En matière de justice civile, les procédures en cours et les procédures ouvertes avant la fin de la période de transition se poursuivront en vertu du droit de l’Union. Sur la base d’un accord mutuel avec le Royaume-Uni, le portail e-Justice conservera les informations relatives au Royaume-Uni jusqu’à la fin de 2024.

Qrati speċjalizzati nazzjonali

Ecosse

Din il-paġna tiddeskrivi xi qrati speċjalizzati fl-Iskozja.

Contenu fourni par
Ecosse

Qrati amministrattivi

L-Att tal-2007 dwar it-Tribunali u l-Qrati (The Tribunals and Courts Enforcement Act 2007) ħoloq struttura unifikata waħda għall-parti l-kbira tat-tribunali riżervati għall-Gvern tar-Renju Unit, li jinqasmu fi Tribunal tal-Ewwel Istanza (First-tier Tribunal) u Tribunal Superjuri (Upper Tribunal). Kull wieħed mit-Tribunal tal-Ewwel Istanza u t-Tribunal Superjuri għandu awli separati li jkopru suġġetti differenti, li jiġbru flimkien ġuriżdizzjonijiet simili. Id-dettalji tat-tribunali jinsabu fis-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha (Her Majesty's Courts and Tribunals Service - HMCTS).

L-Att tal-2014 dwar it-Tribunali (l-Iskozja) (The Tribunals (Scotland) Act 2014) joħloq Tribunal tal-Ewwel Istanza u Tribunal Superjuri għall-Iskozja. L-ewwel tribunali ġew ittrasferiti lejn l-istruttura l-ġdida fl-1 ta’ Diċembru 2016.

L-Artikolu 39 tal-Att tal-2016 dwar l-Iskozja (Scotland Act 2016) jippermetti li l-ġestjoni u l-operazzjoni ta’ għadd ta’ tribunali riżervati jiġu devoluti lill-Iskozja.

It-Tribunal tal-Ewwel Istanza tar-Renju Unit

It-Tribunal tal-Ewwel Istanza tar-Renju Unit huwa tribunal ġeneriku li l-funzjoni prinċipali tiegħu hija li jisma’ l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-gvern f’oqsma li t-tribunal ingħata l-ġuriżdizzjoni tagħhom. Għal xi finijiet, huwa għandu ġuriżdizzjoni fir-Renju Unit kollu, inkluż l-Iskozja. Attwalment it-Tribunal tal-Ewwel Istanza jinqasam f’seba’ awli:

  • L-Awla tal-Intitolament Soċjali
  • L-Awla tas-Saħħa, l-Edukazzjoni u l-Kura Soċjali
  • L-Awla tal-Pensjonijiet tal-Gwerra u l-Kumpens għall-Forzi Armati
  • L-Awla tat-Taxxi
  • L-Awla Regolatorja Ġenerali
  • L-Awla tal-Immigrazzjoni u l-Ażil
  • L-Awla tal-Proprjetà

It-Tribunal Superjuri tar-Renju Unit

It-Tribunal Superjuri tar-Renju Unit prinċipalment, iżda mhux esklużivament, jiddeċiedi l-appelli li jirriżultaw minn deċiżjonijiet tat-Tribunal tal-Ewwel Istanza tar-Renju Unit. Dan it-tribunal huwa Qorti superjuri tar-Reġistri (superior Court of Record) u għandu wkoll is-setgħa li jittratta kawżi ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’ċerti ċirkustanzi.

It-Tribunal Superjuri tar-Renju Unit jikkonsisti fi:

  • L-Awla tal-Appelli Amministrattivi
  • L-Awla tal-Artijiet
  • L-Awla tat-Taxxi u l-Kanċellerija
  • L-Awla tal-Immigrazzjoni u l-Ażil

Karatteristika tat-tribunali hija l-għarfien espert tagħhom fis-suġġett tal-appelli. L-istruttura hija tali li l-imħallfin ikunu esperti fil-liġi tal-ġuriżdizzjoni tagħhom u l-membri li ma jkunux ġejjin mill-qasam legali jkunu kkwalifikati professjonalment jew ikkwalifikati bl-esperjenza fil-qasam tagħhom. Il-kulleġġ ġudikanti għal tipi individwali ta’ appelli jvarjaw skont is-suġġett tal-appell.

It-Tribunal Industrijali (Employment Tribunal) u t-Tribunal tal-Appelli Industrijali (Employment Appeal Tribunal)

It-Tribunal Industrijali u t-Tribunal tal-Appelli Industrijali mhumiex parti mill-istruttura tat-tribunali unifikata iżda huma appoġġati mill-HMCTS. Ir-rwol tagħhom huwa li jwettqu l-kompiti amministrattivi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati t-talbiet quddiem it-Tribunal Industrijali u l-appelli sussegwenti quddiem it-Tribunal tal-Appelli Industrijali. Hemm Tribunal tal-Appelli Industrijali separat għall-Iskozja.

It-Tribunali Skoċċiżi

Hemm għadd ta’ tribunali fl-Iskozja. Il-biċċa l-kbira tal-ġuriżdizzjonijiet tat-tribunali jitmexxew minn president separat u kull wieħed minnhom għandu setgħat ta’ eżekuzzjoni differenti. Il-ġuriżdizzjonijiet ivarjaw minn appelli kontra multi ta’ parkeġġ ħażin sat-trattament obbligatorju u t-trażżin ta’ pazjenti b’mard mentali serju.

L-appelli kontra d-deċiżjonijiet tat-tribunali Skoċċiżi jinstemgħu mill-qrati ċivili fl-Iskozja u jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Qorti tax-Sheriff (Sheriff Court) u l-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session).

Ir-Riforma tat-Tribunali Skoċċiżi

L-Att tal-2014 dwar it-Tribunali (l-Iskozja) stabbilixxa struttura ta’ żewġ livelli simplifikata għat-tribunali Skoċċiżi. L-iktar imħallef anzjan tal-Iskozja, il-Lord President, għandu t-tmexxija tal-istrutturi l-ġodda, simili għall-mudell tar-Renju Unit deskritt hawn fuq. Il-Lord President iddelega għadd ta’ funzjonijiet lil Lady Smith, li nħatret bħala l-President tat-Tribunal Skoċċiż.  It-Tribunal Superjuri jieħu r-responsabbiltà għas-smigħ tal-parti l-kbira tal-appelli mid-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza, u jneħħihom mill-ġuriżdizzjonijiet tal-qrati. L-amministrazzjoni tat-Tribunal tal-Ewwel Istanza u tat-Tribunal Superjuri ssir mis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiż (Scottish Courts and Tribunals Service). It-tribunali se jiġu ttrasferiti lejn it-Tribunali Skoċċiżi fi proċess gradwali, u l-ewwel trasferiment beda f’Diċembru 2016.

Il-prattika tat-Tribunali

Kumplessivament, il-proċedura fit-tribunali Skoċċiżi u tar-Renju Unit għandha t-tendenza li tkun inqas formali milli fil-qrati l-oħra. Il-membri tat-tribunali jistgħu jinkludu speċjalisti jew esperti mhux mill-qasam legali, bħal tobba u persuni mhux professjonisti, għalkemm il-president kważi dejjem ikollu kwalifiki fil-qasam legali.

Kwistjonijiet tad-dritt amministrattiv (stħarriġ ġudizzjarju) fl-Iskozja jinstemgħu mill-Qorti tas-Sessjoni. Aktar informazzjoni dwar it-Tribunali Skoċċiżi tinsab fis-sit web tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi.

Qrati speċjalizzati

Fl-Iskozja, meta kawża (ċivili jew kriminali) tqajjem kwistjoni kostituzzjonali li tirriżulta mid-devoluzzjoni mir-Renju Unit (pereżempju, kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem), hija tkun tista’ tiġi deċiża mill-Qorti Suprema tar-Renju Unit.

Il-Qorti tax-Sheriff għad-Danni Personali (Sheriff Personal Injury Court)

Din il-qorti ġiet stabbilita fit-22 ta’ Settembru 2015 biex taġixxi bħala ċentru nazzjonali ta’ għarfien espert f’kawżi ta’ korriment personali. Il-kawżi ta’ danni personali jistgħu jitressqu quddiem il-qorti jekk is-somma mitluba tkun ta’ aktar minn £5 000. Il-partijiet għandhom ukoll l-għażla li jagħmlu talbiet ta’ danni personali ta’ kwalunkwe valur fil-Qorti tax-Sheriff lokali. Hemm dispożizzjoni speċjali għal kawżi ta’ danni personali fuq il-post tax-xogħol: dawk għal aktar minn £1 000 jistgħu jitressqu direttament fil-Qorti tax-Sheriff għad-Danni Personali, filwaqt li kawżi fuq il-post tax-xogħol ta’ inqas minn £1 000 jistgħu jintbagħtu lura lill-Qorti jekk ix-Sheriff lokali jqis li jkunu ta’ importanza jew diffikultà suffiċjenti. Mit-22 ta’ Settembru 2015 ’l hawn, il-Qorti tas-Sessjoni m’għadhiex tista’ tikkunsidra kawżi ta’ danni personali ta’ inqas minn £100 000.

Qrati oħrajn jinkludu:

Ħoloq Relatati

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha

Il-Qorti tal-Lord Lyon

Il-Qorti Skoċċiża tal-Artijiet

L-aħħar aġġornament: 28/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.