- Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?
- Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?
- Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?
- Nista’ ningħata kumpens jekk minix ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?
- Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?
- Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?
- Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?
- Huwa mitlub minni li l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk dan ikun ġie identifikat?
- Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza rrid nippreżenta sabiex nappoġġja t-talba tiegħi?
- Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?
- Liema telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?
- Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew fi ħlasijiet parzjali fix-xahar?
- B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw iċ-ċans tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?
- B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa ċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?
- Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw iċ-ċans tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?
- Kif jiġi kkalkolat il-kumpens?
- Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?
- Huwa mistenni minni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkolah jew dwar aspetti oħrajn?
- Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telf tiegħi minn sorsi oħrajn (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi), dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?
- Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?
- Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara, pereżempju, bidla fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?
- Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?
- Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?
- Liema awtorità tiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?
- Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?
- Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?
- Kemm tieħu żmien l-awtorità (bejn wieħed u ieħor) sabiex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?
- Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?
- Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?
- Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?
- Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?
- Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?
Tista’ tingħata kumpens jekk inti vittma ta’ reat li jirriżulta f’offiża gravi fuq il-persuna, indeboliment tal-funzjoni ta’ organu tal-ġisem jew indeboliment tas-saħħa, li f’kull każ idum aktar minn sebat ijiem. Huwa irrilevanti jekk ir-reat kienx intenzjonat jew le, jew jekk kienx vjolenti jew mhux vjolenti. Dak li huwa rilevanti huwa jekk kellux l-effett deskritt hawn fuq.
Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?
Jekk il-vittma ta’ reat tkun mietet, tista’ tfittex kumpens jekk dik il-vittma kienet:
- il-konjuġi jew il-koabitant(a) tiegħek,
- il-ġenitur, in-nannu/a jew il-bużnannu/a tiegħek,
- it-tifel/tifla tiegħek, inkluż wild adottat, neputi(ja) jew pro-neputi(ja) tiegħek.
Huwa irrilevanti jekk kontx dipendenti tal-vittma jew le.
Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?
F’każ bħal dan, hija biss il-vittma ta’ reat li tkun intitolata għal kumpens.
Nista’ ningħata kumpens jekk minix ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?
Jekk tingħatax kumpens jiddependi mhux fuq in-nazzjonalità tiegħek, iżda fuq il-post tar-residenza permanenti tiegħek. Tista’ tingħata kumpens jekk il-post tar-residenza permanenti tiegħek ikun fil-Polonja jew fi Stat Membru ieħor tal-UE.
Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?
Tista’ tfittex kumpens quddiem l-awtorità Pollakka li tiddeċiedi biss jekk ir-reat ikun sar fil-Polonja. Jekk ir-reat ikun sar fi Stat Membru ieħor tal-UE, inti tista’ tfittex kumpens biss f’dak l-Istat. Jekk ikollok bżonn assistenza, tista’ tikkuntattja lill-Prosekutur Pubbliku Reġjonali (Prokurator Okręgowy) li għandu ġurisdizzjoni fuq il-post tar-residenza permanenti tiegħek.
Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?
Ir-reat għandu jiġi rrapportat lill-pulizija jew lill-uffiċċju tal-prosekutur, minħabba li għandha tiġi mehmuża kopja tar-rapport mat-talba għal kumpens. Ma għandekx bżonn tagħmel dan personalment. Il-prosekutur pubbliku li jmexxi l-proċedimenti preparatorji jgħinek tikseb il-kumpens. Jekk jogħġbok ftakar li r-rapportar tar-reat ser jagħmel it-talba tiegħek aktar kredibbli f’każijiet fejn l-awtur tar-reat ma jiġix identifikat.
Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?
Inti tista’ tressaq it-talba għal kumpens qabel ma jiġu konklużi l-proċedimenti mmexxija mill-uffiċċju tal-prosekutur (il-pulizija) jew mill-qorti. Id-deċiżjoni li jingħata kumpens tista’ tittieħed qabel ma jiġu konklużi proċedimenti kriminali.
Huwa mitlub minni li l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk dan ikun ġie identifikat?
It-tfittxija ta’ kumpens mingħand l-awtur tar-reat tagħmel sens biss meta jkun hemm ċans realistiku li tirċievi tali kumpens mingħandu. Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx jista’ jħallas il-kumpens, inti tista’ tapplika għalih mingħajr ma jkollok bżonn li l-ewwel tibda azzjoni kontra l-awtur tar-reat. F’każ bħal dan, se jkollok bżonn turi bil-provi li mintix se tkun qed tirċievi kumpens mingħand l-awtur tar-reat. Dan jista’ jkun il-każ jekk l-awtur tar-reat ma jkollu ebda proprjetà jew jekk jibqa’ fil-ħabs mingħajr ma jaħdem għal ħafna snin.
Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza rrid nippreżenta sabiex nappoġġja t-talba tiegħi?
Inti intitolat għal kumpens, irrispettivament minn jekk l-awtur tar-reat kienx identifikat jew ikkundannat. F’każ bħal dan, inti għandek turi bil-provi matul il-proċedimenti għal kumpens li l-inċident li għalih qed titlob kumpens kien reat.
Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?
Meta tfittex kumpens, jekk jogħġbok ftakar li inti trid tressaq it-talba fi żmien ħames snin mid-data tar-reat. It-talbiet imressqa wara din l-iskadenza ma jiġux eżaminati.
Liema telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?
Pereżempju, il-kumpens ser ikopri:
(a) Għall-vittma tar-reat:
– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):
- l-ispejjeż mediċi tal-ħsara (kura medika - kura ambulanti u fl-isptar, irkupru) iva
- ħtiġijiet jew kostijiet addizzjonali li jinħolqu mill-ħsara (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja jew permanenti, fiżjoterapija tal-edukazzjoni fit-tul, adattament tal-akkomodazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.) iva
- ħsara permanenti (eż. invalidità u diżabbiltajiet permanenti oħrajn)
- telf ta’ qligħ matul il-kura medika u wara (inkluż il-qligħ mitluf u t-telf ta’ kapaċità li jinkiseb jew jitnaqqas il-manteniment, eċċ.) iva
- telf ta’ opportunità le
- spejjeż marbuta mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li jikkawża l-ħsara, bħal drittijiet legali, spejjeż tal-qorti le
- kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara – le
- oħrajn
- Ħsara psikoloġika (morali):
- uġigħ u tbatija tal-vittma le
(b) Għal persuni intitolati jew qraba ta’ vittma:
- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):
- spejjeż tal-funerali, spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fl-isptar, rijabilitazzjoni) iva
- telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità iva
- Ħsara psikoloġika (morali):
- uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens lil superstiti jekk il-vittma tkun mietet le
Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew fi ħlasijiet parzjali fix-xahar?
Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku. Dan jitħallas mill-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni li tagħtih, fi żmien xahar mid-data li fiha dik id-deċiżjoni ssir finali.
B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw iċ-ċans tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?
Il-kumpens jitnaqqas b’mod proporzjonali jekk l-imġiba tiegħek tkun ikkontribwixxiet għar-reat.
Inti ma tirċievi ebda kumpens jekk jinstab li kont kompliċi fir-reat jew jekk tkun qbilt li terfa’ l-konsegwenzi tiegħu.
B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa ċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?
Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek hija irrilevanti għall-finijiet ta’ kumpens. Meta tiġi eżaminata t-talba tiegħek, l-enfasi primarja tkun fuq id-determinazzjoni ta’ jekk tistax tirċievi kumpens mingħand l-awtur tar-reat, istituzzjoni tal-assistenza soċjali, jew taħt polza ta’ assigurazzjoni. Il-kumpens jingħata jekk il-qorti ssib li inti mhux ser tkun qed tirċievi kumpens minn ebda wieħed mis-sorsi msemmija hawn fuq.
Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw iċ-ċans tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?
L-unika kundizzjoni għall-għoti ta’ kumpens hija n-nuqqas ta’ possibbiltà li jinkiseb kumpens mingħand l-awtur tar-reat, istituzzjoni tal-assistenza soċjali, jew taħt polza ta’ assigurazzjoni.
Kif jiġi kkalkolat il-kumpens?
Inti ser tintalab turi xi spejjeż ġarrabt b’konnessjoni mar-reat. Jekk tfittex kumpens għall-qligħ mitluf, għandek tippreżenta dokument li juri kemm qlajt. L-ispejjeż assoċjati mal-kura u r-riabilitazzjoni, kif ukoll l-ispejjeż tal-funerali jintwerew l-aħjar permezz tal-preżentazzjoni tal-kambjali. Jekk ma jkollokx kambjali, inti tista’ titlob li jiġu eżaminati x-xhieda jew li jinħatru esperti.
Jekk il-qorti ssib li, fil-każ tiegħek, ma jistax jiġi pprovat b’mod definittiv li inti intitolat li tirċievi l-ammont li tlabt, hija tista’ tagħti ammont li tqis li huwa xieraq, wara li tikkunsidra ċ-ċirkostanzi kollha.
Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?
Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont ta’ PLN 25 000 jew PLN 60 000 jekk il-vittma tkun mietet. Ma teżisti ebda dispożizzjoni li tispeċifika ammont minimu ta’ kumpens.
Huwa mistenni minni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkolah jew dwar aspetti oħrajn?
Iva, għandek tindika l-ammont mitlub fil-formola tat-talba. Ma teżisti ebda struzzjoni speċjali, iżda tista’ ssib xi informazzjoni fit-taqsima ‘Kif jiġi kkalkolat il-kumpens?’.
Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telf tiegħi minn sorsi oħrajn (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi), dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?
Jekk tkun irċevejt fondi - mingħand l-awtur tar-reat, istituzzjoni tal-assistenza soċjali, jew taħt polza ta’ assigurazzjoni - sabiex ikopru l-ispejjeż tal-funerali, il-qligħ mitluf jew mezzi ta’ għajxien oħrajn (eż. allowance għall-manteniment), jew l-ispejjeż assoċjati mal-kura u r-riabilitazzjoni, il-qorti tnaqqashom mill-kumpens tiegħek.
Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?
Qabel tiġi eżaminata t-talba tiegħek, tista’ tapplika għal somma speċifika (titolu ta’ sigurtà) sabiex jiġu koperti l-ispejjeż meħtieġa assoċjati mal-kura u r-riabilitazzjoni jew l-ispejjeż tal-funerali. Inti tista’ tissottometti din l-applikazzjoni qabel tippreżenta t-talba għal kumpens jew flimkien ma’ din it-talba.
Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara, pereżempju, bidla fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?
Bħala regola, il-kumpens jingħata fuq bażi ta’ darba.
Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?
Inti għandek tehmeż mat-talba għal kumpens: kopja tar-rapport tar-reat, kopji ta’ deċiżjonijiet maħruġa fi proċedimenti kriminali (pereżempju, deċiżjoni li jitwaqqfu l-proċedimenti kriminali), kopji ta’ ċertifikati mediċi jew opinjonijiet esperti dwar il-ħsara għas-saħħa, kambjali u dokumenti oħrajn li jikkonfermaw l-informazzjoni pprovduta fit-talba.
Jekk tkun qed titlob kumpens għall-mewt ta’ qarib, inti għandek tehmeż iċ-ċertifikat tal-mewt ta’ dik il-persuna u dokumenti li jikkonfermaw ir-relazzjoni bejnek u l-persuna deċeduta (bħal ċertifikat tat-twelid jew ċertifikat taż-żwieġ). Jekk dik il-persuna kienet il-koabitant tiegħek, għandek tehmeż dikjarazzjoni, soġġetta għal responsabilità penali, li għextu flimkien.
Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?
Meta tfittex kumpens, inti tiġi eżentat(a) għal kollox mill-ispejjeż tal-qorti. Dan ifisser li inti tħallasx l-ispejjeż assoċjati mas-sottomissjoni jew l-eżami tat-talba (pereżempju, miżati għal perizji).
Liema awtorità tiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?
F’każijiet nazzjonali, it-talbiet għal kumpens jiġu eżaminati mill-qorti distrettwali (sąd rejonowy) li għandha ġuriżdizzjoni fuq il-post tar-residenza tiegħek. Ġeneralment, din tkun il-qorti distrettwali li tinsab fil-lokalità tiegħek jew l-eqreb għal-lokalità tiegħek.
Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?
F’każijiet nazzjonali, it-talba għandha tintbagħat fl-indirizz tal-qorti li tkun ser teżamina l-każ.
Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?
Il-qorti li teżamina t-talba tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li inti tkun preżenti waqt is-sessjoni. Il-qorti se tinformak jekk il-preżenza tiegħek hijiex obbligatorja meta tinnotifikak bid-data ta’ meta għandha tiġi eżaminata t-talba.
Kemm tieħu żmien l-awtorità (bejn wieħed u ieħor) sabiex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?
Ma hemm ebda skadenza għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar it-talbiet għal kumpens. Kemm tieħu żmien se jiddependi mhux biss fuq kemm ikun kumpless il-każ u x’evidenza għandha tieħu l-awtorità li tiddeċiedi, iżda wkoll fuq l-għadd ta’ każijiet li qegħdin jiġu eżaminati bħalissa mill-awtorità li tiddeċiedi.
Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?
Jekk ma tkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni tal-qorti, tista’ tappella mal-qorti reġjonali (sąd okręgowy). Jekk ma tkunx irrappreżentat(a) minn avukat quddiem il-qorti, inti tirċievi informazzjoni dwar kif tippreżenta appell.
Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?
Il-prosekutur pubbliku li jmexxi l-proċedimenti preparatorji relatati mar-reat li għalih tkun qed tfittex kumpens jagħtik l-informazzjoni meħtieġa dwar il-kumpens, jagħtik formola mudell għat-talba u jispjegalek kif timliha.
Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?
Informazzjoni bażika dwar il-kumpens u l-formola mudell għat-talba jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?
L-għajnuna legali tingħata lin-nies li juru li ma jistgħux jaffordjaw avukat. Jekk jogħġbok ftakar: meta tfittex kumpens, tista’ tistenna li tingħata assistenza mingħand il-prosekutur pubbliku li jmexxi l-proċedimenti relatati mar-reat li għalih tkun qed tfittex kumpens.
Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?
Fil-Polonja, hemm il-Fond ta’ Assistenza Post-Penitenzjarja u Appoġġ għall-Vittmi (Fundusz Pomocy Pokrzywdzonym oraz Pomocy Postpenitencjarnej), li jiġbor il-fondi allokati sabiex, inter alia, tingħata għajnuna lill-vittmi ta’ reati u lill-qraba tagħhom. Il-fond huwa amministrat mill-Ministru tal-Ġustizzja. L-appoġġ huwa organizzat b’tali mod li l-amministratur tal-fond jagħżel, fi proċedura tal-offerti miftuħa, l-organizzazzjonijiet li l-offerti tagħhom iqis li huma l-aħjar u jagħtihom sussidji allokati għal miżuri għall-vittmi ta’ reati. Bħala regola, f’kull provinċja hemm mill-inqas entità waħda li tipprovdi appoġġ lill-vittmi ta’ reati.
Il-fondi jintużaw sabiex jiffinanzjaw l-għajnuna legali, psikoloġika u materjali. L-għajnuna legali tista’ tkopri l-assistenza fit-tfittxija ta’ kumpens.
Jekk tixtieq tibbenifika mill-għajnuna, għandek tikkuntattja organizzazzjoni mhux governattiva li rċeviet sussidju mingħand il-Ministru tal-Ġustizzja għal dan il-għan, u turi li inti vittma ta’ reat. Lista ta’ tali organizzazzjonijiet, flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja, fit-taqsima li tittratta l-attivitajiet/appoġġ għall-vittmi ta’ reati u l-qraba tagħhom - lista ta’ entitajiet u organizzazzjonijiet (ikklikkja fuq: działalność / pomoc pokrzywdzonym przestępstwem / pomoc pokrzywdzonym przestępstwem oraz osobom im najbliższym – lista podmiotów i organizacji).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.