Qrati speċjalizzati nazzjonali

Luxemburg

F'din it-taqsima ssib ħarsa ġenerali lejn il-qrati speċjalizzati fil-Lussemburgu.

Inhoud aangereikt door
Luxemburg

Is-sistema tal-qrati ordinarji

Il-Kunsill tal-Arbitraġġ u l-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali

Il-kontestazzjonijiet kollha fil-qasam tas-sigurtà soċjali dwar l-isħubija jew ir-rekwiżiti, il-kontribuzzjonijiet, il-multi amministrattivi u l-benefiċċji, ħlief dawk koperti mill-Artikolu 317 jew marbuta mal-Artikoli 147 u 148 tal-Kodiċi dwar l-Assigurazzjonijiet Soċjali (Code des assurances sociales), jinstemgħu mill-Kunsill tal-Arbitraġġ tas-Sigurtà Soċjali (Conseil arbitral de la sécurité sociale) u, fl-appell, mill-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali (Conseil supérieur de la sécurité sociale) tal-assigurazzjonijiet soċjali. Id-deċiżjonijiet mogħtija fl-aħħar istanza mill-Kunsill tal-Arbitraġġ tas-Sigurtà Soċjali kif ukoll is-sentenzi tal-Kunsill Superjuri jistgħu jiġu appellati fil-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation).

Il-Qrati Amministrattivi

Il-Qorti Amministrattiva

Sakemm mhux stabbilit xort'oħra mil-liġi, jista' jitressaq appell quddiem il-Qorti Amministrattiva (Cour administrative), b’sede fil-Lussemburgu, mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal amministrattiv (Tribunal administratifli jannullaw id-deċiżjonijiet, mid-deċiżjonijiet amministrattivi individwali kif ukoll mid-deċiżjonijiet mogħtija fir-rigward ta’ miżuri amministrattivi ta’ natura regolatorja. Il-Qorti Amministrattiva tiddeċiedi wkoll fl-appell u bħala l-qorti li tagħti d-deċiżjoni fi proċedimenti li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta' qrati amministrattivi oħra li jkunu semgħu rikorsi għall-annullament meta l-liġijiet speċjali jagħtuhom din il-ġuriżdizzjoni.

L-avukati kollha li jistgħu jidhru quddiem it-Tribunali tal-Gran Dukat jistgħu jidhru wkoll quddiem il-Qorti Amministrattiva; madanakollu, l-“avukati mniżżla fil-lista I” tat-tabelli mħejjija kull sena mill-kunsilli tal-kmamar tal-avukati (conseils des ordres des avocats) biss għandhom id-dritt li jmexxu proċedimenti preparatorji u proċedurali (rappreżentanza legali).

L-Istat huwa rappreżentat quddiem il-Qorti Amministrattiva minn uffiċjal tal-Gvern jew minn avukat.

It-Tribunal Amministrattiv

It-Tribunal Amministrattiv (Tribunal administratif), b’sede fil-Lussemburgu, jiddeċiedi dwar azzjonijiet imressqa minħabba inkompetenza, awtorità ultra vires, u abbuż ta' poter, ksur tal-liġi jew proċeduri maħsuba biex jipproteġu l-interessi privati, kontra kull deċiżjoni amministrattiva li għaliha ma hemmx aktar rimedji skont il-liġijiet u r-regolamenti, u kontra l-miżuri amministrattivi ta' natura regolatorja, irrispettivament mill-awtorità li tkun ħarġithom. Bħala regola ġenerali dan jisma’ wkoll kwistjonijiet relatati mat-tassazzjoni diretta u t-taxxi u l-imposti tal-awtorità lokali.

Jista’ jsir appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal Amministrattiv quddiem il-Qorti Amministrattiva.

It-Tribunal Amministrattiv huwa l-qorti li tiddeċiedi l-mertu ta' rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tad-Direttur tad-Dipartiment tat-Taxxa Diretta (Administration des contributions directes) fil-każijiet fejn il-liġijiet rilevanti jippermettu tali rikors.

Qrati speċjalizzati oħra

Il-Qorti Kostituzzjonali

Il-Qorti Kostituzzjonali (Cour Constitutionnelle) tiddeċiedi, permezz ta' sentenza, dwar il-konformità tal-liġijiet mal-Kostituzzjoni, ħlief dawk il-liġijiet li jirratifikaw it-trattati.

Meta waħda mill-partijiet tqajjem domanda relatata mal-konformità ta' liġi mal-Kostituzzjoni quddiem qorti ordinarja jew qorti amministrattiva, din l-istess qorti trid tirreferi d-domanda lill-Qorti Kostituzzjonali, sakemm ma tkunx tal-fehma li: (a) mhix meħtieġa deċiżjoni dwar id-domanda mqajma sabiex tagħti s-sentenza tagħha; (b) id-domanda m'għandhiex bażi ġuridika; (c) il-Qorti Kostituzzjonali diġà tat sentenza fuq domanda bl-istess għan.

Il-Qorti Kostituzzjonali hija ffurmata mill-President tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (Cour supérieure de justice), il-President tal-Qorti Amministrattiva, żewġ imħallfin mill-Qorti tal-Kassazzjoni u ħames maġistrati maħtura mill-Gran Dukat, fuq il-parir konġunt tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja u tal-Qorti Amministrattiva. Il-Qorti Kostituzzjonali għandha diviżjoni waħda b'ħames maġistrati.

Il-bażijiet tad-data ġuridiċi f'dawn l-oqsma

Ara t-taqsima dwar il-qrati tas-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?

Iva l-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas.

Deskrizzjoni qasira tal-kontenut

Ara s-sit web tal-Kunsill tal-Arbitraġġ u tal-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali

Ara s-sit web tal- Qrati Amministrattivi.

Ara s-sit web tal-Qorti Kostituzzjonali

Ħoloq relatati

Il-Ministeru għall-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 20/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.