Rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili

Iċ-Ċekja

Il-kontenut ipprovdut minn
Iċ-Ċekja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Iċ-Ċekja

Proċeduri transfruntieri Ewropej - Miżuri ta' Protezzjoni Ewropej f'materji ċivili


*input mandatarju

Artikolu 17 - Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku

1. Miżuri proviżorji ta’ protezzjoni minn vjolenza domestika taħt l-Att dwar il-Proċedimenti Speċjali tal-Qorti

1.1. Leġiżlazzjoni rilevanti

Dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika jinsabu fl-Artikoli 751–753 tal-Att Nru 89/2012, il-Kodiċi Ċivili, disponibbli hawnhekk. Ir-regoli proċedurali li jirregolaw il-proċedimenti proviżorji dwar il-protezzjoni mill-vjolenza domestika huma stipulati fl-Artikoli 400–414 tal-Att Nru 292/2013, dwar il-proċedimenti speċjali tal-qorti, disponibbli hawnhekk.

Jekk il-kondiviżjoni mal-konjuġi l-ieħor/l-oħra ta’ dar jew appartament fejn tkun tinsab id-dar tal-familja ssir insopportabbli għal wieħed/waħda mill-konjuġi (miżżewġin jew divorzjati), minħabba l-vjolenza fiżika jew mentali fil-konfront ta’ dak/dik il-konjuġi jew ta’ persuna oħra li tkun qiegħda tgħix mal-konjuġi fid-dar tal-familja, il-qorti tista’, meta ssir talba mill-konjuġi kkonċernat(a), tillimita jew saħansitra teskludi d-dritt tal-konjuġi l-ieħor/l-oħra li jirrisjedi/tirrisjedi fid-dar jew fl-appartament għal perjodu ta’ żmien stabbilit.

Minħabba n-natura u l-kontenut tagħha, kif ukoll il-kundizzjonijiet biex tinħareġ, il-miżura proviżorja ta’ protezzjoni minn vjolenza domestika taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

1.2 Persuni intitolati

(a) konjuġi: il-vjolenza mhux neċessarjament tkun diretta biss lejn il-konjuġi, iżda anki fil-konfront ta’ persuna oħra li tgħix mal-konjuġi fid-dar tal-familja;

(b) konjuġi divorzjati li jikkondividu dar tal-familja;

(c) persuni oħra li jgħixu fid-dar tal-familja mal-konjuġi jew konjuġi divorzjati, irrispettivament minn jekk il-vjolenza ssirx fil-konfront ta’ dawn il-persuni l-oħra jew fil-konfront ta’ persuni oħra li jkunu għadhom qegħdin jikkoabitaw.

1.3. Kontenut

L-intimati jistgħu, b’mod partikolari, jingħataw ordnijiet biex:

(a) jitilqu mill-unità domestika komuni u l-inħawi qrib tagħha u joqogħdu lura milli jissoġġornaw fl-unità domestika komuni jew jaċċessawha;

(b) joqogħdu lura milli jersqu qrib l-unità domestika komuni jew ir-rikorrent u milli jissoġġornaw fil-qrib;

(c) joqogħdu lura milli jiltaqgħu mar-rikorrent; jew

(d) joqogħdu lura minn kull xorta ta’ segwiment bil-moħbi tar-rikorrent jew li jagħtuh(a) fastidju.

1.4. Durata

Il-miżura proviżorja għandha durata ta’ xahar mid-data ta’ eżegwibbiltà tagħha. Id-deċiżjoni rilevanti ssir eżegwibbli ladarba tinħareġ, jiġifieri l-eżegwibbiltà tagħha ma tiddependix fuq in-notifika tad-deċiżjoni jew li d-deċiżjoni ssir finali.

Id-deċiżjoni tista’ tiġi eżegwita ripetutament matul iż-żmien li għalih tkun inħarġet il-miżura proviżorja. Jekk il-parti responsabbli għall-obbligu ma tonorax l-obbligu tagħha li toqgħod lura milli tidħol jew tissoġġorna fl-unità domestika komuni wara li tkun inħarġet id-deċiżjoni skont l-Artikolu 493 tal-Att dwar il-Proċedimenti Speċjali tal-Qorti, il-qorti fi kwalunkwe mument u mingħajr dewmien teżegwixxi d-deċiżjoni għal darb’oħra billi tisfratta mill-unità domestika komuni lill-parti responsabbli għall-obbligu, u dan tagħmlu b’rikors tal-parti intitolata. F’kawżi oħra, il-qorti tipproċedi skont l-Artikolu 351 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u tagħti multa sa massimu ta’ CZK 100 000 lill-parti responsabbli għall-obbligu minħabba ksur ta’ obbligu.

1.5. Estensjoni

Il-miżura proviżorja hija valida xahar mid-data ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni u tista’ tiġi estiża. Dan isir mill-qorti b’rikors biss.

Il-preżentazzjoni tar-rikors rilevanti għal estensjoni awtomatikament testendi d-durata tal-miżura proviżorja sakemm il-qorti tiddeċiedi dwar ir-rikors.

Id-durata totali massima tal-miżura proviżorja hija ta’ sitt xhur mid-data ta’ eżegwibbiltà tagħha.

1.6. Regoli proċedurali

Il-ġuriżdizzjoni tkun dik tal-qorti ordinarja tar-rikorrent. Il-qorti tiddeċiedi dwar ir-rikors rilevanti fi żmien 48 siegħa mingħajr seduta. Id-deċiżjoni tista’ tiġi appellata. Ma hemm l-ebda reġistru pubbliku tal-miżuri proviżorji fir-Repubblika Ċeka.

1.6.1. Elementi essenzjali tar-rikors

Rikors għal miżura proviżorja ta’ protezzjoni minn vjolenza domestika jrid ikun fiha l-elementi ġenerali meħtieġa f’rikors u espożizzjoni tal-fatti li turi li l-koabitazzjoni tar-rikorrent u tal-intimat fid-dar jew appartament fejn jikkondividu unità domestika hija insopportabbli għar-rikorrent minħabba l-vjolenza fiżika jew mentali fil-konfront tar-rikorrent, jew espożizzjoni tal-fatti li turi li r-rikorrent qiegħed/qiegħda i/tkun soġġett għal segwiment bil-moħbi jew fastidju.

1.6.2. Tariffa tal-qorti

Min jitlob għall-protezzjoni kontra l-vjolenza domestika huwa eżenti minn tariffa tal-qorti.

1.7. Ksur

Il-korp inkarigat li jirċievi kwereli fir-rigward tal-ksur ta’ miżura proviżorja huwa l-Pulizija tar-Repubblika Ċeka.

2. Miżuri proviżorji taħt il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

2.1. Leġiżlazzjoni rilevanti

L-Artikoli 74–77a tal-Att Nru 99/1963, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, disponibbli hawnhekk. Jekk il-qorti tilqa’ rikors għal miżura proviżorja, trid dejjem tordna lir-rikorrent j/tippreżenta rikors promotorju fuq il-merti tal-kawża f’perjodu ta’ żmien stabbilit, peress li l-miżura proviżorja hija biss arranġament temporanju sakemm il-kawża tinqata’ permezz ta’ deċiżjoni finali fuq il-merti tagħha.

2.2. Persuni intitolati

Il-partijiet fil-proċedimenti tar-rikors għal miżura proviżorja jkunu, f’kull kawża, ir-rikorrent u dawk li jkunu partijiet fil-proċedimenti dwar il-merti tal-kawża (l-Artikolu 74(2) tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Ċivili)

2.3. Kontenut

Eżempji ta’ obbligi li jistgħu jiġu imposti mill-qorti permezz ta’ miżura proviżorja huma stabbiliti fl-Artikolu 76(1) tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Ċivili. L-Artikolu 76(1)(e) huwa partikolarment rilevanti għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ċertifikati skont ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, billi jistipula li permezz ta’ miżura proviżorja, qorti tista’ tordna lil parti biex twettaq xi ħaġa, toqgħod lura milli twettaq xi ħaġa jew biex tittollera xi ħaġa.

2.4. Durata

Riżoluzzjoni li timponi miżura proviżorja ssir eżegwibbli malli tiġi ppubblikata. Jekk ma jkun hemm l-ebda pubblikazzjoni, issir eżegwibbli malli tiġi nnotifikata lill-persuna responsabbli għall-obbligu.

Il-miżura proviżorja tiskadi jekk:

(a)      ir-rikorrent j/tonqos milli j/tippreżenta rikors promotorju fuq il-merti tal-kawża fil-perjodu ta’ żmien stipulat mil-liġi jew mogħti mill-qorti;

(b)      ir-rikors fuq il-merti tal-kawża ma jkunx intlaqa’;

(c)      ir-rikors fuq il-merti tal-kawża jkun intlaqa’ u jkunu għaddew 15-il jum mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar il-materja;

(d)      id-durata tal-miżura tkun għaddiet.

Id-durata tal-miżura proviżorja tista’ tiġi estiża mill-qorti.

2.5 Regoli proċedurali

Fil-prinċipju, il-ġuriżdizzjoni għall-għoti ta’ miżura proviżorja tkun tal-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-merti tal-kawża. Il-qorti tiddeċiedi dwar rikors għal miżura proviżorja mingħajr dewmien u mingħajr seduta, mhux aktar tard minn sebat ijiem mill-preżentata. Id-deċiżjoni tista’ tiġi appellata. Ma hemm l-ebda reġistru pubbliku tal-miżuri proviżorji fir-Repubblika Ċeka.

2.5.1 Elementi essenzjali ta’ rikors

Rikors għal miżura proviżorja jrid ikun fih l-elementi ġenerali meħtieġa f’rikors, kif ukoll l-ismijiet, il-kunjomijiet u l-post fejn joqogħdu l-partijiet u, fejn xieraq, ir-rappreżentanti tagħhom, espożizzjoni tal-fatti li turi li r-relazzjoni bejn il-partijiet tirrikjedi soluzzjoni proviżorja jew li hemm tħassib li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti tista’ tiġi kompromessa, u espożizzjoni tal-fatti li tiġġustifika l-miżura proviżorja; ir-rikors irid jindika biċ-ċar it-tip ta’ miżura proviżorja li r-rikorrent qiegħed ifittex li jikseb.

2.5.2 Tariffa tal-qorti

It-tariffa għall-preżentazzjoni ta’ rikors hija ta’ CZK 1 000.

2.6 Ksur

Kwalunkwe att legali li jsir minn persuna b’obbligu skont il-parti operattiva ta’ riżoluzzjoni eżegwibbli li tippermetti miżura proviżorja jkun null jekk ikun jikser l-obbligu impost mir-riżoluzzjoni eżegwibbli li tippermetti l-miżura proviżorja. Il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni n-nullità ex officio.

 3. Miżuri proviżorji taħt il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

3.1. Leġiżlazzjoni rilevanti

Id-dispożizzjonijiet ġuridiċi li jirregolaw il-miżuri proviżorji jinsabu fl-Artikolu 88b–88o tal-Att Nru 141/196, dwar il-proċedura kriminali (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), disponibbli hawnhekk.

Minħabba n-natura u l-kontenut tagħhom, il-miżuri proviżorji skont l-Artikolu 88d tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (projbizzjoni ta’ kuntatt ma’ ċerti persuni) u skont l-Artikolu 88e tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (projbizzjoni ta’ aċċess għall-abitazzjoni) jistgħu jitqiesu bħala li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.2. Benefiċjarji tal-protezzjoni

Il-vittma, persuna qrib tagħha jew persuna oħra (pereż. xhud).

3.3. Kontenut

3.3.1. Projbizzjoni ta’ kuntatt ma’ persuni speċifiċi

Il-projbizzjoni ta’ kuntatt ma’ persuni speċifiċi tfisser li l-persuna responsabbli għall-obbligu ma tista’ bl-ebda mod tagħmel kuntatt jew tfittex lill-vittma, lill-persuni qrib il-vittma jew lil kwalunkwe persuna oħra, b’mod partikolari x-xhieda, inkluż permezz ta’ network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew mezzi oħra simili.

3.3.2. Projbizzjoni ta’ aċċess għall-abitazzjoni

Il-projbizzjoni ta’ aċċess għall-abitazzjoni tfisser li l-imputat(a) ma j/tistax j/taċċedi, j/tavviċina jew j/tissoġġorna fl-unità domestika komuni kondiviża mal-vittma.

3.4. Durata

Il-miżura proviżorja tapplika sakemm ikun jirrikjedi l-iskop tagħha, iżda ma tapplikax aktar wara li s-sentenza jew deċiżjoni oħra li tittermina l-proċedimenti ssir finali.

Jekk tissussisti r-raġuni li għaliha tkun ġiet imposta miżura proviżorja u l-imputat(a) j/tonqos milli j/tikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-miżura proviżorja, l-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi kriminali tista’ tiddeċiedi li timponi multa amministrattiva, toħroġ miżura proviżorja ta’ xorta oħra, jew iżżomm lill-imputat(a) taħt arrest.

3.5. Regoli proċedurali

Id-dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti jinsabu fl-Artikolu 88b(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Id-deċiżjoni tista’ tiġi appellata. Ma hemm l-ebda reġistru pubbliku tal-miżuri proviżorji fir-Repubblika Ċeka.

3.5.1. Elementi essenzjali ta’ rikors

Is-setgħa li jimponi miżuri proviżorji fi proċedimenti kriminali hija tal-imħallef u xi minn daqqiet tal-prosekutur pubbliku, ara l-Artikolu 88m tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

3.5.2. Tariffa tal-qorti

Rikorsi għal miżuri proviżorji mhumiex soġġetti għal tariffa tal-qorti.

3.6. Ksur

Il-korpi inkarigati li jirċievu kwereli fir-rigward tal-ksur ta’ miżura proviżorja huma l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kriminali, b’mod partikolari l-Pulizija tar-Repubblika Ċeka.

Artikolu 18 (a)(i) - l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5

Il-qrati distrettwali (okresní soudy)

Artikolu 18 (a)(ii) - l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura

Il-qrati distrettwali (okresní soudy) Skont l-Artikolu 513a(1) tal-Att Nru 292/2013, dwar il-Proċedimenti Speċjali tal-Qorti, il-ġuriżdizzjoni territorjali tkun dik tal-qorti ordinarja tar-rikorrent; meta dan ma japplikax, il-ġuriżdizzjoni territorjali tkun dik tal-qorti li fit-territorju tagħha għandha tingħata l-protezzjoni. Ġeneralment, din tkun il-qorti distrettwali fiż-żona fejn jirrisjedi r-rikorrent.

Artikolu 18 (a)(iii) - l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1)

Il-qrati distrettwali (okresní soudy) Skont l-Artikolu 513a(2) tal-Att Nru 292/2013, dwar il-Proċedimenti Speċjali tal-Qorti, il-ġuriżdizzjoni territorjali tkun dik tal-qorti ordinarja tar-rikorrent; meta dan ma japplikax, il-ġuriżdizzjoni territorjali tkun dik tal-qorti li fit-territorju tagħha għandha tingħata l-protezzjoni. Ġeneralment, din tkun il-qorti distrettwali fiż-żona fejn jirrisjedi r-rikorrent.

Artikolu 18 (a)(iv) - il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13

Il-qrati distrettwali (okresní soudy)

Artikolu 18 (b) - il-lingwa jew lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)

Iċ-Ċek jew is-Slovakk

L-aħħar aġġornament: 11/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.