Divorzju u separazzjoni legali

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

L-arranġamenti għad-divorzju huma stipulati fil-Kapitolu 4 tal-Ktieb III “Drittijiet tal-Familja” tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (minn issa l’quddiem – ‘Il-Kodiċi Ċivili Litwan’)(Civilinis kodeksas).

L-Artikolu 3.51 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal divorzju bonarju tal-konjuġi. Żwieġ jista' jinħall jekk jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

  1. għaddiet aktar minn sena mid-data tat-tieġ;
  2. il-konjuġi ffirmaw ftehim ta' soluzzjoni għad-divorzju (diviżjoni tal-proprjetà, manteniment tat-tfal, eċċ);
  3. iż-żewġ konjuġi għandhom kapaċità ġuridika sħiħa.

Fil-każijiet provduti f'dan l-Artikolu, id-divorzju jinkiseb skont proċedura simplifikata.

L-Artikolu 3.55 tal-Kodiċi Ċivili Litwan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal divorzju fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, li jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza tar-rikorrent. F'dan il-każ, żwieġ jista’ jinħall jekk tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

  1. il-konjuġi ilhom li sseparaw il-fuq minn sena;
  2. wieħed mill-konjuġi ġie ddikjarat ġuridikament inkapaċi permezz ta' sentenza tal-qorti wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ;
  3. ingħatat sentenza tal-qorti illi tirrikonoxxi illi mhux magħruf fejn jinsab wieħed mill-konjuġi;
  4. wieħed mill-konjuġi qiegħed jiskonta piena ta' priġunerija ta' aktar minn sena minħabba li wettaq reat mhux premeditat.

L-Artikolu 3.60 tal-Kodiċi Ċivili Litwan jistabbilixxi l-kundizzjonijet għal divorzju minħabba l-ħtija ta' wieħed jew iż-żewġ konjuġi. Konjuġi jista' jitlob id-divorzju jekk iż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment bi ħtija tal-konjuġi l-ieħor. Konjuġi jiġi rikonoxxut ħati għat-tkissir taż-żwieġ jekk ikun kiser b'mod sostanzjali l-obbligi taż-żwieġ kif stabbiliti fit-Tielet Ktieb (Liġi tal-Familja) tal-Kodiċi Ċivili Litwan (Civilinis kodeksas), biex b'hekk il-ħajja miżżewwġa flimkien saret impossibbli. Żwieġ jitqies li tkisser minħabba l-ħtija tal-konjuġi l-ieħor jekk huwa nstab ħati ta' reat premeditat jew jekk ikkommetta l-adulterju jew kien abbużiv fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor jew mal-membri tal-familja tiegħu jew abbanduna lill-familtu u ma kienx jieħu ħsiebha għal aktar minn sena.

Il-konvenut fi proċedimenti ta' divorzju jista' jikkontesta l-ħtija tiegħu u jressaq provi li juru illi r-rikorrent huwa responsabbli għat-tkissir taż-żwieġ. Wara li tkun ikkunsidrat iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-qorti tista' tiddikjara illi ż-żewġ konjuġi huma ħatja tat-tkissir taż-żwieġ. Jekk il-qorti ssib illi ż-żewġ konjuġi huma ħatja tat-tkissir taż-żwieġ, il-konsegwenzi huma l-istess bħall-ħall kunsenswali taż-żwieġ.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Żwieġ jintemm bil-mewt ta' wieħed mill-konjuġi jew bil-ħall mil-liġi. Żwieġ jista' jinħall bil-kunsens reċiproku tal-konjuġi, fuq talba ta' wieħed minnhom jew minħabba l-ħtija ta' wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

Żwieġ jitqies li nħall mid-data li fiha tidħol fis-seħħ is-sentenza ta' divorzju. Fi żmien tliet ijiem mid-dħul fis-seħħ tas-sentenza ta' divorzju, il-qorti trid tibgħat kopja ta' dik is-sentenza lir-reġistru tal-qorti ċivili, biex jirreġistra d-divorzju.

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Wara d-divorzju, il-konjuġi jista' jżomm kunjomu taż-żwieġ jew il-kunjom li kellu qabel iż-żwieġ. Meta ż-żwieġ jinħall minħabba l-ħtija ta' xi ħadd mill-konjuġi, il-qorti tista', fuq talba tal-konjuġi l-ieħor, ma tħallix lill-konjuġi ħati milli jżomm kunjomu fiż-żwieġ, ħlief jekk kellhom it-tfal.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-diviżjoni tal-proprjetà tal-konjuġi tiddependi fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali, li jista' jiġi stabbilit bil-liġi jew b'kuntratt. Fin-nuqqas ta' kuntratt taż-żwieġ, il-proprjetà tal-konjuġi hija koperta mir-reġim ta' proprjetà previst mil-liġi. Id-diversi reġimi ta' proprjetà matrimonjali huma regolati mill-Kapitolu VI tal-Parti III tat-Tielet Ktieb tal-Kodiċi Ċivili.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Jekk id-dar matrimonjali hija l-proprjetà ta' wieħed mill-konjuġi, il-qorti tista' tistabbilixxi l-użufrutt u tħalli lill-konjuġi l-ieħor jgħix fiha jekk it-tfal minuri jibqgħu jgħixu miegħu wara d-divorzju. L-użufrutt jibqa' validu sakemm it-tfal jilħqu l-età adulta. Jekk id-dar matrimonjali kienet mikrija, il-qorti tista' tittrasferixxi l-kirja lill-konjuġi ma' min sejrin jgħixu t-tfal minuri jew lil konjuġi li mhux kapaċi jaħdem u tista' tiżgombra lill-konjuġi l-ieħor jekk ġie ordnat imur jgħix għal rasu.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta tkun qed tagħti s-sentenza ta' divorzju, il-qorti tista' wkoll tordna l-ħlas ta' manteniment lil ekskonjuġi fil-bżonn, sakemm il-kwistjoni tal-manteniment ġiet miftiehma fil-ftehim dwar id-divorzju imfassal bejn il-konjuġi. Il-konjuġi ma għandhomx dritt għall-manteniment jekk għandhom biżżejjed assi jew introjtu għall-għajxien tagħhom. Huwa preżunt illi konjuġi jkollu bżonn il-manteniment jekk qiegħed irabbi t-tfal imwielda fiż-żwieġ, jew jekk ma jistax jaħdem minħabba l-età avvanzata jew mard. Konjuġi li ma kisibx kwalifiki (ma lestiex l-istudji tiegħu) minħabba ż-żwieġ u l-interessi komuni tal-familja jew il-bżonn li jieħu ħsieb it-tfal għandu dritt jitlob lill-ekskonjuġi tiegħu jkopri l-ispejjeż meħtieġa biex ilesti l-istudji tiegħu jew biex jerġa jitħarreġ.

Il-konjuġi ħati f'divorzju ma għandux dritt għall-manteniment.

Fl-għoti tal-manteniment u l-iffissar tal-ammont, il-qorti trid tqis kemm dam iż-żwieġ, il-bżonn għall-manteniment, l-assi taż-żewġ ekskonjuġi, l-istat ta' saħħa tagħhom, l-età u l-kapaċità għax-xogħol, kemm huwa possibbli illi jsib xogħol il-konjuġi mingħajr xogħol u ċirkostanzi importanti oħra.

Il-ħlas tal-manteniment jitnaqqas, jingħata fuq bażi temporanja jew jiġi miċħud jekk ikun hemm waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  1. iż-żwieġ dam inqas minn sena;
  2. il-konjuġi bi dritt għall-manteniment wettaq reat kontra l-konjuġi l-ieħor jew xi qraba tiegħu;
  3. id-diffikultajiet finanzjarji li qiegħed iġarrab il-konjuġi bi dritt għall-manteniment huma riżultat tal-imġiba ħażina tiegħu;
  4. il-konjuġi li qiegħed jitlob il-manteniment ma tax sehmu fit-tkattir tal-assi komuni jew ikkawża ħsara b'mod intenzjonali lill-interessi tal-konjuġi l-ieħor jew tal-familja matul iż-żwieġ.

Il-qorti tista' tordna lill-ekskonjuġi li jrid iħallas il-manteniment lill-konjuġi l-ieħor biex jagħti garanzija xierqa għat-twettiq ta' dan l-obbligu. Il-manteniment jista' jingħata bħala somma waħda jew fil-forma ta' pagamenti regolari fix-xahar (bin-nifs) jew permezz ta' trasferiment tal-assi.

Jekk il-konjuġi jitlob id-divorzju minħabba l-inkapaċità tal-konjuġi l-ieħor, il-konjuġi li beda l-proċedimenti ta' divorzju jrid iħallas għat-trattament u l-kura tal-ekskonjuġi inkapaċitat, sakemm ma jkunx kopert mill-fondi tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

Ordni ta' manteniment jikkostitwixxi raġuni għal ipoteka ġuridika tal-assi tal-konvenut. Jekk l-ekskonjuġi jonqos mill-obbligu tal-ħlas tal-manteniment, l-assi tiegħu jistgħu jintużaw biex isiru l-pagamenti skont il-proċedura prevista mil-liġi.

F'każ li jmut l-ekskonjuġi li jrid iħallas il-manteniment, l-obbligu jmur għand is-suċċessuri tiegħu sa fejn jippermetti l-wirt, irrispettivament minn kif ġie aċċettat il-wirt.

Jekk ekskonjuġi li ngħata l-manteniment imut jew jerġa jiżżewweġ. il-pagament tal-manteniment jieqaf. F'każ ta' mewt, id-dritt biex jintalbu l-arretrati jew il-pagamenti dovuti tal-manteniment jgħaddi għand is-suċċessuri tal-ekskonjuġi li jkun miet. Jekk jinħall iż-żwieġ il-ġdid, l-ekskonjuġi jista' japplika għat-tiġdid tal-pagamenti tal-manteniment jekk ikun qiegħed irabbi t-tfal jew jieħu ħsieb tfal bi bżonnijiet speċjali mill-ewwel żwieġ. F'każijiet oħra l-obbligu tal-konjuġi mit-tieni żwieġ li jħallas il-manteniment jegħleb l-obbligu tal-ekskonjuġi mill-ewwel żwieġ.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Meta l-qorti tagħti sentenza fejn tilqa' it-talba għas-separazzjoni legali, il-konjuġi ma jibqgħux bl-obbligu tal-koabitazzjoni, iżda d-drittijiet u l-obbligi l-oħra tagħhom jibqgħu fis-seħħ. Is-separazzjoni legali tista' tkun l-ewwel pass lejn id-divorzju. Madankollu, dan ma jfissirx illi l-konjuġi ma jistgħux jerġgħu jibdew jgħixu flimkien. Għall-kuntrarju tad-divorzju, il-konjuġi li huma separati ma jistgħux jerġgħu jiżżewwġu, għaliex ma jkunux formalment divorzjati.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Wieħed mill-konjuġi jista' jitlob lill-qorti għas-separazzjoni legali jekk minħabba ċerti ċirkostanzi, li jistgħu ma jiddependux mill-konjuġi l-ieħor, il-ħajja flimkien tkun saret intollerabbli/impossibbli jew tista' tikkawża ħsara sostanzjali lill-interessi tat-tfal minuri tagħhom, jew il-konjuġi ma għandhomx interess jibqgħu jgħixu flimkien. Il-konjuġi jistgħu iressqu rikors konġunt quddiem il-qorti għas-separazzjoni legali jekk ikunu ffirmaw ftehim għas-separazzjoni dwar l-arranġamenti ta' akkomodazzjoni, manteniment u edukazzjoni tat-tfal tagħhom, id-diviżjoni tal-proprjetà u l-manteniment reċiproku.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-konjuġi fir-rigward tat-tfal minuri tagħhom; huma sempliċement jgħixu separatament. Fl-għoti ta' ordni ta' separazzjoni, il-qorti trid dejjem toħroġ ordni ta' likwidazzjoni tal-proprjetà, sakemm dawk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew miftehma fil-kuntratt taż-żwieġ mill-konjuġi. Il-konsegwenzi legali tas-separazzjoni fuq id-drittijiet tal-proprjetà tal-konjuġi jidħlu fis-seħħ mill-ftuħ tal-proċedimenti. Madankollu, sakemm konjuġi ma jkunx meqjus ħati għas-separazzjoni, huwa jista' jitlob lill-qorti sabiex il-konsegwenzi legali tas-separazzjoni fuq id-drittijiet ta' proprjetà tal-konjuġi jidħlu fis-seħħ retroattivament mid-data li fiha l-konjuġi verament ma jibqgħux jgħixu flimkien. Jekk wieħed mill-konjuġi separati jmut wara li jkun ħareġ l-ordni ta' separazzjoni, is-superstiti jżomm id-drittijiet previsti mil-liġi ta' konjuġi superstiti, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx ġie ddikjarat ħati għas-separazzjoni mill-qorti. L-istess regola tapplika fejn il-qorti tilqa' t-talba għas-separazzjoni fuq il-bażi ta' rikors konġunt tal-konjuġi, sakemm il-ftehim dwar is-separazzjoni tal-konjuġi ma jipprovdix mod ieħor. Madankollu, l-konjuġi superstiti ma jistax jiret lill-konjuġi mejjet.

Meta tilqa' talba ta' separazzjoni, il-qorti tista' tordna lill-konjuġi ħati għas-separazzjoni biex iħallas il-manteniment lill-konjuġi l-ieħor jekk ikun fil-bżonn, jekk il-kwistjoni dwar il-manteniment ma tkunx ġiet miftehma fil-ftehim dwar is-separazzjoni mill-konjuġi.

Is-separazzjoni tintemm jekk il-konjuġi jerġgħu jibdew jgħixu flimkien u l-ħajja flimkien tikkonferma l-ħsieb tagħhom li jgħixu flimkien b'mod permanenti. Is-separazzjoni tispiċċa meta l-qorti toħroġ ordni li tilqa' r-rikors konġunt tal-konjuġi biex itemmu s-separazzjoni u tirrevoka l-ordni ta' separazzjoni preċedenti tagħha.

Hekk kif jerġgħu jibdew jgħixu flimkien, il-proprjetà tal-konjuġi tibqa' separata sakemm jikkonkludu kuntratt taż-żwieġ u jagħżlu reġim ta' proprjetà matrimonjali ġdid. It-tmiem tas-separazzjoni legali tipproduċi effetti legali għal terzi biss jekk il-konjuġi jikkonkludu kuntratt taż-żwieġ ġdid u jirreġistrawh skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 3.103 tal-Kodiċi Ċivili Litwan.

Jekk il-konjuġi kienu separati għal aktar minn sena mid-dħul fis-seħħ tal-ordni tal-qorti, kull konjuġi jista' jitlob għad-divorzju.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Il-qrati biss jistgħu jannullaw żwieġ. Żwieġ li jkun ġie ddikjarat null mill-qorti huwa null ab initio. Il-konsegwenza legali tal-annullament taż-żwieġ (ara punt 9) jiddependu fuq jekk il-konjuġi, jew xi ħadd minnhom, aġixxa in bona fede meta' daħal għaż-żwieġ. Madankollu, f'kull każ, il-liġi tiddefendi d-drittijiet tat-tfal imwielda fi żwieġ li ġie annullat (jitqiesu li twieldu fiż-żwieġ). Wara l-annullament taż-żwieġ tagħhom, il-partijiet jistgħu jerġgħu jiżżewwġu jew jirreġistraw sħubija.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ jista' jiġi ddikjarat null jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ma' jiġux issodisfati:

Żwieġ jista' jiġi ċċelebrat biss ma' persuna ta' sess differenti.

Raġel u mara jridu jidħlu għaż-żwieġ minn jeddhom. Kull theddid, koerċizzjoni, ingann jew nuqqas ta' rieda ħielsa oħra tikkostitwixxi bażi għall-annullament taż-żwieġ.

Żwieġ jista' jiġi ċċelebrat bejn persuni li għandhom 18-il sena jew aktar f'jum it-tieġ. Fuq talba ta' persuna li tixtieq tiżżewweġ qabel ma tagħlaq tmintax-il sena, il-qorti tista' tnaqqas l-età tal-kunsens għaż-żwieġ għal dik il-persuna permezz tal-proċedura simplifikata, iżda b'mhux aktar minn sentejn. It-tqala hija raġuni importanti għat-tnaqqis tal-età tal-kunsens għaż-żwieġ. Jekk il-persuna hija tqila, il-qorti tista' tħalliha tiżżewweġ qabel ma tagħlaq 16-il sena.

Persuna li ġiet iddikjarata legalment inabilitata permezz ta' sentenza tal-qorti li daħħlet fis-seħħ ma tistax tiżżewweġ. Jekk jiġi magħruf illi nfetħet kawża l-qorti sabiex waħda mill-partijiet li sejra tiżżewweġ tiġi ddikjarata legalment inabilitata, ir-reġistrazzjoni taż-żwieġ tiġi posposta sakemm is-sentenza ta' dik il-kawża tidħol fis-seħħ.

Persuna miżżewwġa u li għadha ma kisbitx id-divorzju skont il-proċedura stabbilita mil-liġi ma tistax terġa tiżżewweġ.

Iż-żwieġ bejn ġenituri u tfal, ġenituri adottivi u tfal adottati, bejn nanniet u neputijiet, aħwa jew aħwa tar-rispett, kuġini, zijiet u neputijiet huwa projbit.

Żwieġ fittizju wkoll jista' jiġi annullat. Żwieġ li jiġi ċċelebrat biss għall-apparenzi u mingħajr il-ħsieb li tinħoloq relazzjoni ta' familja jista' jiġi annullat fuq talba ta' kull wieħed mill-konjuġi jew minn prosekutur pubbliku.

Żwieġ jista' jiġi annullat jekk il-konjuġi ma jkunux daħlu għalih b'rieda ħielsa. Konjuġi jista' jitlob għall-annullament jekk jista' juri illi, fi żmien iż-żwieġ, ma kienx kapaċi jifhem l-azzjonijiet tiegħu jew ma setgħax jikkontrollahom. Annullament jista' jintalab minn konjuġi li ġie mġiegħel jiżżewweġ minħabba theddid, pressjoni jew frodi.

Konjuġi li jkun ta l-kunsens għaż-żwieġ minħabba żball sostanzjali jista' jfittex l-annullament taż-żwieġ. Żball jitqies li huwa sostanzjali jekk jikkonċerna ċirkostanzi marbuta mal-parti l-oħra li, kieku magħrufa, kienu jżommuh milli jidħol għaż-żwieġ. L-iżball huwa preżunt sostanzjali jekk huwa dwar: (i) is-saħħa tal-parti l-oħra jew anormalità sesswali li tirrendi l-ħajja normali tal-familja impossibbli; jew (ii) reat serju mwettaq mill-parti l-oħra.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

It-tfal imwielda minn żwieġ li wara jiġi annullat jitqiesu li twieldu fiż-żwieġ. Fejn iż-żewġ konjuġi aġixxew in bona fede, jiġifieri ma kienux jafu u ma setgħux ikunu jafu dwar l-impedimenti għaż-żwieġ tagħhom, il-konsegwenzi legali taż-żwieġ tagħhom, anke jekk ikun ġie ddikjarat null, huma l-istess bħal ta' żwieġ validu, ħlief għad-dritt ta' suċċessjoni. Fis-sentenza tal-qorti jrid ikun hemm provi illi l-konjuġi aġixxew in bona fede.

Il-konsegwenzi legali ta' annullament fejn wieħed jew iż-żewġ konjuġi aġixxew in mala fede: fejn wieħed biss mill-partijiet aġixxa in bona fede, id-drittijiet mogħtija lilu permezz ta' żwieġ null huma l-istess bħal ta' persuna miżżewwġa. Fejn iż-żewġ partijiet aġixxew in mala fede, iż-żwieġ null ma jagħtihom l-ebda mid-drittijiet jew obbligi ta' persuni miżżewwġa. Kull wieħed minnhom għandu dritt jirkupra l-proprjetà personali tiegħu, inkluż rigali lill-parti l-oħra. Jekk ikollu bżonn il-manteniment, il-konjuġi li jkun aġixxa in bona fede għandu dritt jitlob għall-manteniment mingħand il-konjuġi li aġixxa in mala fede għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet snin. L-ammont jiġi determinat mill-qorti, b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja taż-żewġ partijiet. Il-qorti tista' tordna l-ħlas ta' pagamenti fix-xahar jew ta' somma waħda f'daqqa. Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja ta' waħda mill-partijiet tinbidel, il-parti interessata tista' titlob lill-qorti biex iżżid, tnaqqas jew ittemm il-pagamenti tal-manteniment. Ordni għall-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi li aġixxa in bona fede jintemm awtomatikament jekk il-konjuġi jerġa jiżżewweġ jew fi tmiem il-perjodu ta' tliet snin li għalih irid jitħallas il-manteniment.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fil-leġiżlazzjoni Litwana mhemmx mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex tinsab soluzzjoni dwar kwistjonijiet relatati mad-divorzju, għalhekk l-unika soluzzjoni hija l-qorti.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Rikors għal divorzju kunsenswali jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti distrettwali (apylinkės teismas) tal-post ta' residenza ta' wieħed mill-konjuġi. Ir-rikors irid jindika r-raġunijiet għad-divorzju u kif ir-rikorrent sejjer jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor u t-tfal minuri tagħhom u jrid ikun fih kull informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 384 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Litwan (Civilinio proceso kodeksas).

Rikors għal divorzju fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza tar-rikorrent.

Rikors għal divorzju minħabba l-ħtija ta' wieħed mill-konjuġi jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza tal-konvenut. F'każ li mar-rikorrent jgħixu t-tfal minuri, ir-rikors għad-divorzju jista' jiġi ppreżentat ukoll quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza tar-rikorrent.

Rikors għall-annullament taż-żwieġ irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' residenza tal-konvenuti jew ta' wieħed minnhom.

Ir-rikorsi għas-separazzjoni legali jiġu eżaminati mill-qorti tal-post ta' residenza tal-konvenut.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-għajnuna legali garantita mill-Istat (Lietuvos Respublikos Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos įstatymas) tirregola l-għoti tal-għajnuna legali lil dawk b'introjtu baxx. Such legal aid also covers family matters.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva deċiżjoni dwar id-divorzju/annullament taż-żwieġ tista' tiġi appellata skont id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċeduri għall-appell.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjoni tal-qorti dwar id-divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor hija rikonoxxuta fir-Repubblika tal-Litwanja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Skont dak ir-Regolament, sentenza li tingħata fi Stat Membru partikolari tiġi awtomatikament rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' xi proċedura speċjali.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, parti interessata tista' topponi r-rikonoxximent fir-Repubblika tal-Litwanja ta' deċiżjoni dwar id-divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor.

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, kull parti interessata tista' tippreżenta rikors quddiem il-qorti distrettwali (apylinkės teismas) sabiex sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ma tiġix rikonoxxuta fil-Litwanja.

Persuna li fil-konfront tagħha jixtieq jinkiseb ir-rikonoxximent ta' sentenza tista' topponi wkoll ir-rikonoxximent tagħha fil-Litwanja minħabba l-proċedimenti ta' rikonoxximent li diġà għaddejjin u wara d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali li tirrikonoxxi s-sentenza. Għalhekk, il-konvenut jista' jopponi r-rikonoxximent fil-Litwanja tas-sentenza f'dak il-każ permezz ta' appell minn deċiżjoni tal-qorti distrettwali li rrikonoxxietha. Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 2201/2003, id-deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tiġi appellata fil-qorti reġjonali (apygardos teismas).

Il-konvenut jista' jopponi r-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor permezz tar-raġunijiet għan-non rikonoxximent stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Is-separazzjoni legali u d-divorzju huma suġġetti għal-liġijiet tal-post ta' residenza abitwali tal-konjuġi. Jekk il-konjuġi ma għandhomx post komuni ta' residenza abitwali, japplikaw il-liġijiet tal-pajjiż fejn kellhom l-aħħar post komuni ta' residenza abitwali, jew fin-nuqqas, il-liġijiet tal-pajjiż fejn tinsab il-qorti. Jekk il-liġijiet tal-pajjiż li tiegħu huma ċittadini l-konjuġi ma jippermettux id-divorzju jew jimponu kundizzjonijiet speċjali għad-divorzju, divorzju jista' jinkiseb skont il-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja jekk wieħed mill-konjuġi huwa wkoll ċittadin Litwan jew huwa abitwalment residenti fir-Repubblika Litwana.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 17/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.