Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Fir-Repubblika tal-Kroazja, it-termini għall-proċeduri ċivili huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 111 - 114 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri. 53/91, 91/92, 112/99, 129/00, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 84/08, 96/08, 123/08, 57/11, 25/13, 89/14 u 70/19; minn hawn ’il quddiem: ZPP).

Terminu huwa perjodu ta’ żmien speċifiku li matulu tista’ tittieħed azzjoni proċedurali, jew li qabel l-iskadenza tiegħu ma tistax tittieħed tali azzjoni.

Il-liġi proċedurali Kroata tirrikonoxxi diversi tipi ta’ termini:

  • termini statutorji (zakonski) u ġudizzjarji (sudski) — it-tul ta’ żmien tat-termini statutorji huwa stabbilit mil-liġi u ma jistax jitbiddel mill-qorti jew mill-partijiet, u t-tul ta’ żmien tat-termini ġudizzjarji huwa stabbilit mill-qorti, fid-diskrezzjoni tagħha għal kull każ speċifiku, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni legali;
  • termini li jistgħu jiġu estiżi (produživi) u li ma jistgħux jiġu estiżi (neproduživi) — it-termini statutorji ma jistgħux jiġu estiżi, filwaqt li t-termini ġudizzjarji jistgħu jiġu estiżi, kif deċiż mill-qorti, iżda biss fuq il-mozzjoni ta’ persuna kkonċernata, fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex tagħmel dan (l-Artikolu 111(2) taz-ZPP);
  • termini suġġettivi (subjektivni) u oġġettivi (objektivni) — termini suġġettivi huma dawk li l-bidu tagħhom jiddependi fuq li l-persuna awtorizzata tikseb għarfien ta’ avveniment li huwa rilevanti għall-kalkolu tat-terminu u t-termini oġġettivi jiġu kkalkolati minn meta jseħħ il-fatt rilevanti, irrispettivament mill-persuna awtorizzata li tikseb għarfien tiegħu;
  • termini ta’ preskrizzjoni negattiva (prekluzivni) u termini indikattivi (instruktivni) — in-nuqqas ta’ konformità ma’ terminu ta’ preskrizzjoni negattiva jwassal għat-telf tad-dritt li titwettaq l-azzjoni proċedurali sussegwentement, filwaqt li n-nuqqas ta’ konformità ma’ terminu indikattiv ma jwassalx għal konsegwenzi dannużi u l-azzjoni proċedurali tista’ titwettaq sussegwentement;
  • termini minimi (dilatorni) u termini għall-eżekuzzjoni (paricijski) — termini minimi jfissru li azzjoni proċedurali ma tistax tittieħed qabel ikun għadda perjodu ta’ żmien partikolari, filwaqt li t-termini għall-eżekuzzjoni jfissru li l-qorti ma tistax twettaq attività partikolari qabel ma jkun skada t-terminu għall-eżekuzzjoni;
  • termini ċivili (građanskopravni) u proċedurali (procesnopravni) — termini ċivili jfissru dawk li jiffissaw perjodu ta’ żmien sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni jew jiġu ssodisfati d-dmirijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi sostantiva ċivili, filwaqt li t-termini proċedurali jiffissaw perjodu ta’ żmien sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni jew jiġu ssodisfati d-dmirijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi proċedurali (ċivili).

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Fir-Repubblika tal-Kroazja, il-lista ta’ jiem mhux tax-xogħol hija rregolata mill-Att dwar il-Btajjel, il-Jiem ta’ Tifkira u l-Jiem Mhux tax-Xogħol fir-Repubblika tal-Kroazja(Zakon o blagdanima, spomendanima i neradnim danima u Republici Hrvatskoj) (NN Nru 110/19).

Il-btajjel pubbliċi fir-Repubblika tal-Kroazja huma dawn li ġejjin:

  • L-1 ta’ Jannar - L-Ewwel tas-Sena
  • Is-6 ta’ Jannar - L-Epifanija
  • Ħadd il-Għid u t-Tnejn ta’ wara l-Għid
  • Corpus Christi
  • L-1 ta’ Mejju - Jum il-Ħaddiem
  • It-30 ta’ Mejju - Jum is-Sovranità
  • It-22 ta’ Ġunju - Il-Jum tal-Ġlieda Kontra l-Faxxiżmu
  • Il-5 ta’ Awwissu - Jum il-Vitorja u r-Radd il-Ħajr u l-Jum iddedikat lill-Veterani tal-Patrija
  • Il-15 ta’ Awwissu - L-Assunzjoni
  • L-1 ta’ Novembru - Jum il-Qaddisin Kollha
  • It-18 ta’ Novembru - Jum ta’ Tifkira għall-vittmi tal-Gwerra Interna u ta’ Tifkira għall-vittmi ta’ Vukovar u Škabrnja
  • Il-25 ta’ Diċembru - Il-Milied
  • Is-26 ta’ Diċembru - L-Għada tal-Milied/Il-Jum iddedikat lil San Stiefnu

Fir-Repubblika tal-Kroazja, il-btajjel pubbliċi huma jiem mhux tax-xogħol.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

It-termini jiġu kkalkolati f’jiem, xhur u snin.

Ir-regoli dwar il-kalkolu tat-termini japplikaw għat-termini kollha. It-termini jiġu kkalkolati f’jiem sħaħ, minn nofs il-lejl sa nofs il-lejl (computatio civilis, a die ad diem) u mhux minn mument għal mument, billi jiġu kkalkolati s-sigħat u l-minuti (computation naturalis, a momento ad momentum). Għal aktar informazzjoni dwar ir-regoli ġenerali, ara r-risposta taħt 1).

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Id-data tal-bidu hija d-data tal-bidu tal-proċeduri jew ta’ xi azzjoni oħra (pereżempju, notifika, avviż) minn meta jrid jiġi kkalkolat it-tul taż-żmien. Id-data tal-bidu mhijiex inkluża fit-termini espressi f’jiem. L-ewwel jum li jkun imiss jitqies bħala l-bidu tat-terminu.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Ir-regola ġenerali tan-notifika hija li din trid tiġi effettwata f’jum tax-xogħol u speċifikament mis-sebgħa (7) ta’ filgħodu sat-tmienja (8) ta’ filgħaxija, fir-residenza jew fuq il-post tax-xogħol tal-persuna li għandha tingħata n-notifika, jew fil-qorti meta l-persuna msemmija tkun tinsab hemmhekk. L-eċċezzjoni għar-regola msemmija fuq, jiġifieri li n-notifika għandha tiġi effettwata f’jum tax-xogħol u speċifikament mis-sebgħa (7) ta’ filgħodu sat-tmienja (8) ta’ filgħaxija, ma tapplikax għal notifika bil-posta jew minn nutar pubbliku.

In-notifika tista’ tiġi effettwata wkoll f’ħin u post ieħor bil-kunsens tal-persuna li għandha tingħata n-notifika

Jekk il-qorti tqis li jkun meħtieġ, hija toħroġ ordni sabiex in-notifika tiġi effettwata fi kwalunkwe post ieħor jew fi kwalunkwe ħin ieħor. Fil-każ ta’ din il-forma ta’ notifika, il-persuna li lilha tiġi kkomunikata l-komunikazzjoni għandha tingħata kopja tad-deċiżjoni tal-qorti li biha din tkun ġiet ordnata. Din id-deċiżjoni ma għandhiex bżonn tinkludi spjegazzjoni.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Jekk terminu jkun ġie kkalkolat f’jiem, il-jum meta saret in-notifika jew il-jum meta seħħ l-avveniment minn meta beda jiddekorri t-terminu ma jiġix inkluż f’tali terminu. Minflok, it-terminu għandu jibda fl-ewwel jum li jkun imiss.

Pereżempju, jekk l-avveniment minn meta beda perjodu ta’ żmien ta’ 15-il jum seħħ fil-5 ta’ Frar, it-terminu ta’ 15-il jum jiskadi f’nofs il-lejl fl-20 ta’ Frar.

Għalhekk, il-kalkolu tat-terminu ma jibdiex f’dak il-jum li jkun seħħ avveniment (dies a quo), iżda fil-jum ta’ wara.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Meta terminu jiġi espress f’jiem, in-numru ta’ jiem indikat jirreferi għal jiem kalendarji. Madankollu, jekk l-aħħar jum ta’ terminu jaqa’ fi btala pubblika jew nhar ta’ Ħadd jew fi kwalunkwe jum ieħor meta l-qorti ma tkunx miftuħa, tali terminu jiskadi fl-aħħar tal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

It-termini kkalkolati f’xhur jew snin jiġu fi tmiemhom fl-aħħar tal-jum tal-aħħar xahar jew sena li jkollhom l-istess numru bħall-jum li fih beda jiddekorri t-terminu.

Jekk ma jkun hemm ebda data bħal din fl-aħħar xahar, it-terminu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Ara l-punt 8.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Terminu ffissat minn qorti jista’ jiġi estiż darba biss fuq il-mozzjoni ta’ persuna kkonċernata jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi għal dan.

Il-mozzjoni għandha tiġi ppreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu li għalih tintalab estensjoni.

Ma hemm ebda appell kontra deċiżjoni dwar l-estensjoni ta’ terminu.

It-terminu estiż jibda fl-ewwel jum li jkun imiss wara l-iskadenza tat-terminu li għalih intalbet l-estensjoni.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Il-partijiet jistgħu jressqu appell kontra sentenza mogħtija minn qorti tal-prim’istanza fi żmien ħmistax-il jum mid-data meta tiġi nnotifikata kopja tas-sentenza, sakemm dan l-Att ma jipprevedix terminu ieħor. F’tilwimiet li jinvolvu kontrolli u kambjali, dan it-terminu jkun ta’ tmint ijiem.

Dawn it-termini għall-preżentazzjoni ta’ appell huma sospiżi bejn l-1 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Awwissu.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Terminu ffissat minn qorti jista’ jiġi estiż darba biss fuq il-mozzjoni ta’ persuna kkonċernata jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi għal dan.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Ir-regoli tal-proċedura ċivili fir-Repubblika tal-Kroazja ma jipprevedu ebda estensjoni tat-terminu skont il-post tar-residenza tal-partijiet.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Il-konsegwenzi jiddependu fuq in-natura legali tal-iskadenzi, jiġifieri, fil-każ ta’ termini statutorji li ma jistgħux jiġu estiżi u fejn il-parti tonqos milli tieħu azzjoni proċedurali fit-terminu preskritt, tali nuqqas ta’ osservanza tal-iskadenza jirriżulta fit-telf tad-dritt li sussegwentement tittieħed l-azzjoni proċedurali.

Min-naħa l-oħra, hemm termini li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma jirriżultax fit-telf tad-dritt li sussegwentement tittieħed azzjoni, u dawn it-termini ssir referenza għalihom bħala indikattivi.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Jekk parti tonqos milli tidher f’seduta ta’ smigħ jew milli tilħaq skadenza sabiex tieħu azzjoni fil-proċedimenti u, għal dik ir-raġuni, titlef id-dritt li tieħu dik l-azzjoni, il-qorti tista’ tippermetti lil dik il-parti, fuq mozzjoni tagħha stess, li tieħu dik l-azzjoni aktar tard (mozzjoni sabiex jitreġġa’ lura status preċedenti), jekk hija tqis li kien hemm raġunijiet leġittimi għall-ommissjoni.

Il-mozzjoni għandha titressaq fi żmien tmint ijiem mill-jum meta tkun waqfet teżisti r-raġuni għall-ommissjoni; jekk il-parti tkun saret taf bl-ommissjoni aktar tard, il-perjodu ta’ żmien imsemmi fuq jibda jiddekorri minn dakinhar li hija tkun saret taf biha. Wara l-iskadenza ta’ xahrejn mid-data tal-ommissjoni, ma tista’ titressaq ebda mozzjoni sabiex jitreġġa’ lura status preċedenti.

L-aħħar aġġornament: 06/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.