Qrati speċjalizzati nazzjonali

Estonja

Din it-taqsima tipprovdik b'informazzjoni dwar il-qrati amministrattivi u speċjalizzati fis-sistema tal-qrati Estonjana.

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Qrati speċjalizzati

Il-Kostituzzjoni Estonjana tiddikjara li l-ħolqien ta’ qrati speċjalizzati b’ġuriżdizzjoni speċifika jista’ jsir bil-liġi. Il-formazzjoni ta’ qrati ta’ emerġenza hija pprojbita.

Ma nħolqu l-ebda qrati speċjalizzati fl-Estonja.

Qorti kostituzzjonali

Il-Qorti Suprema twettaq fl-istess ħin il-funzjonijiet tal-qorti ta’ appell finali u tal-qorti ta’ reviżjoni kostituzzjonali.

Bħala l-qorti ta' reviżjoni kostituzzjonali, il-Qorti Suprema:

  • tagħti deċiżjonijiet dwar talbiet sabiex ikun ivverifikat li leġiżlazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jew rifjut li tinħareġ leġiżlazzjoni bħal din tkun f’konformità mal-Kostituzzjoni;
  • tagħti deċiżjonijiet dwar talbiet biex tkun ivverifikata l-konformità ta’ ftehimiet internazzjonali mal-Kostituzzjoni;
  • tagħti deċiżjonijiet dwar talbiet għal opinjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni flimkien mal-liġi tal-Unjoni Ewropea;
  • tagħti deċiżjonijiet dwar talbiet għal u rikorsi kontra riżoluzzjonijiet tal-Parlament Estonjan, il-Bord tal-Parlament u l-President tar-Repubblika;
  • tagħti deċiżjonijiet dwar talbiet għal dikjarazzjoni li Membru Parlamentari, il-President tar-Repubblika, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jew l-Awditur Ġenerali ma jkunx kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu għal perjodu estiż ta’ żmien;
  • tiġġudika talbiet biex tiġi tterminata l-awtorità ta’ Membru Parlamentari;
  • tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ kunsens lill-President (speaker) tal-Parlament, li jkun qed jaqdi l-funzjonijiet ta’ President tar-Repubblika, biex isejjaħ elezzjonijiet straordinarji tal-Parlament jew biex jirrifjuta li jippromulga Att;
  • tagħti deċiżjonijiet dwar talbiet biex jiġu tterminati l-attivitajiet ta’ partit politiku;
  • tagħti deċiżjonijiet dwar rikorsi u protesti kontra atti tal-amministrazzjonijiet tal-elezzjonijiet u deċiżjonijiet u atti tal-kumitati elettorali.

L-ebda individwu ma jista’ jressaq talba għal reviżjoni kostituzzjonali.

Dettalji ta' kuntatt għall-Qorti Suprema jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Qorti Suprema.

Ir-rieżami kostituzzjonali hu regolat mill-Att ta' Proċedura tal-Qorti għar-Rieżami Kostituzzjonali.

Il-Qrati Amministrattivi

Il-qrati amministrattivi, bħala qrati tal-prim'istanza, jisimgħu l-kawżi amministrattivi. Fl-Estonja, jaġixxu bħala awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti biss fil-prim'istanza.

Is-sentenzi tal-qrati amministrattivi jiġu rieżaminati minn qrati distrettwali, bħala qrati tat-tieni istanza, fuq il-bażi ta’ appelli kontra dawk is-sentenzi.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati amministrattivi, il-proċedura għall-preżentazzjoni ta' kawża quddiem qorti amministrattiva u r-regoli għal proċedimenti amministrattivi huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qorti Amministrattiva.

Il-Qrati Amministrattivi

Fl-Estonja hemm żewġ qrati amministrattivi: Il-Qorti Amministrattiva ta' Tallinn u l-Qorti Amministrattiva ta' Tartu.

Il-qrati amministrattivi huma maqsuma f'sezzjonijiet.

Il-Qorti Amministrattiva ta' Tallinn hija magħmula minn żewġ sezzjonijiet:

  • Is-sezzjoni ta’ Tallinn
  • Is-sezzjoni ta’ Pärnu

Il-Qorti Amministrattiva ta' Tartu hija magħmula minn żewġ sezzjonijiet:

  • Is-sezzjoni ta’ Tartu
  • Is-sezzjoni ta’ Jõhvi

Il-Qrati Distrettwali:

Fl-Estonja hemm żewġ qrati distrettwali li jaġixxu bħala qrati tat-tieni istanza.

  • Il-Qorti Distrettwali ta' Tallinn (Tallinna Ringakonnakohus)
  • Il-Qorti Distrettwali ta' Tartu (Tartu Ringakonnakohus)

L-informazzjoni ta’ kuntatt għall-qrati Estonjani tinsab fis-sit web tal-qrati. L-aċċess għad-dettalji ta’ kuntatt huwa mingħajr ħlas.

L-aħħar aġġornament: 01/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.