Please note that the original language version of this page Slovak has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Swipe to change

Spejjeż

Slovakia

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-ġustizzja fis-Slovakkja.

Content provided by:
Slovakia

Il-qafas regolatorju tad-drittijiet ġuridiċi

It-taqsima 1 (2) tal-Att Nru 586/2003 dwar il-professjoni legali u l-Att ta' emenda Nru 455/1991 dwar is-snajja' liċenzjati, kif emendat, jgħid hekk:

“Il-prattika tal-professjoni legali tfisser ir-rappreżentazzjoni tal-klijenti quddiem qrati tal-ġustizzja, awtoritajiet tal-gvern u entitajiet oħrajn, id-difiża ta’ individwi fi proċedimenti kriminali, konsulenza legali, kitba ta’ strumenti dwar atti legali, twettiq ta’ analiżijiet legali, amministrazzjoni tal-proprjetà tal-klijenti u forom oħrajn ta’ pariri legali u assistenza, jekk ipprovduti b’mod kontinwu u bi ħlas (minn hawn ’il quddiem se jissejħu ‘servizzi legali’).”

Avukati (lawyers)

Id-drittijiet tal-avukati huma rregolati mir-Regolament tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka (Nru. 655/2004 dwar id-drittijiet u l-kumpens tal-avukati għall-provvista ta’ servizzi legali) - tista’ ssib verżjoni bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-Kamra tal-Avukati Slovakka.

Id-drittijiet ta’ avukat irid jiġi ddeterminat bi ftehim bejn l-avukat u l-klijent tiegħu (dritt kuntrattwali). Il-maġġoranza vasta tad-drittijiet kollha tal-avukati jiġu miftiehma fuq bażi kuntrattwali, sakemm il-liġi ma tippreskrivx drittijiet tariffarji. Jekk il-partijiet ma jirnexxielhomx jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni, biex ikun iddeterminat l-ammont tad-dritt jintużaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar ir-rati tariffarji (id-dekret ta' implimentazzjoni dwar id-drittjiet tal-avukati). Id-dritt tariffarju jiġi ddeterminat billi r-rata bażika tiġi mmultiplikata bin-numru tal-atti jew tas-servizzi legali li l-avukat ikun ipprovda.

Bailiffs

Il-Bailiffs ma jeżistux fir-Repubblika Slovakka. Madanakollu, id-dmirijiet ta' eżekuzzjoni isiru minn uffiċjali tal-eżekuzzjoni taħt l-Att Nru. 233/1995 dwar l-uffiċjali tal-qorti u l-attivitajiet ta' distrett (the 'L-Att dwar il-Proċedura ta' Eżekuzzjoni').

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

Il-kategoriji tad-drittijiet kollha huma stabbiliti fir-regolamenti rispettivi, u jiġu ddeterminati b'diversi modi:

Id-drittijiet tal-Qorti huma regolati mill-Att Nru 71/1992 dwar id-drittijiet tal-qorti u l-kopji tal-entrati fir-rekords kriminali, kif emendat (“L-Att dwar id-Drittijiet tal-Qorti”). L-ammont huwa fiss, jew fuq il-bażi ta’ perċentwali jew taħlita tat-tnejn (jiddependi mit-tip ta’ talba).

Id-drittijiet tal-uffiċjali ta' eżekuzzjoni huma regolati mill-Att Nru 233/1995 dwar l-uffiċjal tal-qorti u l-attivitajiet tad-distrett. L-ammont jiġi ddeterminat bħala dritt tariffarju (dritt fiss jew dritt fuq il-bażi ta’ perċentwali li jiddependi mis-suġġett tal-eżekuzzjoni) jew bħala dritt kuntrattwali.

Id-drittjiet tal-avukati huma regolati mid-Dekret ta' Implimentazzjoni Nru 655/2004 dwar id-drittijiet tal-avukati u l-kumpens għall-għoti ta' servizzi legali. L-ammont jiġi ddeterminat bħala dritt tariffarju (dritt fiss għal kull servizz legali pprovdut, li jiddependi mill-valur tat-talba jew mis-suġġett tagħha) jew bħala dritt kuntrattwali.

Id-drittjiet tal-esperti huma regolati mid-Dekret ta' Implimentazzjoni Nru 491/2004 dwar id-drittijiet u l-rifużjoni tal-ispejjeż u l-ħin mitluf għall-esperti, l-interpreti u t-tradutturi. L-ammont jiġi ddeterminat bħala dritt tariffarju (dritt fiss għal kull servizz, dritt fis-siegħa jew dritt fuq il-bażi ta’ perċentwali, jiddependi mis-suġġett tas-servizzi tal-esperti) jew bħala dritt kuntrattwali.

Il-kumpens tax-xhieda huwa regolat mill-Att Nru 99/1963 Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u sussegwentement mid-Dekret ta' Implimentazzjoni Nru 543/2005 dwar l-amministrazzjoni u r-regoli tal-uffiċju tal-qrati tad-distrett, il-qrati reġjonali, il-Qorti Speċjali u l-Qrati tal-Militar, Att Nru 311/2001 Il-Kodiċi dwar ix-Xogħol, Att Nru 595/2003 dwar it-taxxa fuq id-dħul u l-Att Nru 663/2007 dwar il-paga minima. Il-qorti tiddeċiedi dwar ir-rifużjonu tal-ispejjeż neċessarji li wieħed ikun ħareġ minn butu stess u l-kumpens għall-qligħ mitluf (skont ir-regoli stabbiliti fid-dekret ta' implimentazzjoni dwar l-amministrazzjoni u r-regoli tal-uffiċjju).

Id-drittijiet għat-traduzzjoni/l-interpretazzjoni huma regolati mid-Dekret ta' Implimentazzjoni Nru 491/2004 dwar id-drittijiet u l-rifużjoni tal-ispejjeż u l-ħin mitluf għall-esperti, l-interpreti u t-tradutturi. L-ammont jiġi ddeterminat bħala dritt tariffarju (dritt fiss għal kull siegħa/paġna jiddependi mill-ilsna involuti, jew għal kull servizz ipprovdut mit-traduttur/mill-interpretu) jew bħala dritt kuntrattwali.

Għalhekk, fil-maġġoranza tal-proċedimenti ċivili potenzjali, huwa prattikament impossibbli li xi ħadd li ma jkunx professjonista fil-qasam tal-ġustizzja li jiddetermina l-ispejjeż globali effettivi antiċipati mingħajr parir professjonali.

Madankollu, professjonista (speċjalment avukat) jista’ jagħti pariri lil klijent b’mod iktar preċiż rigward id-diversi spejjeż li għandu jistenna matul il-proċedimenti, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ. Fejn ikun diffiċli li jiġi antiċipat ir-riżultat, l-avukat jista’ anki jinforma lill-klijent dwar l-ispejjeż antiċipati assoċjati mad-diversi eżiti possibbli, li se jiddependu fl-aħħar mill-aħħar mill-kunsiderazzjoni u mid-deċiżjoni tal-qorti.

Id-diversi tipi ta’ spejjeż li jista’ jkun hemm fi proċedimenti ċivili jiġu rregolati minn regolamenti/liġijiet separati. Dawn jinkludi modi differenti kif jiġu kkalkulati d-drittijiet u jistgħu jiġu maqsuma f’żewġ kategoriji prinċipali: drittjiet tariffarji u drittijiet kuntrattwali.

L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi għall-partijiet

Skont l-Att Nru 71/1992 dwar id-drittijiet tal-qorti u l-kopji tal-entrati fir-rekords kriminali, kif emendat, id-dritt tal-qorti biss jitħallas qabel ma' jibda s-smigħ tal-kawża.

Taġt l-Att Nru 99/1963 (Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), minbarra d-drittijiet tal-qorti, l-ispejjeż tal-proċedimenti ġeneralment jinkludu l-ispejjez li jkunu ħarġu minn buthom stess il-partijiet u l-avukati tagħhom. Dawn jinkludu:

  • il-qligħ mitluf mill-partijiet u l-avukati tagħhom,
  • l-ispejjeż tal-preżentazzjoni tal-evidenza (inklużi d-drittijiet tal-esperti),
  • ir-remunerazzjoni tan-nutara għas-servizzi li jagħtu fir-rwol tagħhom ta’ kummissarji ġudizzjarji u l-ispejjeż li joħorġu minn buthom,
  • ir-rimunerazzjoni għall-amministraturi/eżekuturi tal-wort u l-ispejjeż li jkunu ħarġu minn buthom,
  • id-drittijiet ta' traduzzjoni/interpretazzjoni,
  • ir-remunerazzjoni għar-rappreżentazzjoni – jekk parti tkun irrappreżentata minn avukat liċenzjat li jkun irreġistrat mal- Kamra tal-Avukati Slovakka.

Dawn l-ispejjeż ġeneralment jitħallsu wara li l-qorti tkun qatgħet is-sentenza.

Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-proċedimenti ċivili jiddependu sa ċertu punt mill-kawża inkwistjoni u mid-diskrezzjoni tal-qorti (prinċipalment rigward l-għażla tal-evidenza u l-ammont ta’ spejjeż li għandhom jiġu rrifondati lill-qorti jew lill-parti l-oħra). Għalhekk, huwa diffiċli li jiġu previsti l-ispejjeż reali qabel ma jseħħu l-proċedimenti.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali

Il-qorti għandha d-diskrezzjoni biex tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fi proċedura kriminali ladarba tingħata d-deċiżjoni finali.

L-istadju tal-proċediment kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Kwalunkwe spiża fi proċedimenti kriminali titħallas wara li s-sentenza tkun finali, peress li parti minn din is-sentenza tkun id-deċiżjoni dwar ir-rifużjoni tal-ispejjeż tal-proċedimenti (l-Att Nru. 301/2005 Il-Kodiċi tal- Proċedura Kriminali).

Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali

Fi kwistjonijiet ta' rappreżentazzjoni quddiem il- Qorti Kostituzzjonali Slovakka li ma jistgħux jiġu espressi f’termini monetarji, ir-rata bażika tad-dritt tariffarju għal kull servizz legali individwali trid tkun ta’ wieħed minn kull sitta tal-bażi tal-kalkolu (l-Artikolu 11 tad-Dekret ta' Implimentazzjoni Nru. 655/2004 dwar id-drittijiet u l-kumpensi tal-avukati għall-provvista ta’ servizzi legali).

L-istadju tal-proċediment kostituzzjonali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Fil-proċedimenti kostituzzjonali tapplika sitwazzjoni simili għal dik li tapplika fil-proċedimenti ċivili u kriminali; Japplika l-Att Nru 99/1963 (Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

It-taqsima 18 tal-Att Nru 586/2003 dwar il-professjoni legali u l-Att ta' emenda Nru 455/1991 dwar is-snajja' liċenzjati, kif emendat, jgħid hekk:

  1. Meta jipprattika l-liġi, kull avukat huwa obbligat li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tal-klijent, u jaġixxi skont l-istruzzjonijiet tal-klijent. Jekk l-istruzzjonijiet tal-klijent jiksru kwalunkwe leġiżlazzjoni ġenerali, l-avukat mhux marbut minnhom u jrid jinforma lill-klijent bil-kwistjoni b'mod xieraq.
  2. Meta jipprattika l-liġi, l-avukat huwa obbligat li jaġixxi b’mod ġust u onest u bl-attenzjoni professjonali dovuta. Huwa jrid juża b’mod konsistenti l-mezzi u l-għarfien ġuridiku disponibbli kollha biex jaqdi l-interess tal-klijent tiegħu bl-aħjar mod possibbli. L-avukat irid jiżgura ruħu li s-servizzi legali tiegħu jservu l-iskop mixtieq u qed jingħataw għal drittijiet raġjonevoli.
  3. Meta jipprattika l-liġi, l-avukat irid dejjem jaġixxi skont id-dinjità tal-professjoni legali u ma jridx jagħti isem ħażin lill-professjoni legali. L-avukat għalhekk huwa obbligat isegwi l-kodiċi ta’ kondotta u r-regoli u r-regolamenti interni tal-Avukatura.

Sorsi tal-ispejjeż

B’liema ilsna nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fis-Slovakkja?

Il-liġijiet dwar l-ispejjeż huma ppubblikati fil-Kollezzjoni tal-Atti Leġiżlattivi fl-Islovakkja (taħt is-Sezzjoni 8 tal- Att dwar il-Kunsill tar-Repubblika tal-Islovakkja Nru 1/1993).

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni hija rregolata mill-Att Nru 420/2004 dwar il- medjazzjoni.

Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Sit elettroniku disponibbli dwar l-ispejjeż

Informazzjoni dwar l-ispejjeż hija disponibbli fuq is-sit elettroniku IGNUM li għandu leġiżlazzjoni ta' applikazzjoni ġenerali, kif ukoll regoli u regolamenti Slovakki attwali u ta' qabel. Is-sit elettroniku huwa miżmum mill- Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?

Tista’ ssib din l-informazzjoni fil-yearbook statistiku tal- Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja aggregata għal proċedura partikolari?

Huwa diffiċli li tiddetermina l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-drittjiet medji minħabba li:

  1. M’hemm l-ebda informazzjoni statistika ppubblikata.
  2. Il-leġiżlazzjoni Slovakka rilevanti hija relattivament flessibbli u kważi dejjem tipprovdi l-possibbiltà li jiġi stipulat dritt/remunerazzjoni kuntrattwali - influwenzat mir-reġjun u r-reputazzjoni tad-ditta tal-avukati u persuni oħrajn li jipprovdu servizzi relatati mal-kawża. Barra minn hekk, u saħansitra iktar importanti, il-kawża stess u l-kumplessità tagħha, l-ammont ta’ evidenza meħtieġ u t-tul ta’ żmien li tieħu għandhom impatt konsiderevoli.
  3. Barra minn hekk, anki l-ammont tad-drittijiet tariffarji (li jistgħu jingħataw fi tmiem il-proċedimenti biss, fil-forma ta’ spejjeż proċedurali, jiddependi mill-eżitu tal-kawża u mid-diskrezzjoni tal-qorti) huma marbut mal-kawża, man-numru ta’ servizzi pprovduti u ma’ diversi fatturi oħrajn. Peress illi mhux possibbli li jiġi determinat ix-xogħol medja rikjest minn kawża, mhix fattiblli li tiġi determinata l-ispiża medja tal-proċedimenti.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif inhi pprovduta din l-informazzjoni?

Jekk l-uffiċjal ta' eżekuzzjoni jkun irreġistrat bħala wieħed li jħallas il-VAT, il-VAT tiġi miżjuda mad-dħul u mal-ispejjeż ikkalkulati tiegħu (skont is-Sezzjoni 196 tal-Att Nru. 233/1995 dwar l-uffiċjali tal-qorti u l-attivitaijiet ta’ eżekuzzjoni).

Jekk l-avukat ikun irreġistrat bħala wieħed li jħallas il-VAT, id-dħul u l-ispejjeż tiegħu kkalkulati skont dan ir-regolament se jinkludu l-VAT (l-Artikolu 18 (3) tad- Dekret ta' Implimentazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja Nru 655/2004 dwar id-drittijiet u l-kumpensi tal-avukati għall-provvista ta’ servizzi legali).

Jekk l-espert, l-interpretu jew it-traduttur ikun irreġistrati għall-VAT, id-drittijiet ikkalkulati jinkludu l-VAT (l-Artikolu 16 (2) tad- Dekret ta' Implimentazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja Nru 491/2004 dwar ir-remunerazzjoni, ir-rifużjoni tal-ispejjeż u l-kumpens għall-ħin mitluf għall-esperti, għall-interpreti u għat-tradutturi).

X’inhuma r-rati applikabbli?

Il-VAT mhix applikabbli għad-drittijiet tal-qorti (Att Nru. 71/1992 dwar id-drittijiet tal-qorti u l-kopji tal-entrati mir-reġistru kriminali, kif emendat). Madankollu, tapplika għad-drittijiet tal-medjazzjoni, peress li l-prestazzjoni tal-attività ta’ medjazzjoni hija attività kummerċjali, u għad-drittijiet ta’ arbitraġġ bir-rata ta’ 20%, sakemm il-persuna li tkun qed tieħu l-ħlas tkun irreġistrata għall-VAT.

Għajnuna Legali

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

Dan il-limitu huwa regolat mis-Sezzjoni 4(i) tal-Att Nru 327/2005 dwar l-għoti ta' għajnuna legali lil persuni fil-bżonn u l-Att ta' emenda Nru 586/2003 dwar il-professjoni legali u l-Att ta' emenda Nru 455/1991 dwar is-snajja' liċenzjati (l-Att dwar il-Kummerċ), kif emendat, kif emendat mill-Att Nru 8/2005.

Il-parti rilevanti tgħid hekk: "Persuna naturali titqies li qiegħda fil-bżonn jekk hija tirċievi allowances jew benefiċċji minħabba li tkun fil-bżonn, 1e) jew jekk id-dħul tagħha huwa indaqs jew inqas minn 1.6 il-darba l-ammont tal-paga minima 2) u jekk il-persuna naturali ma jkollix biex tħallas għas-servizzi legali”. (EUR 311.30)

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati

Il-limitu tad-dħul għall-akkużati li jixtiequ jkunu assistiti minn rappreżentant legali ex officio fil-qasam tal-ġustizzja kriminali mhux stabbilit. Il- Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (l-Artikoli 37 u 38) jipprovdi għaċ-ċirkustanzi fejn id-difiża tkun obbligatorja:

  1. L-akkużat irid ikollu avukat waqt il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess jekk huwa:
    • jerġa’ jintbagħat il-ħabs, qed iservi sentenza ta’ ħabs jew qed jinżamm għal osservazzjoni f’istituzzjoni medika,
    • m'għandux il-kapaċità legali jew hija ristretta,
    • huwa akkużat b'reat serju ħafna,
    • minorenni,
    • qed jaħrab mill-prosekuzzjoni.
  2. Avukat tad-difiża huwa obbligatorju wkoll jekk il-qorti, jew il-prosekutur jew l-uffiċjal tal-pulizija fil-proċedimenti qabel il-proċess iqisu li hija neċessarja għaliex għandhom dubji dwar jekk l-akkużat hux kapaċi jiddefendi lilu nnifsu b'mod xieraq.
  3. Avukat tad-difiża huwa obbligatorju anki fi proċedimenti ta’ estradizzjoni u fi proċedimenti li jinvolvu l-impożizzjoni ta’ trattament protettiv, ħlief għal trattament minħabba abbuż mill-alkoħol.

L-Artikolu 38 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li:

  1. Avukat tad-difiża huwa obbligatorju fi proċedimenti ta' infurzar fejn il-qorti tiddeċiedi f'seduta miftuħa għall-pubbliku, jekk l-akkużat:
    • m'għandux il-kapaċità legali jew hija ristretta,
    • huwiex minorenni li ngħata l-libertà kondizzjonali li, fi żmien tas-seduta miftuħa għall-pubbliku, kellu inqas minn 18-il sena,
    • jintbagħatx lura l-ħabs,
    • hemmx dubji dwar jekk hux kapaċii jiddefendu lilu nnifsu b'mod xieraq.
  2. L-akkużat irid ikollu avukat difensur fi proċedimenti b'rimedji straordinarji jekk:
  • huma nvoluti każijiet taġt is-Sezzjoni 37 (1) (a) (b) jew (c)
  • minorenni - fi żmien is-seduta tal-qorti miftuħa għall-pubbliku dwar ir-rimedju straordinarju - għandu inqas minn 18-il sena,
  • hemm dubji dwar jekk hux kapaċi jiddefendu lilu nnifsu b'mod xieraq.
  • il-proċedimenti jitmexxew kontra akkużat wara mewtha.

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi

Skont l-Artikolu 558 (1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-qorti tiddeċiedi dwar ir-rifużjoni tal-ispejjeż għall-parti leża wara li s-sentenza tidħol fis-seħħ.

Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali lill-vittmi

Il-kundizzjonijiet kollha huma rregolati mill-Att Nru. 301/2005 - il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż

Hemm żewġ tipi ta' eżenzjonijiet mid-drittijiet tal-Qorti (Sezzjoni 4 tal-Att tal-Kunsill Nazzjonali Slovakk Nru 71/1992 dwar id-drittijiet tal-Qorti u l-kopji mill-entrati fir-reġistru kriminali, kif emendat). L-eżenzjonijiet mid-drittijiet tal-qorti japplikaw għal:

  • tipi speċifiċi ta’ proċedimenti (kura ta’ minorenni, nuqqas ta’ attività jew interferenza illegali tal-entitajiet amministrattivi, dmir reċiproku ta’ manteniment bejn il-ġenituri u t-tfal), jew
  • tip speċifiku ta' persuni (ir-rikorrent fi proċedimenti għal kumpens għal ġrieħi kaġunati minn inċident jew marda fuq il-post tax-xogħol; proċedimenti li jiddikjara it-terminazzjoni tal-impjieg bħala illegali, eċċ). Jekk il-qorti tiddeċiedi favur it-talba, il-konvenut ikun obbligat iħallas id-dritt rispettiv tal-qorti jew parti minnu deċiża mill-qorti, sakemm il-konvenut ma jkunx ukoll eżentat mid-dritt.

Skont is-Sezzjoni 138 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti għandha diskrezzjoni wkoll li tagħti eżenzjoni sħiħa jew parzjali lil parti minnhom jekk hija ġġustifikata mis-sitwazzjoni tal-parti, u sakemm it-talba mhix frivola u sakemm il-parti mhix tuża' jew tiddefendi dritt li b'mod ħar m'għandux tama li jirnexxi. Madankollu, il-qorti tista’ tirtira l-eżenzjoni mogħtija fi kwalunkwe ħin waqt il-proċedimenti.

Skont l-Att Nru. 327/2005 dwar l-għoti tal-għajnuna legali lil persuni li m’għandhomx il-mezzi biex iħallsu (jew l-Att dwar l-għajnuna legali), għajnuna legali tfisser l-għoti ta’ servizzi legali lil persuna intitolata għal assistenza fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha, prinċipalment fil-forma ta’:

  • pariri legali,
  • assistenza bi proċedimenti barra mill-qorti,
  • it-tfassil ta’ sottomissjonijiet lill-qrati,
  • rappreżentazzjoni fi proċedimenti tal-qorti,
  • il-prestazzjoni tal-atti relatati, kif ukoll
  • il-ħlas sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż assoċjati.

Minkejja dan, fejn il-persuna kkonċernata tissodisfa r-rekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna legali, bil-wisq probabbli tkun ukoll eżentata mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedimenti (inklużi d-drittijiet tal-qorti). M’hemm l-ebda dispożizzjoni espliċita li tipprovdi li persuna intitolata għall-għajnuna legali tkun eżentata wkoll mid-drittijiet tal-qorti. Madankollu, huwa ferm probabbli li l-qorti tagħti tali eżenzjoni.

Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?

Proċedimenti ċivili: skont l-Artikolu 142 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

Jistgħu jsiru talbiet lill-qorti kompetenti għall-eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-drittijiet tal-qorti. Il-qorti tista', fuq inizjattiva tagħha stess, tagħti rifużjoni lill-parti li rebbħet il-kawża l-ispejjeż neċessarji li ħallset matul il-proċedimenti (inkluż id-drittijiet tal-qorti). Fil-każ ta’ rebħa parzjali,, il-qorti se tagħti lura parti mill-ispejjeż tal-proċedimenti lil kull waħda mill-partijiet, u tista’ tiddikjara wkoll li l-ebda waħda mill-partijiet m’għandha d-dritt li tingħata lura l-ispejjeż tal-proċedimenti. Madanakollu, l-qorti tista' tagħti lura lill-parti li tkun rebħet il-kawża parzjalment rifużjoni sħiħa tal-ispejjeż tal-proċedimenti jekk id-deċiżjoni dwar l-ammont tal-pagamenti li jridu jsiru minn din il-parti kienux jiddependu fuq opinjoni ta' espert jew id-diskrezzjoni tal-qorti, jew jekk in-nuqqas ta' suċċess fil-kawża kienx dovut għal parti pjuttost irrilevanti tal-proċedimenti.

Proċedimenti kriminali: skont l-Artikolu 557 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

Jekk tal-inqas parti mill-ispejjeż tal-proċedimenti jingħataw lill-vittma, l-akkużat huwa obbligat li jirrifonda lill-vittma l-ispejjeż neċessarji li kellha tħallas minħabba l-proċedimenti, inklużi l-ispejjeż tal-avukati meta d-difiża hija obbligatorja.

Anki jekk il-vittma ma tkunux ingħatat l-ispejjeż imsemmija hawn fuq, il-qorti tista’ tagħti lura l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti jew parti minnhom lill-vittma, wara t-talba tal-vittma u meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ.

Ir-Regolament tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Id-Dekret ta' Implimentazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja Nru 491/2004 dwar id-drittijiet u l-kumpens tal-ispejjeż u l-ħin mitluf għall-esperti, l-interpreti u t-tradutturi jistabbilixxi l-ammonti tad-drittijiet tal-esperti. Il-lista tal-esperti, ġestita mill- Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka, hija aċċessibbli għall-pubbliku mis-sit elettroniku tiegħu. Espert jitniżżel fir-reġistru meta l-applikant ikun issodisfa r-rekwiżiti kollha (skont id-dekret ta' implimentazzjoni dwar id-drittijiet għall-esperti, għall-interpreti u għat-tradutturi).

Id-dritt tal-espert irid jiġi ddeterminat bi ftehim bejn l-espert u l-klijent (dritt kuntrattwali). Jekk il-partijiet ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, iridu jintużaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar ir-rati tat-tariffi.

Għandu jiġi nnotat li l-VAT tapplika biss għad-dritt kuntrattwali u t-traduttur/l-intepretu ikun irreġistrat li jħallas il-VAT.

Id-drittijiet tariffarji jiġu ddeterminati fuq il-bażi ta’:

  • in--numru ta’ sigħat,
  • bħala perċentwali tal-valur inizjali tal-ammont soġġett tal-kwistjoni,
  • bħala rata fissa ibbażat fuq l-ammont in kwistjoni u n-numru ta' servizzi mogħtija.

Studji ta' każijiet tal-Islovakkja

Tista’ ssib informazzjoni iktar speċifika dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti fis-Slovakkja permezz ta’ xi studji ta’ każijiet konkreti.

Annessi relatati

Ir-rapport tal-Islovakkja dwar l-Istudju fuq it-Trasparenza tal-Ispejjeż PDF (872 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 27/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.