Fl-għadd taż-żmien, il-ġurnata tingħadd ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, filwaqt li x-xahar u s-sena jingħaddu skont il-kalendarju.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva, jekk l-iskadenza tiskadi f’jum li mhux tax-xogħol (minħabba li tkun taħbat is-Sibt, il-Ħadd jew f’xi festa pubblika) allura din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss skont l-Artikolu 108 tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

L-iskadenza tista’ tiġi estiża biss bl-awtorizzazzjoni tal-Qorti u l-persuna xorta titħalla tippreżenta r-risposta tagħha jekk tipprova, għas-sodisfazzjon tal-Qorti, raġuni tajba li naqset li tippreżenta r-risposta ġuramentata minħabba fiha.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Wara li tingħata sentenza mill-ewwel Qorti persuna tista’ tagħmel appell fi żmien għoxrin ġurnata (jiem tal-kalendarju) minn meta tingħata s-sentenza. Il-kontroparti jkollha għoxrin ġurnata biex tirrispondi. F’kawża kostituzzjonali jekk il-kawża tkun infetħet b’rikors allura l-appell għandu jsir fi żmien għoxrin ġurnata minn meta tingħata s-sentenza. Jekk il-kawża tkun marret quddiem Qorti Kostituzzjonali permezz ta’ referenza minn Qorti oħra, allura l-appell għandu jsir fi żmien tmint ijiem tax-xogħol. Il-kontroparti f’kawża kostituzzjonali għandha tmint ijiem tax-xogħol biex tirrispondi. Fejn hemm lok li digriet jiġi appellat qabel is-sentenza finali, l-appell irid isir fi żmien sitt ijiem mill-jum meta d-digriet ikun inqara fil-qorti bil-miftuħ. Din hija l-proċedura ġenerali. Però għandu jingħad li jeżistu liġijiet speċjali li jistipulaw termini differenti għall-appell jekk l-appell ikun ser jinstema’ quddiem tribunal differenti minn dawn imsemmija hawn fuq.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Fil-kawżi ordinarji ta’ natura ċivili il-kawżi kollha għandhom jiġu appuntati fi żmien xahrejn u s-seduti għandhom jinżammu minn xahrejn għal xahrejn. Il-qorti tista’ tagħżel li ma tappuntax għas-smigħ, bejn is-16 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru ta’ kull sena.

Jekk il-kawża tkun waħda kostituzzjonali, il-Qorti għandha tappunta data għas-smigħ li tkun fi żmien tmint ijiem tax-xogħol mill-jum meta jkun ġie ppreżentat ir-rikors, jew minn meta tkun ġiet ippreżentata risposta mill-appellat fiż-żmien mogħti għal dik ir-risposta jew fil-każ li ma tiġi ppreżentata l-ebda risposta, mill-iskadenza ta dak it-terminu.

F’każ ta’ proċedimenti sommarji u speċjali, il-konvenut għandu jiġi mħarrek biex jidher mhux aktar kmieni minn ħmistax-il jum u mhux aktar tard minn tletin jum min-notifika.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Fil-liġi Maltija ma jeżisti l-ebda post li min ikun residenti fih jibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi, il-persuna titlef id-dritt li tippreżenta r-risposta u tressaq il-provi tagħha quddiem il-qorti u allura ssir kontumaċi. Madankollu qabel ma tagħti s-sentenza, l-Qorti xorta waħda tagħti lill-konvenut żmien qasir u perentorju biex jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu bil-fomm jew bil-miktub biex jiddefendi ruħu kontra t-talba tal-attur. Il-parti li tkun kontumaċi xorta waħda jkollha dritt li tappella mis-sentenza finali f'każ ta' eżitu negattiv għaliha.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Dawn għandhom jippruvaw jiġġustifikaw għalfejn baqgħu inadempjenti. Jekk il-Qorti tiddeċiedi li kellhom raġuni tajba għalfejn baqgħu inadempjenti allura il-Qorti tawtorizza lill-parti kontumaċi sabiex tippreżenta r-risposta tagħha.

L-aħħar aġġornament: 25/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.