Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Slovakia

Content provided by:
Slovakia

FINDING COMPETENT COURTS/AUTHORITIES

The search tool below will help you to identify court(s)/authority(ies) competent for a specific European legal instrument. Please note that although every effort has been made to ascertain the accuracy of the results, there may be some exceptional cases concerning the determination of competence that are not necessarily covered.

Slovakia

European Account Preservation Order


*mandatory input

Artikolu 50(1)(a) — Qrati kompetenti biex joħorġu l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

It-talbiet għal ordni ta’ preservazzjoni huma koperti mill-ġuriżdizzjoni tal-qorti ġenerali tal-persuna li t-talba għal ordni ta’ preservazzjoni tkun qed issir kontriha. Jekk il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali applikabbli għal persuna ma tistax tiġi ddeterminata, il-qorti b’ġuriżdizzjoni tkun il-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica (Okresný súd Banská Bystrica).

Il-proċedimenti li jirrigwardaw l-Ordni tal-Preservazzjoni huma rregolati mill-Att Nru 54/2017 dwar l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u li jemenda l-Att tal-Kunsill Nazzjonali Slovakk Nru 71/1992 dwar it-tariffi tal-qorti u t-tariffi għall-estratti mir-reġistru kriminali, kif emendat.

Il-kompetenza territorjali tkun tal-qorti ġenerali tal-konvenut: għall-persuni fiżiċi din tkun il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni tagħha l-persuna tkun residenti b’mod permanenti, għall-persuni ġuridiċi tkun il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni tagħha l-persuna jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, u għall-persuni ġuridiċi barranin tkun il-qorti li l-fergħa tagħhom tkun tinsab fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Jekk qorti kompetenti ma tkunx tista’ tiġi ddeżinjata fuq il-bażi ta’ indirizz permanenti jew indirizz ta’ uffiċċju rreġistrat, jew l-aktar indirizz permanenti jew ta’ uffiċċju rreġistrat reċenti, il-kompetenza tkun tal-qorti li l-persuna jkollha proprjetà fil-ġuriżdizzjoni tagħha.

Artikolu 50(1)(b) — l-awtorità nominata bħala kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kontijiet

L-awtorità tal-informazzjoni hija l-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica.

Indirizz: Skuteckého 28, 975 59 Banská Bystrica

Artikolu 50(1)(c) — Metodi għall-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

L-awtorità tal-informazzjoni tikseb informazzjoni permezz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi awtomatizzati minn sistema ta’ informazzjoni speċjali.

Jekk l-informazzjoni ma tkunx tista’ tinkiseb b’dan il-mod, pereżempju jekk is-sistema ma taħdimx sew, l-awtorità tal-informazzjoni tista’ tippreżenta talba lill-banek għall-informazzjoni dwar jekk debitur ikollux kont magħhom, jew titlob lid-debitur jipprovdi informazzjoni dwar ma’ liema bank jew banek ikollu kont jew kontijiet; meta timponi dan l-obbligu, il-qorti trid toħroġ ukoll ordni in personam li tipprojbixxi lid-debitur milli jiġbed jew jittrasferixxi fondi miżmuma fil-kont jew kontijiet tiegħu, sal-ammont kopert mill-ordni ta’ preservazzjoni.

Artikolu 50(1)(d) — Qrati li quddiehom jista' jsir appell kontra rifjut li tinħareġ l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Skont l-Artikolu 10 tal-Att Nru 54/2017, ir-rikorsi għal rimedji jiġu ppreżentati fil-qorti li tkun ħarġet l-ordni.

Artikolu 50(1)(e) — Awtoritajiet nominati bħala kompetenti biex jirċievu, jittrażmettu jew iservu l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u dokumenti oħra

Skont l-Artikolu 10(2), jekk il-qorti tal-oriġini u l-eżekuzzjoni tkun qorti Slovakka, l-awtorità kompetenti għat-trażmissjoni tad-dokumenti tkun il-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ preservazzjoni. In-notifika tad-dokumenti hija rregolata mill-Artikolu 105 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Jekk ordni tkun ġiet revokata minn qorti Slovakka u tkun trid tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, il-qorti trid taġixxi skont ir-Regolament; hija trid tirrevoka l-ordni permezz ta’ formola li tibgħat lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Għall-ordnijiet ta’ preservazzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica hija kompetenti biex tirċievi l-formola ta’ revoka tal-ordni ta’ preservazzjoni.

Skont l-Artikolu 23(3), il-qorti li tkun ħarġet ordni ta’ preservazzjoni li trid tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor tinnotifika lill-pretendent biha b’tali mod li l-pretendent ikun jista’ jitlob l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ preservazzjoni. Jekk ordni tinħareġ fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għat-trażmissjoni tkun il-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica.

Skont l-Artikolu 23(5), l-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet hija l-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica.

Skont l-Artikolu 23(6), l-awtorità kompetenti biex tirċievi l-formoli, inklużi l-formoli għall-banek, hija l-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica.

Skont l-Artikolu 25(3), l-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ ordni hija l-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica, li għandha l-kompetenza għall-kompiti assoċjati mal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ preservazzjoni maħruġa fi Stat Membru tal-UE ieħor.

Skont l-Artikolu 27(2), il-qorti kompetenti hija l-qorti li qed teżegwixxi ordni ta’ preservazzjoni.

Skont l-Artikolu 28(3), il-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica hija kompetenti biex tirċievi dokumenti minn Stat Membru ieħor biex jiġu nnotifikati fis-Slovakkja. Jekk ordni maħruġa minn qorti Slovakka trid tiġi nnotifikata lil debitur residenti fi Stat Membru ieħor, il-qorti kompetenti li tittrażmetti d-dokumenti tkun dik li ħarġet l-ordni.

Skont l-Artikolu 36(5), l-awtorità kompetenti hija l-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica, li għandha l-kompetenza għall-kompiti assoċjati mal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ preservazzjoni maħruġa fi Stat Membru tal-UE ieħor.

Skont l-Artikolu 27(2), il-qorti kompetenti hija l-qorti li qed teżegwixxi ordni ta’ preservazzjoni.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3), id-dokumenti jiġu nnotifikati mill-qorti li ħarġet l-ordni ta’ preservazzjoni. Skont it-tieni subparagrafu, l-awtorità kompetenti għan-notifika ta’ dokumenti lid-debitur hija l-qorti li eżegwiet l-ordni ta’ preservazzjoni.

Skont l-Artikolu 36(5), l-awtorità kompetenti hija l-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica.

Artikolu 50(1)(f) — Awtorità kompetenti biex toħroġ l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

Il-qorti kompetenti biex teżegwixxi ordni ta’ preservazzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor hija l-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica. Il-qorti kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ preservazzjoni maħruġa fir-Repubblika Slovakka hija l-qorti li tkun ħarġet dik l-ordni ta’ preservazzjoni.

Artikolu 50(1)(g) — Il-punt sa fejn il-kontijiet konġunti jew ta' mandatarju jistgħu jiġu preżervati

L-awtorità tal-informazzjoni għandha d-dritt titlob biss dik l-informazzjoni li tkun meħtieġa biex tidentifika l-bank u l-kontijiet tad-debitur, u mhux il-kontijiet ta’ terzi miżmuma f’isem id-debitur. L-awtorità tal-informazzjoni ma tingħatax informazzjoni bħal din dwar terzi u ma tistax timblokka l-kontijiet tagħhom, la kompletament u lanqas parzjalment. L-awtorità tal-informazzjoni tista’ tikseb biss informazzjoni dwar kontijiet miżmuma b’mod konġunt ma’ debitur.

L-awtorità kompetenti għall-preservazzjoni tal-kontijiet konġunti ta’ persuna li ssir talba kontriha hija:

(a) il-qorti li ħarġet l-ordni, għal ordni maħruġa fir-Repubblika Slovakka u li trid tiġi eżegwita hemmhekk;

(b) Il-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica, għal ordni maħruġa fi Stat Membru ieħor u li trid tiġi eżegwita fir-Repubblika Slovakka.

Artikolu 50(1)(h) — Ir-regoli applikabbli għall-ammonti eżenti minn qbid

Il-fondi li ġejjin ma jistgħux jiġu mblukkati:

  1. kontijiet li jappartjenu għal persuni li l-proprjetà tagħhom ma tistax tiġi ssekwestrata;
  2. kontijiet li ma jistgħux jiġu ssekwestrati;
  3. kontijiet li mhumiex soġġetti għal sekwestru.

Il-pretensjonijiet li mhumiex soġġetti għal qbid huma ddefiniti fl-Artikolu 104 tal-Att Nru 233/1995.

Dawn li ġejjin mhumiex soġġetti għal sekwestru b’addebitazzjoni fil-kont:

  1. fondi ta’ kontijiet ta’ sa EUR 99.58. Id-debitur mhux meħtieġ jipprovdi informazzjoni dwar kwalunkwe fond sa dan l-ammont;
  2. fondi espressament iddikjarati mid-debitur bħala merfugħa għall-ħlas tas-salarji tal-persunal għall-eqreb perjodu ta’ ħlas għad-data ta’ meta ġie nnotifikat il-bank bl-ordni jibda l-mandat ta’ sekwestru. F’dan il-każ, id-debitur għandu jagħmel dikjarazzjoni espressa;
  3. meta s-salarju tad-debitur jew introjtu ieħor jitħallas f’kont bankarju, is-sekwestru b’addebitament tal-kont ma japplikax għal dawn il-fondi sal-ammont li bil-liġi ma tistax tinżamm mis-salarju ta’ kull xahar jew minn introjtu ieħor; dan japplika mill-mument li l-bank jiġi nnotifikat. Id-debitur għandu jinnotifika lill-bank b’dak l-ammont.

Artikolu 50(1)(i) — Tariffi, jekk imposti mill-banek, għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet, u informazzjoni dwar il-parti responsabbli biex iħallas dawk it-tariffi

Sakemm titnieda s-sistema ta’ informazzjoni speċjali bla ħlas, il-banek huma intitolati jitolbu ħlas ta’ EUR 20-30 għall-ġestjoni tal-klijenti, inkluża l-informazzjoni dwar il-kont, skont it-Tariffi Bankarji. Il-banek għandhom id-dritt jirkupraw l-ispejjeż mingħand il-persuna li ordni ta’ preservazzjoni tkun qed saret kontriha.

Artikolu 50(1)(j) – l-iskala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor involut fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

Fis-Slovakkja, il-qrati u l-banek biss huma involuti fl-ipproċessar u l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ preservazzjoni. Il-banek jitolbu l-ħlas skont it-Tariffi Bankarji. Id-drittijiet tal-qorti huma rregolati mill-Att Nru 71/1992.

It-tariffa tal-qorti għal talba għall-eżekuzzjoni ta’ miżura urġenti fi Stat Membru ieħor hija ta’ EUR 16.50.

It-tariffa tal-qorti għal talba għall-eżekuzzjoni ta’ miżura urġenti fi Stat Membru ieħor hija ta’ EUR 33.

It-tariffa tal-qorti għal talba għal miżura urġenti li trid tiġi eżegwita fis-Slovakkja, kompletament jew parzjalment, hija ta’ EUR 49.50.

Artikolu 50(1)(k) — Gradazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti

Fis-Slovakkja ma hemm l-ebda istituzzjoni legali separata tal-preservazzjoni tal-kontijiet. L-ordni ta’ prijorità għal ordnijiet Ewropej li jikkonċernaw l-istess kont bankarju ssegwi d-dati ta’ meta l-bank jiġi nnotifikat bl-ordnijiet ta’ preservazzjoni. Jekk fl-istess jum ikun hemm aktar minn ordni ta’ preservazzjoni waħda, dawn ikollhom l-istess prijorità. Jekk ma jkunx hemm fondi biżżejjed fil-kont tad-debitur għall-preservazzjoni tal-ammonti kollha stabbiliti fl-ordnijiet, il-fondi jiġu ppreservati b’mod proporzjonat. L-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ preservazzjoni ma għandhiex effett sospensiv fuq l-eżekuzzjoni, u ma tinvolvix dritt preferenzjali biex jiġu żgurati l-fondi preservati.

Artikolu 50(1)(l) — Qrati jew awtorità ta' eżekuzzjoni kompetenti biex tagħti rimedju

Il-qorti kompetenti għar-rimedji hija l-qorti li tkun ħarġet jew eżegwiet l-ordni.

Artikolu 50(1)(m) — Qrati li quddiemhom għandhom jiġi ppreżentat appell u l-limitu ta’ żmien, jekk ikun il-każ, biex jiġi ppreżentat l-appell

L-appelli jitressqu quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li l-appell ikun sar kontra d-deċiżjoni tagħha. Il-qorti kompetenti biex tisma’ l-appelli hija l-qorti tat-tieni istanza (il-qorti reġjonali). L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-appell hija ta’ 15-il jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. L-istess skadenza tapplika jekk l-appell jiġi ppreżentat direttament lill-qorti tat-tieni istanza.

Artikolu 50(1)(n) — Tariffi tal-Qorti

Id-drittijiet tal-qorti huma rregolati mill-Att Nru 71/1992. It-tariffi assoċjati mal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ preservazzjoni huma kif ġej: talba għall-ordni ta’ miżura urġenti: EUR 33 jew EUR 49.50; talba għal tħassir jew emenda: EUR 33; talba għal informazzjoni li tifforma parti minn talba għal ordni: EUR 3; talba għall-eżekuzzjoni ta’ miżura urġenti fi Stat Membru ieħor: EUR 16.50.

Artikolu 50(1)(o) — Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti

Għall-finijiet tal-Artikolu 49(2) il-lingwi aċċettati huma s-Slovakk, iċ-Ċek u l-Ingliż.

L-aħħar aġġornament: 26/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.