Medjazzjoni tal-familja

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Introduzzjoni qasira għall-medjazzjoni tal-familja fil-Ġermanja

Estratt mill-fuljett dwar il-"Liġi dwar iż-Żwieġ" ("Eherecht") ippubblikat mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (Bundesministerium der Justiz und für Verbraucherschutz), p. 73:

"6.2.5 Il-Medjazzjoni tal-Familja

Il-koppji li jkunu għaddejjin minn separazzjoni jew divorzju spiss ikunu jridu jġestixxu r-relazzjonijiet familjari tagħhom b'mod amikevoli. F'każijiet bħal dawn, il-medjazzjoni hija alternattiva eċċellenti għall-proċedimenti bil-qorti.

Il-qafas legali għall-medjazzjoni nħoloq mill-Att dwar il-Medjazzjoni (Mediationsgesetz), li daħal fis-seħħ fis-26 ta' Lulju 2012.

Il-medjazzjoni tgħin lill-partijiet isibu soluzzjoni amikevoli għall-kunflitt tagħhom bl-għajnuna ta' persuna newtrali (il-medjatur). Il-parteċipanti jieħdu r-responsabbiltà għas-soluzzjoni u l-medjatur ma għandux is-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet.

Dan ifisser li, b'differenza għal kawża ġudizzjarja, l-interessi u l-bżonnijiet reali ta' dawk involuti jistgħu jkunu ddeterminati u użati bħala l-bażi għal soluzzjoni li tkun adatta għall-kunflitt individwali. Hemm inqas probabbiltà li deċiżjonijiet ġudizzjarji jqisu l-interessi ta' dawk involuti. Soluzzjonijiet bħal dawn, għalhekk, jintlaqgħu iktar malajr minn dawk involuti u jkunu ġeneralment iktar effettivi fit-terminu t-twil. Il-medjazzjoni tista' twassal biex jitfasslu ftehimiet kuntrattwali relatati pereżempju mal-manteniment, il-beni, il-proprjetà, ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew id-drittijiet ta' aċċess.

Bħala parti mill-proċedimenti ta' divorzju, il-qorti tista' tordna li l-konjuġi, jew individwalment jew flimkien, jattendu sessjoni ta' informazzjoni libera fuq il-medjazzjoni, jew jieħdu sehem f'forma oħra ta' soluzzjoni ekstraġudizzjarja għat-tilwim għal materji relatati pendenti[1] bl-għajnuna ta' persuna jew korp innominat mill-qorti, u li jipprovdu konferma tal-parteċipazzjoni tagħhom (l-Artikolu 135 tal-Att dwar il-Proċedura f'Materji tal-Familja u f'Materji ta' Ġuriżdizzjoni Volontarja – Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit, FamFG). Din l-ordni ma tistax tiġi infurzata bil-liġi. Madankollu, il-qorti tista' tqis in-nuqqas ta' konformità mal-ordni meta tiddeċiedi kif se tqassam l-ispejjeż (l-Artikolu 50(4) FamFG)."

L-istess japplika għal materji relatati ma' tfal skont l-Artikolu 156(1), is-sentenzi 3 u 5, u l-Artikolu 81(2), Nru 5 FamFG. F'każijiet bħal dawn, il-qorti tista' tordna lill-ġenituri jattendu sessjoni ta' informazzjoni dwar il-medjazzjoni jew jieħdu sehem f'forma oħra ta' soluzzjoni għat-tilwim ekstraġudizzjarju. Din l-ordni ma tistax tiġi infurzata bil-liġi, imma l-qorti tista' tqis in-nuqqas ta' konformità mal-ordni meta tiddeċiedi kif se tqassam l-ispejjeż relatati mal-kawża.

Ħoloq għal siti Ġermaniżi fejn tista' ssib medjaturi għal materji tal-familja

- Internationales Mediationszentrum für Familienkonflikte und Kindesentführung (MiKK e. V.), Fasanenstraße 12, 10623 Berlin, il-Ġermanja (medjazzjoni internazzjonali għat-tilwim tal-familja u l-ħtif ta’ minuri)

http://www.mikk-ev.de/

- Zentrale Anlaufstelle für grenzüberschreitende Kindschaftskonflikte beim Internationalen Sozialdienst im Deutschen Verein (ZAnK), Michaelkirchstraße 17/18, 10179 Berlin, il-Ġermanja (medjazzjoni għal kawżi transfruntieri li jinvolvu tfal)

http://www.zank.de/

Ħoloq għal siti Ġermaniżi fejn tista' ssib informazzjoni dwar il-medjazzjoni tal-familja jew il-medjazzjoni b'mod ġenerali

- Bundesverband Mediation e.V. (BM), Wittestr. (l-assoċjazzjoni tal-medjazzjoni) 30 K, 13509 Berlin

http://www.bmev.de/

- Bundes-Arbeitsgemeinschaft für Familien-Mediation e.V. (BAFM), Spichernstraße 11, 10777 Berlin (l-assoċjazzjoni temporanja għall-medjazzjoni tal-familja)

http://www.bafm-mediation.de/

Ħoloq għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-medjazzjoni tal-familja

- Bundesministerium der Justiz und für Verbraucherschutz, Mohrenstraße 37, 10117 Berlin (il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur)

http://www.bmjv.de/

- Att dwar il-Promozzjoni tal-Medjazzjoni u Forom Oħra ta' Soluzzjonijiet Ekstraġudizzjarji għat-Tilwim (Gesetz zur Förderung der Mediation und anderer Verfahren der außergerichtlichen Konfliktbeilegung) (BGBl. (Bundesgesetzblatt, il-Gazzetta tal-Liġi Federali) 2012, il-Parti I Nru 35 tal-25 ta' Lulju 2012)

https://www.bmjv.de/SharedDocs/Gesetzgebungsverfahren/Archiv/Gesetz_zur_Foerderung_der_Mediation_und_anderer_Verfahren_der_außergerichtlichen_Konfliktbeilegung.html


[1] Materji relatati jinkludi tilwimiet relatati mar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, l-aġġustamenti tad-dritt għall-pensjoni, il-ħlasijiet tal-manteniment, id-dar matrimonjali u l-ispejjeż tal-abitazzjoni.

L-aħħar aġġornament: 15/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.