L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Iva. Ir-regoli tal-proċedura ċivili jipprovdu għal proċedura għal ordni ta’ ħlas (Mahnverfahren) sabiex jiġu mħallsa talbiet għal flus li mhux neċessarjament huma kontestati. Din il-proċedura hija regolata mit-Taqsimiet 688 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung).

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Din il-proċedura ġeneralment tista’ tintuża meta t-talba tkun għall-ħlas ta’ somma fissa ta’ flus f’EUR.

Madankollu, ma tistax tintuża f’dawn il-każijiet:

  • għal talbiet ġejjin minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur b’rata ta’ interess ta’ 12% aktar mir-rata bażika,
  • talbiet li jiddependu fuq it-twettiq ta’ obbligi li għad iridu jitwettqu,
  • jekk l-ordni ta’ ħlas ikollu jiġi nnotifikat permezz ta’ avviż ippubblikat għaliex l-indirizz tal-konvenut mhux magħruf.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Mhemmx livell massimu għas-somma li tista’ tintalab.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura tal-ordni ta’ ħlas mill-kreditur mhix obbligatorja. Il-kreditur jista’ jagħżel bejn din il-proċedura u l-proċedimenti ordinarji.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Fil-prinċipju, il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ġermaniża tista’ tintuża wkoll jekk il-konvenut huwa residenti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. Madankollu, għandu jiġi nnutat illi l-Artikolu 688(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż jistipula illi f’każijiet fejn l-ordni ta’ ħlas irid jiġi nnotifikat barra l-pajjiż, il-proċedura għall-ordni ta’ ħlas tista’ tintuża biss jekk jiġi hekk provvdut fl-Att dwar it-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Anerkennungs- und Vollstreckungsausführungsgesetz). Attwalment, dan jinkludi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, l-Islanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Iżrael.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-ġuriżdizzjoni esklussiva għall-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas hija tal-qorti lokali (Amtsgericht) li għandha l-ġuriżdizzjoni ordinarja fuq ir-rikorrent. Dan jiġi determinat mill-post ta’ residenza tiegħu jew, f’każ ta’ entità ġuridika, mill-uffiċċju reġistrat tagħha. Madankollu, ħafna mill-Istati federali tal-Ġermanja waqqfu qrati ċentrali għall-kawżi dwar ordnijiet ta’ ħlas (Mahngerichte) (bħal pereżempju l-qorti lokali ta’ Wedding f’Berlin). Dan ifisser illi l-ġuriżdizzjoni għall-proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas ikkonċentrat ruħha f’numru ta’ qrati lokali jew anke f’qorti lokali waħda f’dak l-istat. F’dawn il-każijiet il-post ta’ ġuriżdizzjoni ordinarja tar-rikorrent hija fil-qorti ċentrali tal-ordni ta’ ħlas li għandha ġuriżdizzjoni fil-post ta’ residenza tiegħu.

Jekk ir-rikorrent m’għandux post ta’ ġuriżdizzjoni ordinarja fil-Ġermanja, il-qorti lokali ta’ Wedding f’Berlin għandha l-ġuriżdizzjoni esklussiva. Jekk il-konvenut m’għandux post ta’ ġuriżdizzjoni ordinarja fil-Ġermanja, il-ġuriżdizzjoni hija tal-qorti lokali li kieku jkollha ġuriżdizzjoni għat-tilwima irrispettivament minn kull distinzjoni bejn ġuriżdizzjonijiet minħabba s-suġġett (ġeneralment il-qrati lokali għandhom ġuriżdizzjoni biss sa EUR 5 000). Hawnhekk ukoll jista’ jkun hemm qrati ċentrali għall-ordnijiet ta’ ħlas f’xi stati federali.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

L-użu ta’ formola stampata minn qabel huwa obbligatorju jekk ikunu disponibbli formoli għad-dikjarazzjoni jew l-applikazzjoni kkonċernata. Hemm formoli, pereżempju, għar-rikorsi għall-ħruġ u l-ħruġ mill-ġdid ta’ ordnijiet għall-ħlas u l-eżekuzzjoni.

Il-proċeduri għal ordni ta’ ħlas huma awtomatizzati fl-istati federali kollha. Hawnhekk l-applikazzjonijiet jistgħu isiru jew fuq formoli stampati minn qabel jew bl-iskambju elettroniku tad-data. Numru ta’ fornituri tas-software joffru programmi tas-software għall-preżentazzjoni elettronika tal-applikazzjonijiet fi proċeduri awtomatizzati ta’ ordni ta’ ħlas. F’xi qrati lokali jistgħu isiru wkoll applikazzjonijiet onlajn fuq l-internet.

Il-formoli stampati minn qabel għall-proċeduri ta’ ordnijiet ta’ ħlas jistgħu jinxtraw mingħand tal-gazzetti.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le, mhix meħtieġa r-rappreżentanza legali.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba mhemmx għalfejn jiġu mfissra fid-dettal. Kull ma hu meħtieġ hija dikjarazzjoni fil-qosor tat-talba u l-ammont speċifiku ta’ flus mitlub. Dan isir billi jimtlew il-kaxex fil-formola stampata minn qabel għall-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas. It-talbiet prinċipali u sekondarji jridu jitniżżlu separatament.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Mhemmx għalfejn jiġu preżentati provi dokumentarji għat-talbiet.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Ir-rikors għal ordni ta’ ħlas jiġi miċħud jekk il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas mhix ammissibbli, jekk il-qorti li quddiemha titressaq it-talba ma għandhiex ġuriżdizzjoni, jew jekk ir-rikors għall-ħlas mhux konformi mar-rekwiżiti formali. Ir-rikors jiġi miċħud ukoll jekk l-ordni ta’ ħlas jista’ jinħareġ biss għal parti mit-talba. Ir-rikorrent għandu jinstema’ qabel ma jiġi miċħud l-ordni.

Il-qorti ma għandhiex għalfejn teżamina jekk it-talba hix ġustifikata qabel ma tagħti l-ordni ta’ ħlas.

1.5 Appell

Ġeneralment mhemmx appell minn ordni ta’ ħlas miċħud. Oġġezzjoni immedjata (sofortige Beschwerde) hija possibbli biss jekk ir-rikors kien ġie trażmess biss f’forma li tinqara elettronikament u ġie miċħud għaliex il-qorti dehrilha li ma kienx adattat għas-sistema ta’ pproċessar elettroniku tagħha; madankollu, fil-prattika din ir-regola mhix ta’ importanza kbira.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-ordni ta’ ħlas ingħata u ġie nnotifikat lill-konvenut, huwa għandu ġimagħtejn biex jopponi. Madankollu, oġġezzjoni tibqa’ valida anke wara din l-iskadenza, sakemm ma jkunx inħareġ ordni ta’ eżekuzzjoni.

Meta l-ordni ta’ ħlas jiġi nnotifikat, il-konvenut jirċievi formola stampata minn qabel li juża biex joġġezzjona. L-użu ta’ din il-formola stampata minn qabel, madankollu, mhux obbligatorju. Dan ifisser illi oġġezzjoni tista’ ssir f’forma oħra; l-uniku rekwiżit formali huwa li trid tkun bil-miktub.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk il-konvenut joġġezzjoni fil-ħin, ma jistax jinħareġ ordni għall-eżekuzzjoni, u t-talba fl-ordni ta’ ħlas ma tistax tiġi eżegwita. Madankollu, il-każ ma jiġix trattat awtomatikament permezz tal-litigazzjoni ordinarja. Dan ikun jeħtieġ rikors espress għal proċedimenti ordinarji, li jista’ jsir jew mir-rikorrent jew mill-konvenut fil-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas. Ir-rikorrent jista’ jagħżel li jippreżenta dan ir-rikors meta jsir jaf bl-oġġezzjoni, u jista’ jehmżu wkoll mal-ordni ta’ ħlas innifsu bħala miżura kawtelatorja.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Il-qorti mbagħad, fuq talba tal-partijiet, toħroġ ordni għall-eżekuzzjoni. Ir-rikors ma jistax isir qabel ma jispiċċa ż-żmien imħolli għall-oġġezzjoni; għandu jkun fih dikjarazzjoni ta’ liema pagamenti, jekk ikun hemm, saru fir-rigward tal-ordni ta’ ħlas. Jekk ikunu sar ħlas parzjali, ir-rikorrent irid inaqqas l-ammont mitlub skont il-każ.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

L-ordni għall-eżekuzzjoni huwa ekwivalenti għal sentenza provviżorjament eżegwibbli. Oġġezzjoni tista’ ssir fi żmien ġimgħatejn wara n-notifika.

L-aħħar aġġornament: 28/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.