Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Tšekki

Sisällön tuottaja:
Tšekki

Introduzzjoni

X’tariffi għandi nħallas?

Kemm jiswew?

X’inhuma l-konsegwenzi għal ħlas tardiv tat-tariffi?

Kif u fejn nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

X’nagħmel wara li nkun ħallast it-tariffi?

Introduzzjoni

It-tariffi tal-qorti huma rregolati mill-Att Nru 549/1991 dwar it-tariffi tal-qorti. L-Anness tal-Att jinkludi skeda ta’ tariffi. It-tariffi jikkostitwixxu dħul tal-baġit tal-Istat.

It-tariffi jitħallsu minn trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti kompetenti. It-tariffi li ma jaqbżux il-CZK 5 000 jistgħu jitħallsu wkoll bil-bolol.

X’tariffi għandi nħallas?

Fil-proċedura għal talbiet żgħar, it-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu skont ir-regolamenti ġenerali. Hawnhekk japplikaw l-istess regoli bħal għall-proċedimenti ċivili l-oħrajn.

Kemm jiswew?

Ir-rati tat-tariffi proċedurali huma stabbiliti bħala ammont fiss, jew bħala perċentwal għat-tariffi li l-bażi tagħhom tiġi espressa bħala ammont monetarju. It-tariffa perċentwali tiġi kkalkulata bħala l-prodott tal-bażi tat-tariffa u r-rata tat-tariffa. Ir-rati individwali huma stabbiliti fl-iskeda ta’ tariffi annessa mal-Att Nru 549/1991 dwar it-tariffi tal-qorti.

Ir-regola bażika bbażata fuq il-kriterju tal-ħlas hija rilevanti għat-termini tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. It-tarifa għal rikors għall-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja ċivili li tikkonċerna ħlas ta’ sa CZK 20 000 huwa ta’ CZK 1 000.

X’inhuma l-konsegwenzi għal ħlas tardiv tat-tariffi?

Jekk it-tariffa proċedurali pagabbli mal-preżentata tar-rikors biex tinfetaħ proċedura, appell, appell tat-tielet istanza jew appell fil-kassazzjoni ma tkunx tħallset, il-qorti għandha titlob lill-pagatur iħallasha f’perjodu stabbilit mill-qorti ta’ mhux inqas minn 15-il jum. F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista’ tistabbilixxi perjodu iqsar. Jekk dan il-perjodu jkun skada u l-pagatur ma jkunx ħallas it-tariffa, il-qorti għandha twaqqaf il-proċedura. Il-ħlas tat-tariffa wara l-iskadenza tat-terminu ma jitqiesx.

Jekk il-qorti tal-appell issib, wara li tkun tressqet il-kawża quddiemha għal deċiżjoni fl-appell, li t-tariffa dovuta mal-preżentata tal-appell ma tkunx tħallset, hija għandha titlob lill-pagatur iħallasha f’perjodu ta’ mhux inqas minn 15-il jum. F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tal-appell tista’ tistabbilixxi perjodu iqsar. Jekk dan il-perjodu jkun skada u l-pagatur ma jkunx ħallas it-tariffa, il-qorti tal-appell għandha twaqqaf il-proċedura. Il-ħlas tat-tariffa wara l-iskadenza tat-terminu ma jitqiesx. Il-proċedura quddiem il-qorti tal-appell għandha tapplika mutatis mutandis.

Jekk id-deċiżjoni li jitwaqqfu l-proċeduri minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffa ssir finali, l-obbligu ta’ ħlas ma jibqax jeżisti.

Kif u fejn nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

It-tariffi jitħallsu minn trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti kompetenti. Id-dettalji bankarji jinsabu fis-sit web ta’ kull qorti, li jistgħu jiġu aċċessati mill-portal tal-Internet https://www.justice.cz/. It-tariffi li ma jaqbżux il-CZK 5 000 jistgħu jitħallsu wkoll bil-bolol.

Il-kawżi dwar it-tariffi proċedurali jiġu deċiżi mill-qorti kompetenti biex tisma’ u tiddeċiedi l-kawża fl-ewwel istanza.

X’nagħmel wara li nkun ħallast it-tariffi?

L-obbligu tal-pagatur li jħallas it-tariffi tal-qorti jiġi ssodisfat malli jibgħat flus fil-kont bankarju tal-qorti kompetenti jew malli jagħti l-bolol lill-qorti kompetenti, . M’intix obbligat tippreżenta xi dokumenti oħrajn lill-qorti.

L-aħħar aġġornament: 09/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.