- Ir-regoli dwar it-tariffi għall-professjonijiet legali
- Spejjeż fissi
- Informazzjoni li għandha tingħata minn qabel mir-rappreżentanti legali
- Spejjeż – bażi legali
- Minn fejn nista’ insib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
- Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?
- Taxxa fuq il-valur miżjud
- Għajnuna legali
- Meta trid tħallas l-ispejjeż il-parti telliefa lill-parti rebbieħa?
- Tariffi tal-esperti
- It-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti
- Links relatati
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Ir-regoli dwar it-tariffi għall-professjonijiet legali
Bl-eċċezzjoni tat-tariffi pagabbli lil dawk li joffru għajnuna legali sussidjata, it-tariffi fin-Netherlands ma humiex irregolati.
Spejjeż fissi
Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fil-proċedimenti ċivili
Skont l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Kawżi Ċivili) (Wet griffierechten in burgerlijke zaken), il-partijiet f’kawżi ċivili huma meħtieġa jħallsu t-tariffi tal-qorti. It-tariffi tal-qorti huma tariffi li jridu jitħallsu lir-reġistru tal-qorti (l-uffiċċju amministrattiv tal-qorti) meta jibdew il-proċedimenti tiegħek.
Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fil-proċedimenti kriminali
Skont il-liġi kriminali Netherlandiża, ma hemmx spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti kriminali. Ma hemmx tariffi tal-qorti fi proċedimenti kriminali.
Spejjeż fissi għall-partijiet f’kawża fi proċedimenti kostituzzjonali
Skont is-sistema legali Netherlandiża, ma hemm l-ebda dispożizzjoni biex kwistjonijiet kostituzzjonali jiġu rrinvjati lill-qrati.
L-istadju tal-proċedimenti ċivili meta jridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
F’kawżi ċivili, kull rikorrent u intimat irid iħallas l-ispejjeż fissi. Ir-rikorrenti jridu jħallsu t-tariffi tal-qorti hekk kif il-kawża tagħhom tiġi riferita lil qorti, filwaqt li l-intimati jridu jħallsu t-tariffi tal-qorti wara li jkunu dehru l-qorti.
L-istadju tal-proċedimenti kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
Ma hemmx tariffi tal-qorti fi proċedimenti kriminali.
Informazzjoni li għandha tingħata minn qabel mir-rappreżentanti legali
Drittijiet u obbligi tal-partijiet
Il-liġi Netherlandiża ma tgħid xejn dwar dan is-suġġett. Id-drittijiet u l-obbligi jistgħu, madankollu, jiġu derivati mill-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2018 (Gedragsregels 2018). Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati tan-Netherlands (Nederlandse Orde van Advocaten), speċjalment ir-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. Ara wkoll il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Avukati Ewropej (Gedragscode voor Europese advocaten), li tiddikjara li l-avukati għandhom f’kull ħin jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-iktar riżoluzzjoni kosteffettiva tat-tilwima tal-klijent u jagħtu parir lill-klijent fl-istadju xieraq dwar ix-xewqa li jfittxu soluzzjoni u/jew li jirrikorru għal proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim. Jekk il-klijenti huma eliġibbli biex jirċievu assistenza legali mingħajr ħlas jew b'rata mnaqqsa, l-avukati jridu jgħarrfuhom b’dan.
Spejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa
F'każijiet ċivili, il-parti rebbieħa tista’ ġġarrab l-ispejjeż li ġejjin:
- l-assistenza legali (eż. tariffi tal-avukati),
- ir-remunerazzjoni jew il-kumpens tax-xhieda jew l-esperti,
- l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni, u
- spejjeż legali u mhux legali oħra.
Spejjeż imġarrba mill-parti telliefa
Il-parti telliefa ġġarrab l-istess spejjeż bħall-parti rebbieħa, iżda tista’ wkoll tiġi ordnata mill-imħallef biex tħallas l-ispejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa.
Spejjeż – bażi legali
Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż fin-Netherlands?
Tista’ ssib informazzjoni dwar kemm jiswew il-proċedimenti fuq is-sit web iddedikat għall-ġudikatura Netherlandiża (De Rechtspraak) – din il-paġna tipprovdi aktar dettalji dwar l-ispejjeż ta’ kawża fil-qorti. Is-sit web tal-Help Desks legali (Het Juridisch Loket) fih ukoll informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti.
B’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni dwar l-ispejjeż fin-Netherlands?
Din l-informazzjoni hija disponibbli biss bl-Olandiż.
Minn fejn nista’ insib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
Tista’ ssib informazzjoni dwar il-medjazzjoni fuq is-sit web tal-ġudikatura Netherlandiża u s-sit web tal-Help Desks Legali. L-informazzjoni hija disponibbli wkoll fuq is-siti web tal-Federazzjoni tal-Medjaturi Netherlandiżi (Mediatorsfederatie Nederland) u tal-Bord tal-Għajnuna Legali (Raad voor Rechtsbijstand).
Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?
Siti web b’informazzjoni dwar l-ispejjeż
Tista’ ssib l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Kawżi Ċivili) u leġiżlazzjoni Netherlandiża oħra fuq is-sit web tal-Gvern Netherlandiż, fost postijiet oħrajn.
Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju li jieħdu proċedimenti differenti?
Ir-rapport annwali tal-Kunsill għall-Ġudikatura (Raad voor de rechtspraak) jagħti ċifri dwar iż-żmien meħud biex il-kawżi jiġu konklużi. Ir-rapport huwa disponibbli online fuq is-sit web tal-ġudikatura Netherlandiża.
Taxxa fuq il-valur miżjud
Kif tinkiseb din l-informazzjoni?
Fejn tiġi ppubblikata l-informazzjoni dwar l-ispejjeż, iċ-ċifri mogħtija ma jinkludux il-VAT (fejn applikabbli).
Liema huma r-rati li japplikaw?
Ir-rata ġenerali tal-VAT applikata għall-oġġetti u s-servizzi hija ta’ 21 %.
Għajnuna legali
Limitu ta’ dħul f’kawżi ċivili
Jekk ma tiflaħx tħallas l-ispejjeż kollha ta’ avukat jew medjatur inti stess, tista’, taħt ċerti ċirkostanzi, tkun eliġibbli għal assistenza legali sussidjata – jiġifieri għajnuna legali.
L-għajnuna legali tingħata biss lil persuni li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 27 300 (għal persuni waħedhom) jew EUR 38 600 (għal persuni miżżewġin jew li jikkoabitaw jew familji b’ġenitur wieħed b’wild minorenni). L-għajnuna legali ma tingħatax lil xi ħadd li għandu assi li jaqbżu l-limitu tal-kapital eżenti mit-taxxa. Ara l-Artikoli 12 u 34 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (Wet op de rechtsbijstand).
Limitu ta’ dħul għall-imputati f’kawżi kriminali
L-għajnuna legali hija mingħajr ħlas fejn rappreżentant legali jiġi assenjat mill-qorti (l-Artikolu 43 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali). F’każijiet oħra, il-Bord tal-Għajnuna Legali jista’ jassenja avukat lil persuni eliġibbli biex jirċievu rappreżentanza skont il-Kodiċi Kriminali (Wetboek van Strafrecht) jew il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Wetboek van Strafvordering) (ara l-Artikolu 44 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali). Skont l-Artikolu 35 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali, kull min huwa assenjat l-għajnuna legali jrid iħallas kontribuzzjoni fi proporzjon mad-dħul tiegħu.
Limitu ta’ dħul għall-vittmi f’kawżi kriminali
Skont l-Artikolu 44 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali, l-assistenza legali għal vittmi ta’ reati sesswali jew reati vjolenti hija bla ħlas, irrispettivament mill-kapaċità tal-vittma li tħallas, jekk tinġieb kawża u jekk il-vittma tkun eliġibbli għal kumpens skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar il-Fond għal Kumpens għal Offiżi Vjolenti (Wet schadefonds geweldsmisdrijven).
Ir-rappreżentanza legali hija obbligatorja?
L-intimati ma għandhomx għalfejn ikunu rrappreżentati minn avukat f’kawżi li għandhom jinstemgħu minn qorti subdistrettwali (kantonrechter) jew minn tribunal tal-kirjiet (huur- en pachtkamer). Madankollu, ir-rappreżentanza legali hija obbligatorja fil-kawżi ċivili l-oħra kollha, bħal kawżi li għandhom jinstemgħu minn qorti distrettwali (rechtbank) jew qorti tal-appell (gerechtshof).
Meta trid tħallas l-ispejjeż il-parti telliefa lill-parti rebbieħa?
Id-deċiżjoni dwar liema parti għandha tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri tittieħed mill-qorti. L-ispejjeż huma kkalkulati abbażi ta’ rata fissa (jiġifieri mhux abbażi tal-ispejjeż attwalment imġarrba).
Tariffi tal-esperti
It-tariffi tal-esperti jvarjaw. L-ammonti huma stabbiliti fid-Digriet tas-16 ta’ Awwissu 2003 li jistabbilixxi r-rati ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikoli 3, 6, 7, 8 u 11 tad-Digriet tal-2003 dwar il-Kawżi Kriminali (Tariffi) (Besluit tarieven in strafzaken 2003).
It-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti
It-tariffi għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni huma spjegati hawn taħt.
- L-interpreti jitħallsu b’rata minima ta’ EUR 59.53 fis-siegħa. Dak l-ammont huwa indiċjat kull sena.
- It-tradutturi jitħallsu għal kull linja li jittraduċu. Traduzzjonijiet minn jew għall-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma remunerati b’rata ta’ EUR 0.079 għal kull kelma. Ir-rata għal lingwi komuni Ewropej oħra hija ta’ EUR 1.20 għal kull linja. Ir-rata għal lingwi Ewropej oħra u għal lingwi mhux Ewropej komuni hija ta’ EUR 1.51, filwaqt li r-rata għal lingwi oħra mhux Ewropej hija ta’ EUR 1.69 għal kull linja.
Għal aktar informazzjoni dwar it-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti, ara d-Digriet tal-2003 dwar il-Kawżi Kriminali (Tariffi).
Links relatati
Il-Federazzjoni tal-Medjaturi Netherlandiżi
L-ispejjeż ta’ kawża fil-qorti
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.