Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija relazzjoni legali rregolata mid-dritt tal-familja. Ir-relazzjonijiet jibdew meta titwieled tarbija jew meta tiġi ddeterminata l-paternità jew il-maternità. Fis-sistema legali tas-Slovenja, trabi li jitwieldu lil ġenituri mhux miżżewġa għandhom l-istess drittijiet u dmirijiet bħal dawk imwielda lil ġenituri miżżewġa. Il-leġiżlazzjoni tas-Slovenja adottat sistema ta’ “adozzjoni sħiħa”, li jfisser li t-tfal adottati jiġu trattati bl-istess mod bħat-tfal bioloġiċi.

Il-bażi ġuridika tinsab fl-Artikolu 54 tal-Kostituzzjoni tas-Slovenja (Ustava Republike Slovenije), li skontu l-ġenituri għandhom id-dritt u d-dmir tal-manteniment, l-edukazzjoni u t-trobbija ta’ wliedhom. Dan id-dritt u d-dmir jista’ jiġi revokat jew ristrett biss għal raġunijiet stabbiliti fil-liġi sabiex jitħarsu l-interessi tal-minuri. Minuri li jitwieldu lil ġenituri mhux miżżewġa għandhom l-istess drittijiet bħal dawk imwielda lil ġenituri miżżewġa.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija s-sett sħiħ ta’ jeddijiet u dmirijiet li għandhom il-ġenituri biex joħolqu l-kundizzjonijiet, sa fejn twassal l-abbiltà tagħhom, biex jaċċertaw l-iżvilupp komprensiv ta’ wliedhom. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija kondiviża bejn żewġ ġenituri. (L-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Familja (Družinski zakonik))

Il-ġenituri jridu jissalvagwardjaw l-interessi ta’ wliedhom fl-attivitajiet kollha li jirrigwardaw lil uliedhom, u meta jrabbu lil uliedhom, jirrispettaw il-persuna, l-individwalità u d-dinjità tagħhom. Il-ġenituri jieħdu preċedenza fuq l-oħrajn kollha fir-rigward tal-kura ta’ wliedhom u l-eżerċitar tar-responsabbiltà biex jaħdmu fl-interessi ta’ wliedhom. Il-ġenituri jitqiesu li qed jaħdmu fl-interessi tal-wild tagħhom jekk, billi jitqiesu l-personalità, l-età, il-livell ta’ żvilupp u x-xewqat tal-wild b’mod partikolari, huma jissodisfaw il-bżonnijiet materjali, emozzjonali u psikosoċjali tal-wild tagħhom billi jaġixxu b’tali mod li juri l-kura u r-responsabbiltà tagħhom lejn il-wild, jagħtuhom gwida xierqa u jħeġġu l-iżvilupp tagħhom. (L-Artikolu 7 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà prinċipali u ndaqs għall-kura, it-trobbija u l-iżvilupp ta’ wliedhom. It-tħassib primarju tagħhom għandu jkun l-interess ta’ wliedhom, u l-istat għandu jassistihom fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom tal-ġenituri.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkorpora fiha l-jeddijiet u dmirijiet tal-ġenituri b’rabta mal-ħajja u s-saħħa, it-trobbija, il-protezzjoni, il-kura, is-superviżjoni u l-edukazzjoni ta’ wliedhom, u l-jeddijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom b’rabta mar-rappreżentanza u l-manteniment tal-ulied u l-ġestjoni tal-proprjetà ta’ wliedhom. Awtorità kompetenti tista’ tpoġġi restrizzjoni fuq ġenitur jew ieħor jew it-tnejn li huma fl-eżerċizzju tar-responsabbilità tal-ġenituri, jew tneħħi r-responsabbiltà tal-ġenituri mingħand ġenitur jew ieħor jew it-tnejn li huma, skont il-kundizzjonijiet stabbilit fil-Kodiċi tal-Familja.

Il-ġenituri jridu jipprovdu kura għall-ħajja u s-saħħa ta’ wliedhom, u jipproteġuhom, jindokrawhom, irabbuhom u jżommuhom taħt għajnejhom. Iridu jipprovdu lil uliedhom b’kundizzjonijiet għal trobbija b’saħħitha u żvilupp personali bbilanċjat, jgħinuhom jiżviluppaw il-kapaċità li jgħixu u jaħdmu b’mod indipendenti, imantnu lil uliedhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Familja u, sa fejn twassal l-abbiltà tagħhom, jiżguraw li uliedhom ikunu jistgħu jintbagħtu l-iskola u jingħataw edukazzjoni skont il-ħiliet, talenti u xewqat tagħhom. (L-Artikoli 135, 136 u 137 tal-Kodiċi tal-Familja)

L-ulied għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt maż-żewġ ġenituri u ż-żewġ ġenituri għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt ma’ wliedhom. (L-Artikolu 141 tal-Kodiċi tal-Familja)

Ir-responsabbiltà ġuridika tal-ġenituri fil-konfront ta’ wliedhom hija stipulata fl-Artikolu 142 tal-Kodiċi tal-Obbligazzjonijiet (Obligacijski zakonik). Il-ġenituri huma responsabbli għal dannu kkawżat lil parti terza minn wild taħt l-età ta’ seba’ snin, irrispettivament minn jekk ikunux responsabbli għad-dannu kkawżat. Il-ġenituri huma responsabbli għal dannu kkawżat lil parti terza minn wild minorenni li jkollu aktar minn seba’ snin, sakemm ma jkunux jistgħu jipprovaw li ma kinux responsabbli għad-dannu kkawżat.

L-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Familja jirregola r-rappreżentanza ta’ wild fir-relazzjonijiet tal-wild mad-dinja ta’ hemm barra. Sakemm il-liġi ma tiddeterminax mod ieħor (pereżempju, jekk dawn ikunu tpoġġew f’foster care), wild huwa rrappreżentat mill-ġenituri tiegħu. Jekk ikun hemm bżonn li xi ħaġa titwassal lil wild minorenni jew li jiġi infurmat b’xi ħaġa, ġenitur jew ieħor jista’ jwassal dik il-ħaġa jew jirċievi dik l-informazzjoni. Jekk il-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien, dan isir mill-ġenitur li miegħu jgħix il-wild jew il-ġenitur innominat f’soluzzjoni bil-qorti jew f’deċiżjoni dwar il-kustodja konġunta skont l-Artikolu 139 tal-Kodiċi tal-Familja. (L-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Familja)

Proprjetà ta’ wild hija ġestita mill-ġenituri tal-wild fl-interessi tal-wild. Il-ġenituri jistgħu jużaw l-introjtu mill-proprjetà tal-wild b’mod partikolari għall-manteniment, it-trobbija u l-edukazzjoni tal-wild, kif ukoll għall-bżonnijiet immedjati tal-familja jekk huma stess ma jkollhomx biżżejjed mezzi. (L-Artikoli 147 u 148 tal-Kodiċi tal-Familja)

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà prinċipali u ndaqs għall-kura, it-trobbija u l-iżvilupp ta’ wliedhom. It-tħassib primarju tagħhom għandu jkun l-interessi ta’ wliedhom. (L-Artikolu 135 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-ġenituri jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-ġenituri permezz ta’ kunsens komuni f’konformità mal-interessi ta’ wliedhom. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali (center za socialno delo) biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur. Meta l-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien u ma jkollhomx il-kustodja konġunta ta’ wliedhom, it-tnejn li huma jiddeċiedu, permezz ta’ kunsens komuni u skont mal-interessi ta’ wliedhom, dwar kwistjonijiet li jkollhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp ta’ wliedhom. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur.

Il-ġenitur li jkollu kustodja tal-wild ikun dak li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-ħajja ta’ kuljum tal-wild u dwar il-post ta’ residenza permanenti tiegħu, dment li dan ma jkollux effett avvers fuq kwistjonijiet li għandhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp tal-wild.

F’każijiet li fihom il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar kwistjonijiet li għandhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp tal-wild, tiddeċiedi qorti.

Meta jkun hemm impediment li ma jħallix li ġenitur minnhom jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri, din tiġi eżerċitata mill-ġenitur l-ieħor waħdu.

Jekk ġenitur minnhom ma jkunx għadu ħaj jew ma jkunx magħruf, jew jekk titneħħielhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, dik ir-responsabbiltà tiġi eżerċitata mill-ġenitur l-ieħor. (L-Artikolu 151 tal-Kodiċi tal-Familja)

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Il-ġenituri jieħdu preċedenza fuq l-oħrajn kollha fir-rigward tad-dritt u d-dover li jipproteġu l-drittijiet u l-interessi ta’ wliedhom. Jekk il-ġenituri jonqsu milli jeżerċitaw dawn id-drittijiet jew milli jaqdu dawn id-doveri, jew jonqsu milli jagħmlu dan fl-interessi ta’ wliedhom, l-istat jieħu miżuri biex jipproteġi d-drittijiet u l-interessi tal-wild (minn hawn ’il quddiem: miżuri biex jiġu protetti l-interessi tal-wild). Jistgħu jittieħdu miżuri biex jiġu protetti l-interessi tal-wild sakemm il-wild jakkwiżixxi kapaċità sħiħa biex jintrabat b’kuntratt, sakemm il-Kodiċi tal-Familja ma tipprevedix mod ieħor. (L-Artikolu 154 tal-Kodiċi tal-Familja)

Qorti tista’ tieħu wild mingħand il-ġenituri tiegħu u tpoġġih fil-kustodja ta’ persuna oħra, fil-foster care jew f’istitut jekk il-wild ikun jinsab f’periklu u jekk it-tneħħija tkun l-uniku mod biex jiġu protetti biżżejjed l-interessi tiegħu, u jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ jindikaw li l-ġenituri se jkunu jistgħu, wara ċertu żmien, jerġgħu jassumu r-responsabbiltà tal-kura u t-trobbija tal-wild. (L-Artikolu 174 tal-Kodiċi tal-Familja)

Qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li tpoġġi wild f’istitut jekk ikunu qed isofru minn problemi psikoloġiċi fl-għamla ta’ diffikultajiet fl-aġir, l-emozzjonijiet u t-tagħlim jew diffikultajiet oħra fl-iżvilupp tagħhom, jekk il-wild jew ulied oħra fil-familja jkunu jinsabu f’periklu, u jkun possibbli li jiġu protetti l-interessi tal-wild jew ta’ dawk l-ulied l-oħra fil-familja biss billi l-wild jintbagħat f’istitut. (L-Artikolu 175 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-kura ta’ wild tista’ tiġi pprovduta minn ġenitur adottiv. Wild jista’ jiġi adottat biss jekk il-ġenituri jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-adozzjoni f’ċentru tas-servizzi soċjali jew quddiem qorti wara t-twelid tal-wild. Għal wild li jkun għadu ma għalaqx tmien ġimgħat, il-kunsens irid jerġa’ jiġi kkonfermat wara li l-wild jagħlaq tmien ġimgħat. Jekk dan ma jsirx, ma jkollu l-ebda effett legali. Il-kunsens ma jintalabx minn ġenitur li r-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu tkun ġiet irtirata jew li b’mod permanenti ma jkollux il-kapaċità li jesprimi x-xewqat tiegħu. Ulied li l-ġenituri tagħhom mhumiex magħrufa jew li r-residenza tagħhom ma tkunx magħrufa għal sena wkoll jistgħu jiġu adottati. (L-Artikolu 218 tal-Kodiċi tal-Familja) L-adozzjoni tittermina d-drittijiet u d-doveri tal-ulied vis-à-vis l-ġenituri tagħhom u qraba oħra, u viċeversa. Jekk il-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba extrakonjugali ta’ wieħed mill-ġenituri tal-wild jadottaw il-wild, dawk id-drittijiet u d-doveri tal-wild vis-à-vis dak il-ġenitur u l-qraba tiegħu ma jiġux itterminati, u viċeversa. (L-Artikolu 220 tal-Kodiċi tal-Familja)

L-għoti tar-responsabbiltà tal-ġenituri lil qarib hija istituzzjoni ġdida li ġiet introdotta permezz tal-Kodiċi tal-Familja b’rabta mal-kura tal-wild. Din l-istituzzjoni hija disponibbli biss b’rabta ma wild li ma għandux ġenituri ħajjin. Jekk dan ikun fl-interessi tal-wild, il-qorti tista’ tagħti r-responsabbiltà tal-ġenituri lil qarib li jkun lest li jassumi r-responsabbiltà għall-wild u jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni stabbiliti fil-Kodiċi tal-Familja. Il-Kodiċi tal-Familja tistabbilixxi min għandu jitqies bħala qarib f’każijiet bħal dawn: persuna li tiġi mill-wild b’konsangwinità f’linja dritta sat-tieni grad jew f’linja kollaterali sar-raba’ grad. Il-persuna li tkun ingħatatilha r-responsabbiltà tal-ġenituri takkwiżixxi l-istess jeddijiet u doveri bħalma kieku kien ikollhom il-ġenituri tal-wild, u ssir ir-rappreżentant legali tal-wild. Il-persuna li tkun ingħatatilha r-responsabbiltà tal-ġenituri trid tmantni lill-wild. Fl-eventwalità li r-responsabbiltà tal-ġenituri tingħata lil żewġ qraba li huma miżżewġin jew f’relazzjoni extrakonjugali bejniethom, jew lil qarib u l-konjuġi tagħhom jew sieħeb/sieħba extrakonjugali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet, dik ir-responsabbiltà tingħata liż-żewġ sieħba u ma tistax tingħata lil wieħed biss. (L-Artikolu 231 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-qorti tappunta tutur għal wild li ma għandux ġenituri jew wild li l-ġenituri ma jipprovdulhomx kura u tpoġġi lill-wild taħt il-kura ta’ tutur. (L-Artikolu 257 tal-Kodiċi tal-Familja) Ċentru tas-servizzi soċjali jew qorti jappuntaw tutur speċjali (“ta’ sostituzzjoni”) (kolizijski skrbnik) għal wild meta l-ġenituri tal-wild jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri iżda l-interessi tagħhom ikunu f’kunflitt, jew meta, f’każ ta’ tutela, l-interessi tal-wild u tat-tutur tiegħu jkunu f’kunflitt. (L-Artikolu 269 tal-Kodiċi tal-Familja)

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkun beħsiebhom jisseparaw iridu jilħqu ftehim dwar il-kustodja tat-tfal li jkollhom flimkien, u dan jagħmluh fl-interessi ta’ dawk it-tfal. Jistgħu jaqblu li jżommu kustodja konġunta ta’ wliedhom, li jagħtu l-kustodja lil wieħed mill-ġenituri jew li jaqsmu lil uliedhom bejniethom. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur. Jekk il-ġenituri jaslu għal ftehim dwar il-kustodja, jistgħu jipproponu li tiġi ffirmata soluzzjoni bil-qorti. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, tiċħad il-proposta. Jekk il-ġenituri ma jaslux għal ftehim dwar il-kustodja, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti. Il-qorti tista’ wkoll, ex officio u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Familja, tiddeċiedi dwar miżuri oħra biex jiġu salvagwardjati l-interessi tat-tfal. Meta tieħu deċiżjoni dwar il-kustodja, il-qorti wkoll dejjem tiddeċiedi dwar il-manteniment tat-tfal li l-ġenituri jkollhom flimkien u dwar il-kuntatt mal-ġenituri rispettivi, skont il-Kodiċi tal-Familja. Il-qorti toħroġ deċiżjoni ġdida dwar il-kustodja meta dan ikun meħtieġ minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi jew minħabba l-interessi tat-tfal. (L-Artikolu 138 tal-Kodiċi tal-Familja)

Meta qorti tannulla żwieġ, tiddeċiedi wkoll dwar il-kustodja u l-manteniment ta’ kull wild li l-ġenituri jkollhom flimkien u dwar il-kuntatt mal-ġenituri rispettivi, skont dan l-att. Qabel ma tagħmel hekk, trid tistabbilixxi wkoll kif l-aħjar li tiżgura l-interessi tal-wild jew tal-ulied. (L-Artikolu 98 tal-Kodiċi tal-Familja)

Meta l-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien u ma jkollhomx il-kustodja konġunta ta’ wliedhom, it-tnejn li huma jiddeċiedu, permezz ta’ kunsens komuni u f’konformità mal-interessi ta’ wliedhom, dwar kwistjonijiet li jkollhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp ta’ wliedhom. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur. Il-ġenitur li jkollu kustodja tal-wild ikun dak li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-ħajja ta’ kuljum tal-wild u dwar il-post ta’ residenza permanenti tiegħu, dment li dan ma jkollux effett avvers fuq kwistjonijiet li għandhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp tal-wild. (L-Artikolu 151 tal-Kodiċi tal-Familja)

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkun beħsiebhom jisseparaw iridu jilħqu ftehim dwar il-kustodja tat-tfal li jkollhom flimkien, u dan jagħmluh fl-interessi ta’ dawk it-tfal. Jistgħu jaqblu li jżommu kustodja konġunta ta’ wliedhom, li jagħtu l-kustodja lil wieħed mill-ġenituri jew li jaqsmu lil uliedhom bejniethom. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur. Jekk il-ġenituri jaslu għal ftehim dwar il-kustodja, jistgħu jipproponu li tiġi ffirmata soluzzjoni bil-qorti. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, tiċħad il-proposta. Jekk il-ġenituri ma jaslux għal ftehim dwar il-kustodja, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti. (l-Artikolu 138 tal-Kodiċi tal-Familja) Soluzzjoni bil-qorti jew deċiżjoni tal-qorti dwar kustodja konġunta trid tkun tinkludi deċiżjoni dwar il-post ta’ residenza permanenti tal-wild, liema ġenitur se jkun qed iwassal kull korrispondenza għall-wild u dwar il-manteniment tal-wild. (L-Artikolu 139 tal-Kodiċi tal-Familja)

Ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkun beħsiebhom jisseparaw, u ġenituri li jgħixu flimkien, jaslu għal ftehim dwar il-manteniment tat-tfal li jkollhom flimkien. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur. Jekk il-ġenituri ma jaslux għal ftehim dwar il-manteniment tat-tfal li jkollhom flimkien, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti. (L-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Familja)

It-tfal għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt maż-żewġ ġenituri, u ż-żewġ ġenituri għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt mat-tfal. Il-kuntatt irid jaċċerta li jiġu moqdija l-interessi tat-tfal. Il-ġenitur li miegħu jgħixu t-tfal jew li jkun ġie fdat bil-kustodja tagħhom, jew terza persuna li t-tfal jgħixu magħha, iridu jżommu lura minn kull aġir li jostakola jew ma jħallix lit-tfal milli jżommu kuntatt, u jridu jagħmlu ħilithom biex iħeġġu lit-tfal jadottaw attitudni xierqa fil-konfront tal-kuntatt mal-ġenitur l-ieħor jew mal-ġenituri tagħhom. Il-ġenitur li jkollu kuntatt mat-tfal irid iżomm lura minn kull aġir li jostakola l-kuntatt mat-tfal u l-kura u t-trobbija tagħhom. Ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkun beħsiebhom jisseparaw għandhom jaslu għal ftehim dwar il-kuntatt. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur. Jekk il-ġenituri jaslu għal ftehim dwar il-kustodja, jistgħu jipproponu li tiġi ffirmata soluzzjoni bil-qorti. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, tiċħad il-proposta. Jekk il-ġenituri ma jaslux għal ftehim dwar il-kuntatt, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti. (L-Artikolu 141 tal-Kodiċi tal-Familja)

It-tfal għandhom ukoll id-dritt għal kuntatt ma’ persuni oħra li jkunu membri tal-familja u li jkollhom rabta personali mill-qrib mat-tfal, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-interessi tat-tfal. Tali persuni jitqiesu li huma, b’mod partikolari, in-nanniet tat-tfal, l-aħwa, l-aħwa mill-missier jew mill-omm, ġenituri foster preċedenti, u eks konjuġi jew il-konjuġi attwali jew is-sħab extrakonjugali ta’ wieħed mill-ġenituri. Il-ftehim dwar il-kuntatt għandu jintlaħaq mill-ġenituri tat-tfal, it-tfal (jekk ikunu kapaċi jifhmu l-importanza tal-ftehim) u l-persuni msemmija aktar ’il fuq. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur. Il-limitu sa fejn għandu jinżamm il-kuntatt u l-mod ta’ kif għandu jinżamm iridu jkunu fl-interess tat-tfal. Jekk jintlaħaq ftehim dwar il-kuntatt, il-ġenituri, it-tfal u l-persuni msemmija aktar ’il fuq jistgħu jipproponu wkoll li tiġi ffirmata soluzzjoni bil-qorti. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, tiċħad il-proposta. Jekk il-ġenituri, it-tfal u l-persuni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, il-kuntatt jiġi deċiż mill-qorti. (L-Artikolu 142 tal-Kodiċi tal-Familja)

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?



Qabel ma jipproponu li l-qorti tiddeċiedi dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal, dwar il-kuntatt magħhom jew ma’ persuni oħra, jew dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri li għandhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp tat-tfal, il-ġenituri jieħdu sehem fi proċess ta’ konsulenza preliminari f’ċentru tas-servizzi soċjali, sakemm wieħed mill-ġenituri ma jkunx mentalment inkompetenti, jew jekk wieħed mill-konjuġi jkun jgħix barra jew l-inħawi fejn ikun jinsab jew ir-residenza tiegħu ma jkunux magħrufa.

Jekk inkwistjoni jkun hemm il-kuntatt ma’ persuna oħra, dik il-persuna l-oħra u t-tfal (jekk it-tfal ikunu qed jirrikorru għall-kuntatt), iridu jattendu l-konsulenza qabel il-preżentata tal-proposta.

L-iskop tal-konsulenza preliminari huwa li l-ġenituri jew il-persuna l-oħra tinġibdilhom l-attenzjoni għar-rekwiżit tas-salvagwardja tal-interessi tat-tfal meta jiġu mifthiema r-relazzjonijiet mat-tfal, għall-impatt pożittiv li arranġament amikevoli tar-relazzjonijiet mat-tfal għandu fuq it-tfal, u għall-iskop tal-medjazzjoni.

Il-konsulenza trid issir qabel il-preżentata ta’ proposta għal deċiżjoni ġdida li tkun se tinħareġ dwar kwalunkwe kwistjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

Il-ġenituri jew il-persuni msemmija aktar ’il fuq jattendu konsulenza preliminari mingħajr ir-rappreżentanti tagħhom. Bil-kunsens tal-ġenituri jew tal-persuni msemmija aktar ’il fuq, iċ-ċentru tas-servizzi soċjali jista’ jgħaddi għal proċedura ta’ medjazzjoni wara l-konsulenza preliminari. Dawn il-persuni jistgħu wkoll jieħdu sehem fi proċess ta’ medjazzjoni pprovdut minn ħaddieħor. (L-Artikolu 203 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-medjazzjoni tista’ ssir qabel, waqt jew wara l-proċedimenti tal-qorti, u tista’ tinkludi assistenza fis-soluzzjoni tar-relazzjonijiet personali u tal-proprjetà. Il-medjazzjoni ssir primarjament qabel ma jibdew il-proċedimenti tal-qorti bl-għan li tissawwar proposta għat-terminazzjoni ta’ żwieġ bi ftehim jew proposta għal soluzzjoni bil-qorti dwar il-kustodja, il-manteniment u l-kuntatt tat-tfal mal-ġenituri jew ma’ persuni oħra, jew kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li għandhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp tat-tfal. Il-medjazzjoni waqt il-proċedimenti tal-qorti ssir skont il-liġi li tirregola s-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Anki jekk il-partijiet jew il-parteċipanti fil-proċedimenti jkunu qablu li jirrikorru għall-medjazzjoni, il-qorti tista’ tirrifjuta r-rikors u ma tissospendix il-proċedimenti tal-qorti jekk, fil-proċedimenti li jinvolvu lit-tfal, jidhrilha li sospensjoni tal-proċedimenti ma tkunx fl-interessi tat-tfal. (L-Artikolu 205 tal-Kodiċi tal-Familja)

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-qorti tista’ tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja tat-tfal kollha jew li t-tfal għandhom jinqasmu bejn il-ġenituri jew li ż-żewġ ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta tat-tfal. Il-qorti tista’ wkoll, ex officio u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Familja, tiddeċiedi dwar miżuri oħra biex jiġu salvagwardjati l-interessi tat-tfal. Meta tieħu deċiżjoni dwar il-kustodja, il-qorti wkoll dejjem tiddeċiedi dwar il-manteniment tat-tfal li l-ġenituri jkollhom flimkien u dwar il-kuntatt mal-ġenituri rispettivi, skont il-Kodiċi tal-Familja. Il-qorti toħroġ deċiżjoni ġdida dwar il-kustodja meta dan ikun meħtieġ minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi jew minħabba l-interessi tat-tfal. (L-Artikoli 138 u 139 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar il-manteniment tat-tfal u dwar il-kuntatt. (L-Artikoli 105a, 106 u 106a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali (Zakon o zakonski zvezi in družinskih razmerjih))

Biex tasal għal deċiżjoni dwar il-kuntatt, it-tħassib primarju tal-qorti jkun l-interessi tal-wild. Jekk il-ġenitur li miegħu jgħixu t-tfal ma jħallix li jsir kuntatt bejn it-tfal u l-ġenitur l-ieħor u lanqas ma jitħalla jsir kuntatt mal-assistenza speċjalizzata ta’ ċentru tas-servizzi soċjali, il-qorti tista’ tiddeċiedi, abbażi ta’ proposta mill-ġenitur l-ieħor, li tneħħi l-kustodja mingħand il-ġenitur li mhux qed iħalli l-kuntatt isir u taffida l-kustodja tat-tfal lill-ġenitur l-ieħor, jekk il-qorti temmen li l-ġenitur l-ieħor se jara li jsir kuntatt u jekk dan ikun l-uniku mod li bih jistgħu jiġu salvagwardjati l-interessi tat-tfal. Il-qorti toħroġ deċiżjoni ġdida dwar il-kuntatt tal-ġenituri meta dan ikun meħtieġ minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi u l-interessi tat-tfal. (L-Artikolu 141 tal-Kodiċi tal-Familja) Il-qorti tista’ tneħħi jew tirrestrinġi d-dritt għall-kuntatt bħala parti minn miżuri biex tissalvagwardja l-interessi tat-tfal. (L-Artikolu 173 tal-Kodiċi tal-Familja)

Meta tiġi biex tiddeċiedi dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal, il-kuntatt, l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-għoti tar-responsabbiltà tal-ġenituri lil qarib, il-qorti tqis ukoll l-opinjoni tat-tfal kif espress mit-tfal stess jew minn persuna fdata mit-tfal u li tkun intgħażlet mit-tfal stess, dment li t-tfal ikunu kapaċi jifhmu s-sinifikat u l-konsegwenzi tal-opinjoni. B’rabta mal-interessi tat-tfal, il-qorti tqis il-parir taċ-ċentru tas-servizzi soċjali, meta tali parir jinkiseb f’konformità mal-att li jirregola l-proċedura ċivili mhux kontenzjuża. (L-Artikolu 143 tal-Kodiċi tal-Familja)

Meta tikkalkula l-manteniment dovut lit-tfal, il-qorti trid taġixxi fl-interessi tat-tfal, u tistabbilixxi livell li jkun adegwat biex taċċerta l-iżvilupp fiżiku u mentali b’suċċess tat-tfal. Il-manteniment irid ikopri l-ispejjeż tal-għajxien tat-tfal, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, l-ikel, l-ilbies u ż-żraben, il-kura u l-protezzjoni, l-edukazzjoni, l-iskola, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u bżonnijiet speċifiċi oħra. (L-Artikolu 190 tal-Kodiċi tal-Familja)

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Meta l-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien u ma jkollhomx il-kustodja konġunta ta’ wliedhom, it-tnejn li huma jiddeċiedu, permezz ta’ kunsens komuni u skont mal-interessi ta’ wliedhom, dwar kwistjonijiet li jkollhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp ta’ wliedhom. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jinvolvu s-servizzi ta’ medjatur. Il-ġenitur li jkollu kustodja tal-wild ikun dak li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-ħajja ta’ kuljum tal-wild u dwar il-post ta’ residenza permanenti tiegħu, dment li dan ma jkollux effett avvers fuq kwistjonijiet li għandhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp tal-wild. F’każijiet li fihom il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar kwistjonijiet li għandhom influwenza sinifikattiva fuq l-iżvilupp tal-wild, tiddeċiedi qorti. (L-Artikolu 151 tal-Kodiċi tal-Familja)

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Dan ifisser li ż-żewġ ġenituri huma responsabbli ndaqs għat-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal, u li t-tnejn iridu jkomplu jieħdu ħsieb lit-tfal.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-qrati distrettwali (okrožna sodišča) huma l-qrati b’ġuriżdizzjoni ratione materiae f’tali każijiet. (L-Artikolu 10 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża (Zakon o nepravdnem postopku))

Ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali tkun tal-qorti li tkopri ż-żona li fiha l-persuna li kontriha tkun tressqet il-proposta jkollha residenza permanenti jew il-post ta’ stabbiliment tagħha. Meta qorti tagħti bidu għal proċedura ex officio, il-ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali tkun tal-qorti li tkopri ż-żona li fiha l-persuna li dwarha tkun qed issir il-proċedura jkollha residenza permanenti. Jekk fil-proċedura jkunu qed hemm biss parti waħda parteċipi, il-ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali tkun tal-qorti li tkopri ż-żona li fiha l-parti parteċipi jkollha residenza permanenti jew il-post ta’ stabbiliment tagħha. Jekk il-parti parteċipi ma jkollhiex residenza permanenti fis-Slovenja, il-ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali tiġi ddeterminata skont il-post ta’ residenza temporanja tagħha. Jekk apparti r-residenza permanenti tagħha, ikollha wkoll residenza temporanja band’oħra u jkun jista’ jiġi preżunt, minħabba ċ-ċirkostanzi, li se tibqa’ tgħix hemmhekk għal perjodu estiż ta’ żmien, il-qorti li tkopri ż-żona ta’ residenza temporanja tagħha jkollha l-ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali. Jekk qorti fis-Slovenja jkollha l-kompetenza li tiddeċiedi u ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit liema qorti fis-Slovenja għandha l-ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali, il-qorti b’ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali tiġi ddeterminata mill-Qorti Suprema tas-Slovenja (Vrhovno sodišče Republike Slovenije). (L-Artikolu 11 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża)

Jekk f’tilwima dwar il-manteniment legali, l-attur ikun il-persuna li qed titlob il-manteniment, il-qorti li tkopri ż-żona ta’ residenza permanenti jew temporanja tal-attur ikollha l-ġuriżdizzjoni, apparti l-qorti ta’ ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali. Jekk f’tilwima dwar il-manteniment legali, l-attur ikun il-persuna li qed titlob il-manteniment, il-qorti li tkopri ż-żona ta’ residenza permanenti jew temporanja tal-attur ikollha l-ġuriżdizzjoni, apparti l-qorti ta’ ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali. (L-Artikolu 50 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku))

Dment li l-liġi ma tipprevedix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili jiġu applikati b’analoġija għall-proċedimenti ċivili mhux kontenzjużi.

Proposta fi proċedimenti ċivili mhux kontenzjużi jrid ikun fiha deskrizzjoni tar-relazzjoni jew tas-sitwazzjoni li l-qorti għandha tiddeċiedi dwarha, il-fatti rilevanti għad-deċiżjoni u l-evidenza ta’ dawn il-fatti, id-dettalji l-oħra li kull rikors irid ikollu, u d-dettalji li jidentifikaw lill-partijiet, kif stipulat għall-kawżi tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili. (L-Artikolu 23 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża)

Il-partijiet fil-proċedura u parteċipanti oħra fil-proċedura jridu jressqu kawżi, jippreżentaw appelli jew rikorsi oħra bil-lingwa Slovena jew bil-lingwa tal-komunità nazzjonali f’użu uffiċjali fil-qorti. (L-Artikolu 104 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili) Kawża trid tinkludi talba speċifika li tistipula s-suġġett prinċipali tal-każ u t-talbiet supplimentari, il-fatti abbażi ta’ liema tkun ibbażata t-talba tal-attur, il-provi li jissostanzjaw dawk il-fatti, l-informazzjoni l-oħra kollha li għandu jkollha kull kawża, u d-dettalji li jidentifikaw lill-partijiet, kif stipulat mill-Att dwar il-Proċedura Ċivili. (L-Artikolu 180 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

Dment li l-liġi ma tipprevedix mod ieħor, it-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu meta titressaq proposta biex jingħata bidu għal proċedura. (L-Artikolu 39 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża)

Skont l-Att dwar il-Proċedura Ċivili, rikors huwa azzjoni legali, reazzjoni għal azzjoni legali, rimedju legali u argumenti, proposti jew komunikazzjonijiet oħra mressqa barra mill-kuntest tal-proċedimenti. Ir-rikors iridu jkunu komprensibbli u jinkludu dak kollu meħtieġ għal smigħ ġudizzjarju. B’mod partikolari, iridu jinkludu dan li ġej: referenza għall-qorti, l-ismijiet u l-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanja jew il-post ta; stabbiliment tal-partijiet, l-ismijiet tar-rappreżentanti legali jew tal-persuni bi prokura tagħhom, is-suġġett tat-tilwima u l-kontenut tal-argument.

Ir-rikorrent irid jiffirma r-rikors, ħlief jekk dan ma jkunx jista’ jsir minħabba l-għamla tar-rikors. Il-firma oriġinali tar-rikorrent titqies li tkun il-firma bl-idejn jew il-firma elettronika (li hija ekwivalenti għal firma bl-idejn) tiegħu. Jekk rikorrent ma jkunx jaf jikteb jew ma jkunx jista’’ jipprovdi firma, fir-rikors jipprovdi marka tas-swaba’ minflok firma. Jekk il-qorti tpoġġi f’dubju l-awtentiċità ta’ rikors, tista’ toħroġ deċiżjoni li biha tordna li fir-rikors tiġi pprovduta firma ċċertifikata. Din id-deċiżjoni ma tistax tiġi appellata. Jekk l-argument jinkludi talba, il-parti trid, fir-rikors, tiddikjara l-fatti li fuqhom jibbaża r-rikors, u fejn ikun meħtieġ, l-evidenza. (L-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Rikors huwa rikors bil-miktub f’għamla fiżika jew elettronika. Rikors bil-miktub huwa rikors li jkun inkiteb bl-idejn jew stampat u ffirmat bl-idejn mir-rikorrent stess (rikors f’għamla fiżika) jew rikors f’għamla elettronika li jkun ġie ffirmat permezz ta’ firma elettronika, li hija ekwivalenti għal firma bl-idejn (rikors f’għamla elettronika). Rikors f’għamla fiżika jintbagħat bil-posta, bl-użu ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni, jitwassal direttament lill-korp ikkonċernat jew jitwassal minn persuna mqabbda professjonalment biex tippreżenta r-rikorsi. Rikors f’għamla elettronika jiġi ppreżentat fis-sistema informatika ġudizzjarja. Is-sistema informatika ġudizzjarja tikkonferma awtomatikament lir-rikorrent li r-rikors ikun ġie riċevut. Rikors jista’ jitressaq ukoll bil-formula preskritta jew imħejjija mod ieħor. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti oħra, formoli ppreżentati f’għamla elettronika jridu jkunu tale quale fil-kontenut għall-formoli preskritti għar-rikorsi ppreżentati f’għamla fiżika. (L-Artikolu 105b tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Jekk l-argument jinkludi talba, il-parti trid, fir-rikors, tiddikjara l-fatti li fuqhom jibbaża r-rikors, u fejn ikun meħtieġ, l-evidenza.

Ir-rikorsi li jridu jitwasslu lill-parti opposta jridu jiġu ppreżentati lill-qorti fl-għadd ta’ kopji rikjest mill-qorti u mill-parti opposta, u f’għamla li tippermetti li l-qorti tkun tista’ twassalhom. Dan japplika wkoll għad-dokumenti mehmużin. Ir-rikors u d-dokumenti mehmużin li jintbagħtu b’mod elettroniku u li jridu jintbagħtu lill-parti opposta jintbagħtu fl-għamla ta’ kopja waħda. Il-qorti tagħmel biżżejjed kopji elettroniċi jew fotokopji daqs kemm tkun teħtieġ il-parti opposta. Jekk il-parti opposta tkun tikkomprendi aktar minn persuna waħda b’rappreżentant legali konġunt jew prokuratur, ir-rikorsi u l-allegati jitwasslu lill-persuni kollha flimkien f’kopja waħda. (L-Artikolu 106 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża)

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-qorti tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ status personali u relazzjonijiet familjali fi proċedimenti ċivili mhux kontenzjużi. (Il-Kapitolu X tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża)

Kwistjonijiet ġudizzjarji skont il-Kodiċi tal-Familja li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, l-adozzjoni, it-trasferiment tar-responsabbiltà tal-ġenituri lill-qraba, il-foster care u t-tutela jiġu riżolti bħala kwistjonijiet prijoritarji. Fil-każijiet li fihom il-Kodiċi tal-Familja tiddefinixxi qorti bħala li jkollha l-kompetenza li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet skont il-Kodiċi, huma l-qrati distrettwali li għandhom il-ġuriżdizzjoni ratione materiae biex jiddeċiedu fil-Prim’Istanza, sakemm liġi oħra ma tipprevedix mod ieħor. (L-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-qorti distrettwali tiddeċiedi bi proċedura ċivili, sakemm il-liġi ma tkunx tistipula li għandha tagħmel dan bi proċedura mhux kontenzjuża. Il-qrati jirrisolvu l-kwistjonijiet irregolati mill-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali bħala kwistjoni prijoritarja. (L-Artikolu 10a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Il-Kodiċi tal-Familja jipprevedi li l-qorti għandha toħroġ mandat ta’ inibizzjoni temporanja fil-proċedimenti sabiex tissalvagwardja l-interessi tat-tfal jekk jiġi ppruvat li hemm probabbiltà ta’ theddida għall-interessi tat-tfal. (L-Artikolu 161 tal-Kodiċi tal-Familja)

Skont l-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża, mandati ta’ inibizzjoni temporanja biex jiġu salvagwardjati l-interessi tat-tfal skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kodiċi tal-Familja jinħarġu skont il-proċedura stipulata fil-liġi li tirregola l-garanzija tat-talbiet.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, tista’ tinkiseb għajnuna legali biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedura. L-imħallef tal-qrati distrettwali li jippresjedi jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna legali. (L-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (Zakon o brezplačni pravni pomoči))

Skont dan l-Att, tista’ tingħata għajnuna legali għall-pariri legali, konsulenza legali u servizzi legali oħra previsti mil-liġi, għall-forom kollha ta’ protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati kollha b’ġuriżdizzjoni ġenerali u l-qrati speċjalizzati fis-Slovenja, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tas-Slovenja (Ustavno sodišče Republike Slovenije) u quddiem l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet u l-persuni fis-Slovenja kompetenti biex jiddeċiedu dwar is-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim, u għar-rinunzja tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja. (L-Artikolu 7 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

Dawk intitolati għall-għajnuna legali skont dan l-att huma: 1. iċ-ċittadini tas-Slovenja; 2. ċittadini barranin b’residenza permanenti jew temporanja fis-Slovenja u persuni mingħajr ċittadinanza (persuni mingħajr Stat) b’residenza legali fis-Slovenja; 3. ċittadini barranin oħra skont il-kundizzjonijiet tar-reċiproċità jew skont kundizzjonijiet u f’każijiet definiti fi trattati internazzjonali vinkolanti għas-Slovenja; 4. organizzazzjonijiet nongovernattivi u assoċjazzjonijiet li joperaw mingħajr skop ta’ qligħ u fl-interess pubbliku, u li huma rreġistrati fir-reġistru korrispondenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, f’tilwimiet relatati mat-twettiq tal-attivitajiet fl-interess pubbliku jew bl-intenzjoni li jkunu ġew stabbiliti għaliha; 5. persuni oħra li għalihom il-liġi jew trattat internazzjonali vinkolanti għas-Slovenja jippreskrivi intitolament għall-għajnuna legali. (L-Artikolu 10 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

Persuna intitolata għall-għajnuna legali tista’ titlob għajnuna legali matul kwalunkwe stadju tal-proċedimenti (pereż. fil-bidu ta’ proċedura extraġudizzjarja jew ġudizzjarja, u fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti li jkunu diġà nbdew). Fid-deċiżjonjiet dwar it-talbiet għall-allokazzjoni tal-għajnuna legali, jiġi ddeterminat l-istatus finanzjarju tar-rikorrent, kif ukoll kundizzjonijiet oħra stipulati f’ dan l-Att (għajnuna legali ordinarja). (L-Artikolu 11 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, il-kompetenza li tiddeċiedi dwar appelli minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li tkun ittieħdet minn qorti distrettwali hija ta’ qorti superjuri (višje sodišče). (L-Artikolu 36 tal-Att dwar il-Proċedura Mhux Kontenzjuża) Appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li tat is-sentenza tal-Prim’Istanza, f’biżżejjed kopji għall-qorti u għall-parti opposta. (L-Artikolu 342 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma stipulati fl-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet (Zakon o izvršbi in zavarovanju). Sakemm il-qorti ma tistipulax mod ieħor, il-qorti lokali (okrajno sodišče) ikollha ġuriżdizzjoni ratione materiae biex tippermetti l-eżekuzzjoni. (L-Artikolu 5 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet)

Il-qorti b’ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali biex tiddeċiedi dwar proposta għal eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-kustodja ta’ minuri u għall-eżekuzzjoni nnifisha hija l-qorti li tkopri ż-żona tar-residenza permanenti jew temporanja tal-persuna li tkun ingħatat il-kustodja jew il-qorti li tkopri ż-żona tar-residenza permanenti jew temporanja tal-persuna li kontriha tkun tressqet il-proposta għall-eżekuzzjoni. Il-qorti li tkopri ż-żona li fiha jkunu jinsabu t-tfal hija wkoll il-qorti b’ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali fuq l-eżekuzzjoni diretta (l-Artikolu 238e). (L-Artikolu 238a tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet)

Taħt ordni ta’ eżekuzzjoni, l-obbligu ta’ konsenja ta’ minuri jkun impost fuq il-persuna kkonċernata mill-istrument ta’ eżekuzzjoni, il-persuna li mir-rieda tagħha tkun tiddependi l-konsenja tal-minuri u l-persuna ma’ min ikunu l-minuri fil-mument li tinħareġ l-ordni. Fl-ordni ta’ eżekuzzjoni, il-qorti tiddikjara li d-dover ta’ konsenja tal-minuri huwa wkoll effettiv fil-konfront ta’ kull persuna oħra ma’ min ikunu l-minuri fil-mument li sseħħ l-eżekuzzjoni. (L-Artikolu 238c tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet)

Filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u sabiex tħares l-interessi tat-tfal, il-qorti tiddeċiedi jekk teżegwix id-deċiżjoni dwar il-kustodja tat-tfal billi timponi multa fuq il-persuna kkonċernata mill-ordni ta’ eżekuzzjoni jew billi tneħħi lit-tfal u tikkonsenjahom lill-persuna li tkun ingħatatilha l-kustodja tagħhom. (L-Artikolu 238č tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet)

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjoni tal-qorti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija rikonoxxuta u eżegwita f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Il-qorti tapplika proċedura mhux kontenzjuża skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-qrati distrettwali kollha għandhom il-kompetenza li jamministraw talbiet għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità.

Il-qorti li tkun iddikjarat deċiżjoni ġudizzjarja bħala eżegwibbli tkun il-qorti bil-kompetenza li tamministra rimedju legali kontra deċiżjoni ġudizzjarja li tiddikjara l-eżegwibilità.

Il-qorti tapplika proċedura mhux kontenzjuża skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża.

Lista tal-Qrati Distrettwali  PDF (244 Kb) sl  PDF (244 Kb) sl

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Skont l-Att dwar il-Proċedura u d-Dritt Internazzjonali Privat (Zakon o mednarodnem zasebnem pravu in postopku), ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal jiġu vvalutati skont il-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom. Jekk il-ġenituri u t-tfal ikollhom nazzjonalità ta’ pajjiżi differenti, tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż li fih ilkoll ikollhom ir-residenza permanenti. Jekk il-ġenituri u t-tfal ikollhom nazzjonalità ta’ pajjiżi differenti u ma jkollhomx residenza permanenti fl-istess pajjiż, tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tat-tfal. (L-Artikolu 42)

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 11/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.