Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Belġju
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Il-Kodiċi Ġudizzjarju (Code judiciaire/Gerechtelijk Wetboek) jirreferi għal numru ta’ limiti ta’ żmien differenti.

Dawn jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji: perjodi ta’ stennija u limiti ta’ żmien perentorji.

Il-perjodi ta’ stennija (délais d’attente/wachttermijnen) huma perjodi li jridu jiskadu. Fi kliem ieħor, dawn il-perjodi għandhom jiskadu qabel ma l-azzjoni legali tkun tista’ tittieħed b’mod validu.

Eżempju ta’ perjodu ta’ stennija huwa l-perjodu ta’ taħrika (délai de citation/dagvaardingstermijn). Għandu jkun hemm “perjodu ta’ taħrika” bejn id-data li fiha t-taħrika tkun notifikata u s-seduta preliminari: dan huwa tmint ijiem fil-kawża prinċipali (kawżi ċivili) u jumejn fi proċedimenti interim.

Il-limiti ta’ żmien perentorji (délais de forclusion/vervaltermijnen) huma limiti ta’ żmien li fihom trid tittieħed azzjoni legali partikolari, mhux aktar tard mill-aħħar ġurnata tal-limitu ta’ żmien jew tad-dies ad quem, u fin-nuqqas ta’ dan jiskadi d-dritt li tittieħed din l-azzjoni legali.

Il-limiti ta’ żmien li fihom għandhom jinbdew il-proċedimenti legali huma eżempji ta’ limiti ta’ żmien perentorji, jiġifieri:

  • il-limitu ta’ żmien ta’ xahar biex tappella kontra sentenza wara l-kawża (l-Artikolu 1051 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), mid-data li fiha s-sentenza ġiet notifikata;
  • il-limitu ta’ żmien ta’ xahar biex toġġezzjona għal sentenza kontumaċja (in absentia) (l-Artikolu 1048 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), mid-data li fiha s-sentenza tkun ġiet notifikata;
  • il-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur biex tappella fuq punti ta’ liġi lill-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation/ Hof van Cassatie) (l-Artikolu 1073 tal-Kodiċi Ġudizzjarju);
  • il-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur biex jitressqu l-proċedimenti ta’ partijiet terzi (l-Artikolu 1129 tal-Kodiċi Ġudizzjarju);
  • il-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni ta’ talba għal danni kontra imħallef għal nuqqas ta’ ġustizzja (l-Artikolu 1142 tal-Kodiċi Ġudizzjarju);
  • il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti ċivili (l-Artikolu 1136 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Il-perjodu ta’ taħrika huwa għalhekk perjodu ta’ stennija.

L-Artikolu 707 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistipula li t-taħrika ordinarja fil-kawża prinċipali hija tmint ijiem għal persuni li għandhom id-domiċilju jew il-post ta’ residenza tagħhom fil-Belġju.

L-istess japplika meta:

1. it-taħrika tiġi notifikata fil-Belġju fl-indirizz għan-notifika;

2. il-persuna li lilha tkun notifikata t-taħrika ma jkollhiex domiċilju jew post ta’ residenza magħruf fil-Belġju jew barra mill-pajjiż;

3. it-taħrika għal parti domiċiljata barra mill-pajjiż tiġi notifikata personalment fil-Belġju.

Il-perjodu ta’ taħrika fi proċedimenti interim huwa mnaqqas għal jumejn (l-Artikolu 1035 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Il-perjodu ta’ taħrika għal proċedimenti quddiem l-imħallef tas-sekwestri preventivi (juge des saisies/beslagrechter) huwa wkoll jumejn fejn dan tal-aħħar jippresjedi bħal fi proċedimenti interim.

Meta l-intimat ma jkollux domiċilju, post ta’ residenza jew indirizz għan-notifika fil-Belġju, il-“perjodi ordinarji” ta’ tmint ijiem u ta’ jumejn indikati hawn fuq huma estiżi skont l-Artikolu 55 tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

Il-perjodu huwa għalhekk ta’ (tmint ijiem jew jumejn + ...):

  1. 15-il jum meta l-parti tgħix f’pajjiż ġar jew fir-Renju Unit;
  2. 30 jum meta l-parti tgħix f’pajjiż Ewropew ieħor;
  3. 80 jum meta l-parti tgħix f’parti oħra tad-dinja.

Din l-estensjoni għandha, madankollu, tkun prevista mil-liġi. Għat-taħrika fil-kawża prinċipali, hija stabbilita fl-Artikolu 709 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, filwaqt li għat-taħrika fil-proċedimenti interim, hija stabbilita fl-Artikolu 1035 tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

Jista’ jkun meħtieġ f’każijiet speċifiċi li tipproċedi malajr ħafna wara t-taħrika. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, talba biex jitqassru dawn il-perjodi tista’ tiġi sottomessa lill-qorti kompetenti minn avukat jew uffiċjal tal-qorti (l-Artikolu 708 tal-Kodiċi Ġudizzjarju fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 1036 tal-Kodiċi Ġudizzjarju fil-proċedimenti interim).

Meta t-taħrika tiġi notifikata, l-uffiċjal tal-qorti jagħti wkoll kopja tad-deċiżjoni li tqassar il-perjodu tat-taħrika sabiex jinforma lill-intimat li din ġiet awtorizzata.

Wieħed mill-aktar aspetti importanti tal-limitu ta’ żmien huwa l-kalkolutiegħu. Il-proċedura għall-kalkolu hija stabbilita fl-Artikoli 48 sa 57 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (jiġifieri l-Kapitolu VIII tal-Ewwel Parti tal-Kodiċi Ġudizzjarju) (ara hawn taħt).

Dawn l-artikoli jkopru punti ġenerali (l-Artikoli 48 u 49), il-limiti ta’ żmien perentorji (l-Artikolu 50, l-ewwel paragrafu), il-kalkolu tal-limiti ta’ żmien (l-Artikoli 52 u 53, l-ewwel paragrafu, u l-Artikoli 53 bis, 54 u 57), is-sitwazzjonijiet ta’ force majeure, l-estensjoni tal-limitu ta’ żmien (l-Artikolu 50, it-tieni paragrafu, l-Artikoli 51 u 53, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 55) u l-każ ta’ sospensjoni minħabba l-mewt ta’ waħda mill-partijiet (l-Artikolu 56).

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

1 ta’ Jannar (L-Ewwel tas-Sena)

Ħadd il-Għid u t-Tnejn ta’ fuq l-Għid (dati jinbidlu)

1 ta’ Mejju (Jum il-Ħaddiem)

Jum Lapsi (is-sitt Ħamis wara Ħadd il-Għid)

Għid il-Ħamsin u t-Tnejn ta’ fuq Għid il-Ħamsin (is-seba’ Ħadd u Tnejn wara Ħadd il-Għid)

Festa nazzjonali: 21 ta’ Lulju

15 ta’ Awwissu (Festa tal-Assunzjoni tal-Madonna)

1 ta’ Novembru (Jum il-Qaddisin Kollha)

11 ta’ Novembru (l-Armistizju tal-1918)

25 ta’ Diċembru (Jum il-Milied)

Din il-lista ma tidhirx fil-Kodiċi Ġudizzjarju.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Ara l-mistoqsija 1 (hawn fuq).

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Ir-regola hija li d-dies a quo (jum tal-att jew tal-avveniment li jagħti bidu għal-limitu ta’ żmien) MHUX inkluż fil-limitu ta’ żmien, imma li d-dies ad quem (l-aħħar jum tal-limitu ta’ żmien) HUWA inkluż (“dies a quo non computatur in termino”).

l-Artikolu 52 tal-Kodiċi Ġudizzjarju: “Il-limitu ta’ żmien huwa kkalkulat min-nofsillejl sa nofsillejl. Huwa kkalkulat mill-jum wara l-jum tal-att jew tal-avveniment li jagħti bidu għal-limitu ta’ żmien u jinkludi l-ġranet kollha, anke s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi.”

Konsegwentement, il-kalkolu tal-limitu ta’ żmien ma jibdiex fil-jum tan-notifika ta’ taħrika jew sentenza (dies a quo), imma fil-jum ta’ wara (b’mod aktar preċiż, f’00.00 tal-jum ta’ wara).

Pereżempju, jekk it-taħrika tiġi notifikata nhar it-Tnejn 4 ta’ Mejju (dies a quo), il-perjodu ta’ taħrika jibda nhar it-Tlieta 5 ta’ Mejju. Fi kliem ieħor, l-ewwel ġurnata tal-limitu ta’ żmien ta’ tmint ijiem hija t-Tlieta 5 ta’ Mejju.

Jekk l-4 ta’ Mejju jaħbat il-Ġimgħa, mela l-perjodu ta’ taħrika jibda nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju. L-ewwel ġurnata tal-perjodu ta’ taħrika tista’ għalhekk taħbat is-Sibt, il-Ħadd jew festa pubblika.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

A/ Notifika minn uffiċjal tal-qorti:

Skont l-Artikolu 57 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor bil-liġi, il-limitu ta’ żmien għal oġġezzjoni, appell lil qorti superjuri jew appell fuq punti ta’ liġi lill-Qorti tal-Kassazzjoni jibda meta s-sentenza tiġi nnotifikata lill-persuna jew fid-domiċilju tagħha jew, fejn applikabbli, meta kopja tagħha tingħata personalment jew tiġi ddepożitata, kif stabbilit fl-Artikoli 38 u 40.

Għal persuni li m’għandhomx id-domiċilju, il-post ta’ residenza jew l-indirizz għan-notifika tagħhom fil-Belġju u li ma jistgħux jiġu notifikati personalment, il-limitu ta’ żmien jibda meta kopja tas-sentenza li għandha tiġi notifikata tingħata lis-servizz postali jew, fejn applikabbli , lill-prosekutur pubbliku.

Fil-każ ta’ persuni mingħajr kapaċità legali, il-limitu ta’ żmien ma jibdiex qabel ma s-sentenza tkun ġiet notifikata lir-rappreżentant legali tagħhom.

B/ Notifika permezz ta’ karta (ittra):

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor bil-liġi, skont l-Artikolu 53 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-limiti ta’ żmien li jibdew meta d-dokument tal-karta jiġi notifikat lid-destinatarju jiġu kkalkulati:

  1. fejn id-dokument ikun notifikat permezz ta’ kunsinna ġudizzjarja rreġistrata jew b’ittra rreġistrata b’konferma tal-wasla, mill-ewwel jum wara l-jum meta l-ittra tkun ġiet ippreżentata fid-domiċilju tad-destinatarju jew, fejn applikabbli, fil-post ta’ residenza jew fl-indirizz għan-notifika tad-destinatarju;
  2. fejn id-dokument ikun notifikat b’ittra rreġistrata jew b’ittra ordinarja, mit-tielet jum tax-xogħol wara l-jum meta l-ittra tkun ingħatat lis-servizzi postali, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor mid-destinatarju;
  3. fejn id-dokument ikun notifikat b’konferma datata tal-wasla, mill-ewwel jum li jkun imiss.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Ir-regola hija li d-dies a quo (jum tal-att jew tal-avveniment li jagħti bidu għal-limitu ta’ żmien) MHUX inkluż fil-limitu ta’ żmien, imma li d-dies ad quem (l-aħħar jum tal-limitu ta’ żmien) HUWA inkluż.

DIES A QUO:

l-Artikolu 52 tal-Kodiċi Ġudizzjarju: “Il-limitu ta’ żmien huwa kkalkulat min-nofsillejl sa nofsillejl. Huwa kkalkulat mill-jum wara l-jum tal-att jew tal-avveniment li jagħti bidu għal-limitu ta’ żmien u jinkludi l-ġranet kollha, anke s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi.”

Konsegwentement, il-kalkolu tal-limitu ta’ żmien ma jibdiex fil-jum tan-notifika ta’ taħrika jew ta’ sentenza (dies a quo), imma fil-jum ta’ wara (b’mod aktar preċiż, f’00.00).

Pereżempju, jekk it-taħrika tiġi notifikata nhar it-Tnejn 4 ta’ Mejju (dies a quo), il-perjodu ta’ taħrika jibda nhar it-Tlieta 5 ta’ Mejju. Fi kliem ieħor, l-ewwel ġurnata tal-limitu ta’ żmien ta’ tmint ijiem hija t-Tlieta 5 ta’ Mejju.

Jekk l-4 ta’ Mejju jaħbat il-Ġimgħa, mela l-perjodu ta’ taħrika jibda nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju. L-ewwel ġurnata tal-perjodu ta’ taħrika tista’ għalhekk taħbat is-Sibt, il-Ħadd jew festa pubblika.

DIES AD QUEM:

l-Artikolu 53 tal-Kodiċi Ġudizzjarju: “Il-jum ta’ skadenza huwa inkluż fil-limitu ta’ żmien. Madankollu, fejn din il-ġurnata taħbat is-Sibt, il-Ħadd jew festa pubblika, il-jum ta’ skadenza jitmexxa għall-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.”

Id-dies ad quem huwa l-jum meta jiskadi l-limitu ta’ żmien. Huwa inkluż fil-limitu ta’ żmien u għalhekk huwa l-aħħar jum tal-limitu ta’ żmien.

Madankollu, jekk dan id-dies ad quem jaħbat is-Sibt, il-Ħadd jew festa pubblika, il-jum ta’ skadenza jitmexxa għall-jum tax-xogħol ta’ wara.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Skont l-Artikolu 52 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-limitu ta’ żmien huwa kkalkulat minn nofsillejl sa nofsillejl. Jiġi kkalkulat mill-jum wara l-jum tal-att jew tal-avveniment li jagħti bidu għal-limitu ta’ żmien u jinkludi l-ġranet kollha, anke s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi.

Madankollu, l-att jista’ jitwettaq b’mod validu fir-reġistru tal-qorti biss fil-ġranet u matul il-ħinijiet li dan ir-reġistru tal-qorti jkun miftuħ għall-pubbliku, sakemm ma jitwettaqx b’mod elettroniku.

Għalhekk għandhom jintużaw jiem kalendarji.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Skont l-Artikolu 54 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-limitu ta’ żmien f’xhur jew fi snin jiġi kkalkulat minn data kalendarja f’xahar wieħed sal-jum ta’ qabel id-data kalendarja korrispondenti f’xahar ieħor.

Dan l-artikolu japplika biss għal limiti ta’ żmien f’xhur jew fi snin (pereżempju, il-limitu ta’ żmien għal oġġezzjoni jew appell: xahar); dan ifisser – meta jittieħed flimkien mal-Artikolu 53 tal-Kodiċi Ġudizzjarju – li l-limitu ta’ żmien ta’ xahar, pereżempju, mhuwiex dejjem 30 jew 31 jum, iżda jista’ jkun itwal jew iqsar.

“Data kalendarja” tfisser l-ewwel jum tal-limitu ta’ żmien, jiġifieri l-jum ta’ wara n-notifika.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-jum ta’ skadenza (jiġifieri d-dies ad quem) huwa inkluż fil-limitu ta’ żmien.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, huwa, madankollu, stipulat li, meta din il-ġurnata taħbat is-Sibt, il-Ħadd jew festa pubblika, il-jum ta’ skadenza jitmexxa għall-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

a/ Limiti ta’ żmien li ma jikkawżawx id-dritt għal skadenza:

L-Artikolu 49 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jiddikjara li l-limiti ta’ żmien huma stabbiliti bil-liġi u li l-qrati jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien biss meta dan huwa permess bil-liġi.

Skont l-Artikolu 51 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, qabel dawn jiskadu, il-qrati jistgħu jqassru jew jestendu l-limiti ta’ żmien li ma jikkawżawx id-dritt għal skadenza. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor bil-liġi, l-estensjoni ma tistax tkun itwal mil-limitu ta’ żmien oriġinali u l-ebda estensjoni oħra ma tista’ tingħata, sakemm dan ma jsirx permezz ta’ deċiżjoni motivata u għal raġunijiet serji.

b/ Il-parti li m’għandhiex domiċilju, post ta’ residenza jew indirizz għan-notifika fil-Belġju:

Skont l-Artikolu 55 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, fejn il-liġi tipprovdi li l-limiti ta’ żmien imposti fuq parti li m’għandhiex domiċilju, post ta’ residenza jew indirizz għan-notifika fil-Belġju għandhom jiġu estiżi, din l-estensjoni hija:

  1. 15-il jum meta l-parti tgħix f’pajjiż ġar jew fir-Renju Unit;
  2. 30 jum meta l-parti tgħix f’pajjiż Ewropew ieħor;
  3. 80 jum meta l-parti tgħix f’parti oħra tad-dinja.

c/ Waqt il-ferjat tal-qrati:

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, kull limitu ta’ żmien għal oġġezzjoni jew appell previst fl-Artikoli 1048, 1051 u 1253 quater, il-paragrafi (c) u (d), li jibda u jispiċċa matul il-ferjat tal-qrati jiġi estiż għall-ħmistax-il ġurnata tas-sena ġudizzjarja l-ġdida.

Il-ferjat tal-qrati jibda mill-1 ta’ Lulju u jintemm fil-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena.

Jekk il-limitu ta’ żmien għal oġġezzjoni jew appell jibda u jispiċċa matul dan il-perjodu, mela d-dies ad quem ta’ dan il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sal-15 ta’ Settembru.

Eżempju 1: is-sentenza tiġi notifikata fit-30 ta’ Ġunju (dies a quo). Il-limitu ta’ żmien jibda fl-1 ta’ Lulju u jintemm (dies ad quem) fil-31 ta’ Lulju.

Eżempju 2: is-sentenza tiġi notifikata fil-31 ta’ Lulju (dies a quo). Il-limitu ta’ żmien jibda fl-1 ta’ Awwissu u jintemm (dies ad quem) fil-31 ta’ Awwissu.

Fiż-żewġ eżempji, kemm l-ewwel ġurnata tal-limitu ta’ żmien kif ukoll d-dies ad quem jaqgħu fil-ferjat tal-qrati, u għalhekk il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sal-15 ta’ Settembru, li huwa l-aħħar jum tax-xogħol biex titressaq oġġezzjoni jew appell.

Eżempju 3: is-sentenza tiġi notifikata fid-29 ta’ Ġunju. Il-limitu ta’ żmien jibda fit-30 ta’ Ġunju. Id-dies ad quem jaħbat fid-29 ta’ Lulju.

Eżempju 4: is-sentenza tiġi notifikata fl-1 ta’ Awwissu. Il-limitu ta’ żmien jibda fit-2 ta’ Awwissu. Id-dies ad quem jaħbat fl-1 ta’ Settembru.

Fiż-żewġ eżempji, jew l-ewwel ġurnata tal-limitu ta’ żmien jew id-dies ad quem taħbat barra l-ferjat tal-qrati, u għalhekk il-limitu ta’ żmien ma jiġix estiż sal-15 ta’ Settembru.

Ta’ min wieħed jinnota li kemm it-tieni paragrafu tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (estensjoni minħabba l-ferjat tal-qrati) kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (ċaqliq tad-data ta’ skadenza għall-jum tax-xogħol li jmiss meta taħbat is-Sibt, il-Ħadd jew festa pubblika) jistgħu japplikaw meta l-aħħar ġurnata tal-ferjat tal-qrati (31 ta’ Awwissu) taħbat is-Sibt jew il-Ħadd u l-aħħar ġurnata tal-limitu ta’ żmien (dies ad quem) taħbat fil-31 ta’ Awwissu.

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Ġudizzjarju għandu jiġi applikat l-ewwel, qabel ma jiġi applikat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

Eżempju:

Is-sentenza tiġi notifikata fil-31 ta’ Lulju. Il-limitu ta’ żmien għal oġġezzjoni jew appell jibda mill-1 ta’ Awwissu u jintemm fil-31 ta’ Awwissu, li jaħbat is-Sibt jew il-Ħadd.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, l-ewwel u l-aħħar jiem tal-limitu ta’ żmien jaħbtu fil-ferjat tal-qrati, li jfisser li l-limitu ta’ żmien jiġi estiż sal-15 ta’ Settembru.

Huwa biss meta l-15 ta’ Settembru jaħbat is-Sibt jew il-Ħadd li jista’ jiġi applikat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, bl-aħħar ġurnata tal-limitu ta’ żmien titmexxa għat-Tnejn.

d/ Il-mewt tal-parti li għandha permess tressaq oġġezzjoni, appell lil qorti superjuri jew appell fuq punti ta’ liġi lill-Qorti tal-Kassazzjoni:

Skont l-Artikolu 56 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-mewt tal-parti tissospendi l-limitu ta’ żmien impost fuq dik il-parti biex tagħmel oġġezzjoni, appell lil qorti superjuri jew appell fuq punti ta’ liġi lill-Qorti tal-Kassazzjoni.

Dan il-limitu ta’ żmien jerġa’ jibda biss wara li s-sentenza tkun ġiet notifikata mill-ġdid fid-domiċilju tal-mejjet u jibda jgħodd biss mill-iskadenza tal-limiti ta’ żmien biex jitfassal u jiġi kkunsidrat l-inventarju, jekk is-sentenza tkun ġiet notifikata qabel l-iskadenza ta’ dawk il-limiti ta’ żmien.

Is-sentenza tista’ tiġi notifikata b’mod konġunt lill-werrieta, mingħajr ma jiġu ddikjarati l-ismijiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Madankollu, kwalunkwe parti interessata tista’ tiġi eżentata mill-iskadenza tad-dritt li tirriżulta mill-iskadenza tal-limiti ta’ żmien tal-appell fejn jidher li l-parti msemmija ma kinitx taf bin-notifika.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Bħala regola ġenerali, skont l-Artikolu 1050 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, jista’ jsir appell fil-każijiet kollha hekk kif tingħata s-sentenza, anke jekk tkun ingħatat f’kontumaċja. Fir-rigward ta’ sentenza mogħtija fuq il-ġurisdizzjoni jew, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-qorti b’ sentenza proviżorja, appell jista’ jiġi ppreżentat biss mal-appell kontra s-sentenza finali.

Skont l-Artikolu 1051 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-limitu ta’ żmien biex jiġi ppreżentat l-appell huwa ta’ xahar min-notifika tas-sentenza skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 792. Madankollu, skont l-Artikolu 1054 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, l-intimat jista’ jagħmel appell inċidentali kontra kwalunkwe parti fil-proċedimenti quddiem il-qorti tal-appell fi kwalunkwe ħin, anke jekk is-sentenza tkun ġiet notifikata mingħajr riżerva jew tkun ġiet aċċettata qabel in-notifika tagħha.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Skont l-Artikolu 51 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, qabel ma dawn jiskadu, il-qrati jistgħu jqassru jew jestendu l-limiti ta’ żmien li ma jikkawżawx id-dritt għal skadenza. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor bil-liġi, l-estensjoni ma tistax tkun itwal mil-limitu ta’ żmien oriġinali u l-ebda estensjoni oħra ma tista’ tingħata, sakemm dan ma jsirx permezz ta’ deċiżjoni motivata u għal raġunijiet serji.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

L-Artikolu 55 tal-Kodiċi Ġudizzjarju ġie introdott speċifikament għal parti bħal din. Meta l-kundizzjonijiet ta’ dak l-artikolu jkunu sodisfatti, il-parti msemmija tista’ tieħu vantaġġ minn din id-dispożizzjoni.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-limiti ta’ żmien li jikkawżaw id-dritt għal skadenza ma jistgħux jiġu mqassra jew estiżi, anke bil-qbil tal-partijiet, sakemm din l-iskadenza ma tkunx koperta mill-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

Fi kliem ieħor, l-att legali għandu jitwettaq qabel jiskadi l-limitu ta’ żmien, inkella jirriskja li jaqa’ barra l-limitu ta’ żmien u li ma jkunx ammissibbli.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Il-permess li limitu ta’ żmien perentorju jiskadi huwa definittiv. Fi kliem ieħor, ma jkunx aktar possibbli li jsir appell, sakemm ma tkunx inkisret il-liġi.

 

L-aħħar aġġornament: 29/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.