Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Repubblika Ċeka
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Iva, kwalunkwe talba tista’ tiġi ppreżentata b’mod elettroniku fir-Repubblika Ċeka.

It-talbiet jistgħu jiġu ppreżentati (a) permezz tal-posta elettronika b’firma elettronika ċċertifikata, jew (b) permezz ta’ kaxxa tad-data, jiġifieri repożitorju elettroniku speċjali maħsub għall-konsenja u l-eżekuzzjoni tal-atti vis-à-vis l-awtoritajiet pubbliċi. Dawn il-proċeduri huma ekwivalenti għal preżentati standard bil-miktub. Talba tista’ tiġi ppreżentata wkoll permezz tal-posta elettronika normali, mingħajr firma elettronika ċċertifikata, iżda hawnhekk il-preżentata trid tiġi segwita fi żmien tlett ijiem mill-preżentazzjoni ta’ test identiku f’format standard bil-miktub jew bil-metodi deskritti fil-punti (a) u (b) ta’ hawn fuq. Għad-dettalji ta’ dawn il-proċeduri kollha ara t-tweġiba għall-mistoqsija 6.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Talba tista’ tiġi ppreżentata b’mezz elettroniku għal kwalunkwe tip ta’ kawża. Rikors għal ordni għal pagament elettroniku jista’ jsir biss b’mod elettroniku.

Il-proċedura għal ordni għal pagament elettroniku hija proċedura speċifika mqassra. Ir-rikorrenti jridu jippreżentaw it-talbiet tagħhom billi jimlew formola elettronika fuq is-sit web ePodatelna http://epodatelna.justice.cz/ u jiffirmawhom permezz ta’ firma elettronika ċċertifikata. Ir-rikorrenti jistgħu jitolbu sa CZK 1 miljun. Il-formola trid timtela kif suppost u jrid isir il-ħlas tat-tariffa tal-qorti qabel tkun tista’ tinħareġ ordni għal pagament elettroniku. Malli jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, il-qorti tista’ toħroġ ordni għal pagament elettroniku. Fiha, il-qorti tordna lill-konvenut iħallas l-ammont dovut u l-kostijiet tal-proċedimenti lir-rikorrent fi żmien 15-il jum minn meta jirċeviha, jew inkella jressaq appell quddiem il-qorti li tkun ħarġet l-ordni fl-istess terminu. Ordni għal pagament elettroniku li ma tkunx ġiet appellata għandha l-effett ta’ sentenza finali. Jekk kwalunkwe wieħed mill-konvenuti jappella f’dak it-terminu, l-ordni għal pagament elettroniku tiġi kkanċellata kompletament u l-qorti tappunta seduta.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Talba elettronika tista’ tiġi ppreżentata fi kwalunkwe ħin.

Meta jippreżentaw talba bil-posta elettronika b’firma elettronika ċċertifikata, ir-rikorrenti jistgħu jikkonsultaw is-sit web tal-ePodatelna http://epodatelna.justice.cz/ (għalkemm dan huwa disponibbli biss biċ-Ċek). It-talbiet jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fl-indirizz tal-posta elettronika tar-reġistru xieraq tal-qorti. L-indirizzi tal-posta elettronika tar-reġistru jistgħu jinstabu fuq https://justice.cz/soudy.

Meta t-talbiet jiġu ppreżentati lil kaxxa tad-data ta’ qorti, l-identifikaturi għall-kaxxi tad-data ta’ qrati individwali jistgħu jinstabu fuq il-portal tal-amministrazzjoni pubblika fil-lista tal-entitajiet b’kaxxi tad-data (http://seznam.gov.cz/) – fit-taqsima “korpi tal-gvern ċentrali”, jew fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja https://www.justice.cz/ taħt id-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati individwali.

It-talbiet jistgħu jitressqu wkoll billi timtela l-formola elettronika direttament permezz tal-applikazzjoni tal-web https://epodatelna.justice.cz/ePodatelna/homepage – ara “Kif tressaq talba lill-qorti”.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Bħala regola ġenerali, l-operazzjonijiet kollha jistgħu jiġu eżegwiti fi kwalunkwe format, sakemm ma jkunx ġie preskritt format speċifiku mil-liġi għal ċerti atti. Fuq kollox, il-preżentati jridu jkunu jinftiehmu u speċifiċi.

Meta jużaw ċerti proċeduri elettroniċi, ir-rikorrenti jistgħu jkunu ristretti mill-parametri tekniċi għal mezzi ta’ komunikazzjoni differenti. Pereżempju, meta jintuża l-portal ta’ ePodatelna http://epodatelna.justice.cz/ (ara l-mistoqsijiet 2, 3 u 6), id-daqs massimu tad-dokumenti mehmuża kollha huwa ristrett għal 10 MB u l-formati tad-dokumenti aċċettabbli huma pdf, rtf, xls, doc u txt. Bl-istess mod, id-daqs tal-messaġġi mibgħuta lill-kaxxi tad-data huwa limitat għal 10 MB u l-formati aċċettabbli għall-messaġġi tad-data mibgħuta lill-kaxxi tad-data huma pdf, PDF/A, xml (jekk ikun jikkorrespondi għall-iskema XSD disponibbli għall-pubbliku ppubblikata mir-riċevitur tal-messaġġ tad-data), fo/zfo, html/htm, odt, ods, odp, txt, rtf, doc/docx, xls/xslx, ppt/pptx, jpg/jpeg/jfif, png, tif/tiff, gif, mpeg1/mpeg2, wav, mp2/mp3, isdoc/isdocx, edi, dwg, shp/dbf/shx/prj/qix/sbn/sbx, dgn u gml/gfs/xsd. Il-preżentati magħmula f’indirizz tal-posta elettronika għandhom ikunu fil-format HTML, TEST SEMPLIĊI b’test ikkodifikat - ISO-8559-2, ISO-8559-1(LATIN-1), Unicode jew UTF-8. Id-daqs tal-ittra elettronika, inklużi d-dokumenti mehmuża, huwa limitat għal 5 MB. Is-sistemi operattivi appoġġati huma: Windows 98, Windows 2000, Windows 2003, Windows XP, Windows Vista (fil-każ ta’ Windows Vista, ġiet identifikata problema għal ċerti repożitorji HW ta’ ċertifikati elettroniċi kwalifikati (eż. Smart card reader SCR3320); bħalissa ma tista’ tiġi ffirmata jew mibgħuta ebda preżentata elettronika bl-użu ta’ dan ir-reader. Preżentata tista’ tiġi ffirmata u mibgħuta jekk il-fajl f’format pfx (p12) jiġi speċifikat fil-Java Applet u tiddaħħal password għal kjavi privata). Ir-rikorrenti li jiddeċiedu li jużaw il-portal ta’ ePodatelna jew kaxxi tad-data jistgħu jirreferu għall-istruzzjonijiet u l-manwali tal-utenti fuq is-sit web għal informazzjoni dettaljata.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Il-qrati u l-uffiċjali ġudizzjarji jipproċedu skont il-leġiżlazzjoni li tirregola l-protezzjoni tad-data (b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (il-GDPR), u leġiżlazzjoni rilevanti oħra.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Jistgħu jintużaw erba’ proċeduri elettroniċi differenti sabiex tiġi ppreżentata talba fi proċedimenti ċivili ordinarji:

L-ewwel nett, talba tista’ titressaq permezz tal-posta elettronika b’firma elettronika ċċertifikata. Firma elettronika ċċertifikata hija definita fl-Artikolu 11 tal-Att Nru. 227/2000 dwar il-firem elettroniċi; hija (a) firma garantita bbażata fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ minn fornitur akkreditat Ċek ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni u li fih informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni inekwivoka tal-firmatarju (il-lista ta’ fornituri akkreditati fir-Repubblika Ċeka hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Intern http://www.mvcr.cz/clanek/prehled-udelenych-akreditaci.aspx) jew (b) firma elettronika garantita bbażata fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ minn fornitur ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni bbażati barra mit-territorju tar-Repubblika Ċeka, fejn jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat bħala parti mis-servizzi mdaħħlin fil-lista ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni fdati bħala servizz li l-fornitur ta’ servizzi ċċertifikati huwa akkreditat li jipprovdi, jew bħala servizzi li l-forniment tagħhom huwa ssorveljat f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Dan it-tip ta’ preżentata huwa ekwivalenti għall-preżentata standard bil-miktub. Ir-rikorrenti li jkunu jixtiequ jippreżentaw talbiet b’dan il-mod għandhom jikkonsultaw is-sit web tal-ePodatelna http://epodatelna.justice.cz/. It-talbiet jistgħu jintbagħtu wkoll fl-indirizz tal-posta elettronika tar-reġistru xieraq tal-qorti. L-indirizzi tal-posta elettronika tar-reġistri jistgħu jinstabu fuq https://justice.cz/soudy taħt id-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati individwali.

It-tieni, jistgħu jintużaw il-kaxxi tad-data. Dawn huma repożitorji elettroniċi speċjali għall-kunsinna u l-eżekuzzjoni ta’ atti vis-à-vis l-awtoritajiet pubbliċi fir-Repubblika Ċeka. Il-kaxxi tad-data huma primarjament irregolati mill-Att Nru 300/2008 dwar l-operazzjonijiet elettroniċi u l-konverżjoni awtorizzata tad-dokumenti. Dan it-tip ta’ preżentata huwa ekwivalenti għall-preżentata standard bil-miktub. Id-dettalji dwar is-sistema tal-kaxxi tad-data jistgħu jinstabu fuq is-sit web http://www.datoveschranky.info/, u l-utenti jistgħu jaċċessaw il-kont permezz tas-sit web https://www.mojedatovaschranka.cz/. Il-qrati kollha għandhom kaxxi tad-data. L-identifikaturi tal-kaxxi tad-data għal kull qorti jistgħu jinstabu fuq il-portal tal-amministrazzjoni pubblika fil-lista tal-entitajiet li għandhom kaxxi tad-data (http://seznam.gov.cz/) – fit-taqsima “Korpi tal-gvern ċentrali”, jew fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja https://www.justice.cz/ fid-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati individwali.

It-tielet, it-talbiet jistgħu jiġu ppreżentati wkoll bl-użu tal-posta elettronika standard mingħajr firma ċertifikata. Madankollu, dawn il-preżentati jridu jiġu ppreżentati fi żmien tlett ijiem mill-preżentata ta’ test identiku f’formola standard bil-miktub jew bil-metodi deskritti hawn fuq, inkella l-qorti tinjorahom (it-Taqsima 42 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ir-raba’, it-talbiet u l-annessi tagħhom jistgħu jiġu ppreżentati lill-qrati b’mod elettroniku billi timtela direttament il-formola elettronika permezz tal-applikazzjoni tal-web https://epodatelna.justice.cz/ePodatelna/homepage. Hemm disponibbli gwida online għall-ħolqien ta’ talbiet – ara “Kif tressaq talba lill-qorti”. Il-gwida għal talbiet online tippermetti lir-rikorrenti jimlew il-formoli elettroniċi magħżula u jiġġeneraw talbiet f’format PDF. Biex iressqu talba kif suppost, ir-rikorrenti jrid ikollhom installat l-Adobe Acrobat Reader u “jkollhom firma elettronika ċertifikata”.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Iva, il-proċedimenti tal-qorti jinvolvu l-ħlas ta’ tariffa. Ir-rikorrent jista’ jħallas it-tariffa, li hija bbażata fuq skala ta’ tariffi, fil-kont tal-qorti rilevanti miżmum fil-Bank Nazzjonali Ċek jew permezz ta’ timbru fiskali (għal ammonti sa CZK 5 000). Jekk it-tariffa ma titħallasx meta titressaq it-talba, il-qorti tistabbilixxi skadenza sabiex ir-rikorrent iħallasha u tinformah bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas. Il-proċedimenti jiġu sospiżi jekk it-tariffa ma titħallasx fl-iskadenza.

It-tariffi u l-metodi tal-ħlas għall-proċedimenti mibdija permezz ta’ sottomissjonijiet elettroniċi ma humiex differenti mill-metodu tal-ħlas għall-proċedimenti mibdija b’mod standard. L-eċċezzjoni hija l-proċedura tal-ordni għal pagament elettroniku, fejn it-tariffa tal-qorti tkun kemxejn aktar baxxa minn dik għall-proċedimenti ċivili ordinarji.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Iva. It-talbiet li jsiru bl-internet jistgħu jiġu rtirati bl-istess mod bħat-talbiet magħmula bil-mod standard. It-talbiet jistgħu jiġu rtirati b’mod elettroniku jew b’mod standard.

Ir-rikorrenti jistgħu jirtiraw it-talbiet kompletament jew parzjalment sakemm id-deċiżjoni tal-qorti tkun saret finali. Jekk talba tiġi rtirata l-qorti tissospendi l-proċedimenti kompletament jew sal-punt li fih it-talba tiġi rtirata. Jekk mozzjoni biex jinbdew proċedimenti tiġi rtirata wara li l-qorti tkun iddeċidiet il-kawża, iżda s-sentenza tkun għadha mhijiex finali, il-qorti tiddeċiedi jekk tirtirax ukoll id-deċiżjoni sal-punt li fih il-mozzjoni tkun qed tiġi rtirata. Jekk il-partijiet l-oħrajn ma jaqblux mal-irtirar ta’ talba għal raġuni tajba, il-qorti tiddeċiedi li l-irtirar ma huwiex effettiv, ħlief f’ċerti proċedimenti speċifiċi. (It-Taqsima 96 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

L-intimat jista’ jikkomunika billi juża l-internet, iżda ma huwiex obbligatorju li jagħmel dan.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Jekk l-intimat jappella kontra ordni għal pagament elettroniku fit-terminu statutorju, l-ordni għal pagament elettroniku tiġi kkanċellata kompletament, il-qorti tordna seduta ta’ smigħ u l-proċedimenti tal-qorti jipproċedu bil-mod normali, jiġifieri bħala proċedimenti tal-qorti ċivili standard fil-prim’istanza.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Jekk l-intimat ma jappellax kontra ordni għal pagament elettroniku fit-terminu statutorju, l-ordni għal pagament elettroniku tikseb il-forza ta’ sentenza finali.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Id-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati lill-qorti f’format elettroniku għal kwalunkwe tip ta’ proċediment. Id-dettalji tekniċi huwa stabbiliti fit-tweġiba tagħna għall-mistoqsija 4.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Il-qrati jinnotifikaw id-dokumenti lill-kaxxi tad-data ta’ entitajiet li jkollhom tali kaxxi stabbiliti. Għal aktar tagħrif dwar il-kaxxi tad-data, ara t-tweġiba tagħna għall-mistoqsija 6.

Il-qrati jistgħu wkoll jinnotifikaw id-dokumenti u s-sentenzi permezz tal-posta elettronika b’firma ċertifikata f’indirizz tal-posta elettronika li d-destinatarju jkun ipprovda lill-qorti, dment li d-destinatarju jkun talab jew ta l-kunsens tiegħu għan-notifika tal-materjali mill-qorti b’dan il-mod u dment li jkun identifika fornitur akkreditat ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni, li jkun ħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat tiegħu u jżomm rekord tiegħu, jew inkella jkun ippreżenta ċ-ċertifikat kwalifikat validu tiegħu stess. Għal informazzjoni dwar iċ-ċertifikati kwalifikati, ara t-tweġiba tagħna għall-mistoqsija 6. Sabiex in-notifika jkollha effett, id-destinatarju jrid jikkonferma r-riċevuta permezz ta’ messaġġ ta’ data fi żmien tlett ijiem minn meta jkun intbagħat id-dokument (eż. fl-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti inkwistjoni) bil-firma elettronika garantita tiegħu.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jiġu kkonsenjati lill-kaxxi tad-data tal-entitajiet li jkunu stabbilewhom. Għal informazzjoni dwar il-kaxxi tad-data, ara t-tweġiba tagħna għall-mistoqsija 6.

Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jistgħu jiġu kkonsenjati wkoll permezz tal-posta elettronika b’firma ċertifikata f’indirizz tal-posta elettronika li d-destinatarju jkun ipprovda lill-qorti, dment li d-destinatarju jkun talab jew ta l-kunsens tiegħu għan-notifika tal-materjali mill-qorti b’dan il-mod u dment li jkun identifika fornitur akkreditat ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni, li jkun ħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat tiegħu u jżomm rekord tiegħu, jew inkella jkun ippreżenta ċ-ċertifikat kwalifikat validu tiegħu stess. Għal informazzjoni dwar iċ-ċertifikati kwalifikati, ara t-tweġiba tagħna għall-mistoqsija 6. Sabiex in-notifika jkollha effett, id-destinatarju jrid jikkonferma r-riċevuta permezz ta’ messaġġ ta’ data fi żmien tlett ijiem minn meta jkun intbagħat id-dokument (eż. fl-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti inkwistjoni) bil-firma elettronika garantita tiegħu.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Iva, appell jista’ jsir b’mod elettroniku, bl-istess mod bħal talba. Ara l-mistoqsija 6.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Iva, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jistgħu jinbdew b’mod elettroniku, bl-istess mod bħal talba.

Meta rikorrent jagħżel li jeżegwixxi pagament permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju, it-tweġiba għall-mistoqsija 6 tagħna tapplika mutatis mutandis. Il-lista ta’ uffiċjali ġudizzjarji u l-indirizzi tal-posta elettronika tagħhom u l-identifikaturi tal-kaxxi tad-data jistgħu jinstabu fuq is-sit web http://www.ekcr.cz/.

Fil-każ tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja, jekk jogħġbok irreferi għat-tweġiba tagħna għall-mistoqsija 6.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

L-uffiċċji tal-qrati Ċeki ġeneralment jikkomunikaw mal-partijiet u mar-rappreżentanti legali tagħhom permezz tal-posta elettronika jew bit-telefon sabiex jittrattaw il-mistoqsijiet rigward l-istatus tal-kawżi tagħhom.

Informazzjoni bażika dwar avvenimenti li jkunu seħħew matul il-proċedimenti (mingħajr dettalji personali) hija disponibbli wkoll online fuq is-sit web ta’ InfoSoud: http://infosoud.justice.cz/InfoSoud/public/search.jsp (disponibbli biċ-Ċek biss). L-informazzjoni dwar il-proċedimenti li jmiss hija disponibbli fuq is-sit web ta’ InfoJednání: http://infojednani.justice.cz/InfoSoud/public/searchJednani.jsp. Sabiex jinkiseb aċċess għas-sistema, għandhom jiddaħħlu l-isem tal-qorti u n-numru tal-proċess tal-kawża.

L-aħħar aġġornament: 19/11/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.