Qrati ordinarji nazzjonali

Tšehhi

L-istruttura tal-qorti fir-Repubblika Ċeka hija magħmula minn 89 qorti distrettwali, tmien qrati reġjonali u l-Qorti Suprema.

Sisu koostaja:
Tšehhi

Qrati ordinarji — introduzzjoni

Ġuriżdizzjoni f’kawżi ċivili

Il-qrati distrettwali, il-qrati reġjonali, il-qrati għoljin u l-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka huma responsabbli biex jiġġudikaw il-kawżi ċivili.

Qrati tal-prim'istanza

Il-qrati distrettwali jisimgħu u jiġġudikaw tilwim u kawżi legali oħra li jirriżultaw minn relazzjonijiet ċivili, tal-impjieg, tal-familja u kummerċjali kull meta l-ebda qorti oħra ma jkollha ġuriżdizzjoni materjali fuqhom skont il-liġi.

Kwistjonijiet oħra li mhumiex ta’ natura privata (eż. dwar il-ħatra u t-tkeċċija tal-arbitri, dwar l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, eċċ.) għandhom jinstemgħu u jiġu ġġudikati mill-qrati distrettwali fi proċedimenti ċivili fejn il-liġi tipprevedi hekk.

Kawżi li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti distrettwali normalment jiġu deċiżi minn imħallef wieħed biss.

Fejn il-liġi hekk tiddetermina, l-impjiegi u kwistjonijiet oħra jinstemgħu minn awla li tikkonsisti minn imħallef u minn żewġ imħallfin li ma jkunux esperti fil-qasam.

Il-qrati reġjonali jaġixxu bħala qrati tal-prim’istanza f’kawżi u tilwim imsemmija fl-Artikoli 9(2) u 9a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Il-proċedimenti quddiem qorti reġjonali bħala qorti tal-prim’ istanza jinstemgħu u jiġu deċiżi minn imħallef wieħed; awla li tikkonsisti minn president ta’ awla u minn żewġ imħallfin tisma’ u tiddeċiedi dwar il-proċedimenti fl-ewwel istanza, meta l-liġi tipprevedi hekk.

Il-Qorti Suprema tagħti deċiżjonijiet fl-ewwel istanza abbażi tal-Artikolu 51 tal-Att Nru 91/2012 dwar id-dritt internazzjonali privat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Suprema tirrikonoxxi d-deċiżjonijiet finali tal-qrati barranin.

Il-Qorti Suprema tippresjedi bħala awla jew Awla Manja.

It-Tieni Istanza

Meta l-qrati distrettwali jisimgħu l-każ fl-ewwel istanza, qorti reġjonali tkun il-qorti tal-appell (il-qorti tat-tieni istanza).

Meta l-qrati reġjonali jisimgħu l-każ fl-ewwel istanza, il-qrati għolja jaġixxu bħala l-qrati tal-appell.

Il-qorti għolja tippresjedi bħala awla li tikkonsisti minn president tal-awla u minn żewġ imħallfin sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet legali separati bil-kontra.

Bażijiet ta' data legali

Il-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Ċeka tinsab fuq il-portal uffiċjali tal-gvern Ċek (biċ-Ċek biss).

L-aċċess għall-bażi tad-data legali huwa mingħajr ħlas?

Iva, dan il-portal biss jipprovdi estratti leġiżlattivi mingħajr ħlas.

Ġuriżdizzjoni f’kawżi kriminali

Il-qrati distrettwali, il-qrati reġjonali, il-qrati għoljin u l-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka huma responsabbli biex jiġġudikaw il-kawżi kriminali.

Qrati tal-prim'istanza

Sakemm l-Att Nru 141/1961 dwar proċedimenti kriminali ma jiddeterminax mod ieħor, il-proċedimenti fl-ewwel istanza jseħħu fil-qorti distrettwali.

Il-proċedimenti kriminali quddiem qorti jiġu deċiżi minn awla ta’ mħallfin jew minn imħallef wieħed; il-President tal-Awla jew l-imħallef waħdieni jiddeċiedi waħdu biss meta dan ikun espressament previst mil-liġi. Il-kmamar tal-qorti distrettwali huma magħmula minn president ta’ awla u minn żewġ imħallfin mhux esperti. President tal-Awla jew imħallef jista’ jaġixxi bħala mħallef wieħed. Imħallef biss jista’ jaġixxi bħala president tal-awla.

Il-qrati reġjonali jisimgħu proċedimenti fl-ewwel istanza dwar reati kriminali li fir-rigward tagħhom il-liġi tipprovdi għal sentenza ta’ mill-inqas ħames snin ħabs, jew fejn tista’ tiġi imposta sentenza eċċezzjonali. Il-qrati reġjonali jaġixxu wkoll bħala qrati tal-prim’ istanza fir-rigward ta’ reati kriminali msemmija fl-Artikolu 17(1) tal-Att dwar il-Proċedimenti Kriminali anki jekk il-piena minima ta’ priġunerija hija aktar baxxa.

Il-qrati reġjonali jaġixxu f’awli. Imħallef wieħed jagħti deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-liġijiet dwar il-proċedimenti fil-qrati.

L-awli reġjonali tal-qorti huma magħmulin minn

  1. president ta’ awla u ta’ żewġ imħallfin mhux esperti jekk dawn jaġixxu bħala qrati tal-prim’ istanza f’kawżi kriminali;
  2. president tal-awla u ta’ żewġ imħallfin f’każijiet oħra.

President tal-Awla jew imħallef jista’ jaġixxi bħala mħallef wieħed. Imħallef biss jista’ jaġixxi bħala president tal-awla.

It-Tieni Istanza

Il-qorti reġjonali superjuri tiddeċiedi dwar l-appelli mis-sentenzi tal-qorti distrettwali. Il-qorti għolja superjuri tiddeċiedi dwar appelli minn sentenzi ta’ qorti reġjonali fl-ewwel istanza.

Il-qorti għolja tippresjedi bħala awla li tikkonsisti minn president tal-awla u minn żewġ imħallfin sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet legali separati bil-kontra.

Ġuriżdizzjoni f’kawżi amministrattivi

Ir-rwol tal-ġudikatura f’materji amministrattivi huwa li jipproteġi d-drittijiet individwali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi skont il-liġi pubblika.

Dan ir-rwol jitwettaq mill-qrati amministrattivi. Dawn huma awli speċjalizzati fi ħdan is-sistema tal-qrati reġjonali li jaġixxu bħala qrati tal-prim’ istanza.

Il-qrati amministrattivi huma magħmula minn: il-president tal-qorti reġjonali, il-viċi presidenti u l-imħallfin. Il-kawżi individwali jinstemgħu minn awla komposta minn tliet imħallfin.

Il-qrati amministrattivi jiddeċiedu dwar

  1. ilmenti kontra deċiżjonijiet amministrattivi maħruġa minn korp eżekuttiv, korp tal-gvern lokali jew reġjonali, persuna fiżika jew ġuridika jew korp ieħor li għandhom is-setgħa li jiddeċiedu dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-amministrazzjoni pubblika (minn hawn ’il quddiem “korp amministrattiv”);
  2. il-protezzjoni kontra n-nuqqas li taġixxi awtorità amministrattiva;
  3. il-protezzjoni kontra intervent illegali minn korp amministrattiv;
  4. azzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni;
  5. kwistjonijiet elettorali u kwistjonijiet relatati mar-referenda lokali jew reġjonali;
  6. kwistjonijiet relatati ma’ partiti politiċi u movimenti politiċi;
  7. ir-revoka ta’ miżura ta’ natura ġenerali jew parti minnha li hija kontra l-liġi;
  8. kwistjonijiet dixxiplinari li għandhom x’jaqsmu ma’ mħallfin, uffiċjali tal-qorti, prosekuturi tal-istat u bailiffs;
  9. kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti regoli ta’ kondotta professjonali.

Il-Qorti Amministrattiva Suprema hija l-qorti amministrattiva tal-aħħar istanza u tikkonsisti mill-President tal-Qorti Amministrattiva Suprema, il-viċi presidenti u l-imħallfin. Il-kawżi individwali jinstemgħu normalment minn awla magħmula minn tliet imħallfin.

Minbarra mis-smigħ tal-appelli, il-Qorti Amministrattiva Suprema tiddeċiedi dwar ix-xoljiment ta’ partit politiku jew ta’ moviment politiku, is-sospensjoni jew it-tkomplija tal-attivitajiet tagħhom, dwar kwistjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni u dwar ir-revoka ta’ miżuri ta’ natura ġenerali jew parti minnhom. Il-ġuriżdizzjoni sostantiva ulterjuri tal-Qorti Amministrattiva Suprema hija stabbilita f’liġijiet speċifiċi.

Aktar dettalji fuq is-sit web dwar l-Atlas Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili - is-Sistema Ġudizzjarja tar-Repubblika Ċeka.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit web li ġej: Nejvyšší správní soud (Qorti Amministrattiva Suprema).

Ħoloq relatati

Sistema ġudizzjarja

L-aħħar aġġornament: 09/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.