Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Fil-Portugall, mhux bilfors ikollok tmur il-qorti biex issolvi tilwima. Jeżistu mezzi alternattivi ta’ soluzzjoni tat-tilwim, jiġifieri:

  • ċentri ta’ arbitraġġ,
  • servizzi ta’ medjazzjoni,
  • il-Kummissarji tal-Ġustizzja, u
  • sistemi ta’ appoġġ għal dejn eċċessiv.

L-Uffiċċju għas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (Gabinete de Resolução Alternativa de Litígios, GRAL) huwa responsabbli biex jappoġġa l-ħolqien ta’ tali mezzi ekstraġudizzjarji għas-soluzzjoni ta’ tilwim u biex jimplimentahom fil-prattika.

Informazzjoni dwar kif tuża dawn il-mezzi alternattivi ta’ soluzzjoni għat-tilwim hija disponibbli hawnhekk.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Iva. Bil-liġi, id-dritt li wieħed imur il-qorti jrid jiġi eżerċitat f’ċertu perjodu, u wara dan id-dritt jintilef.

  • Ir-regoli ġenerali dwar id-dekadenza huma stabbiliti fl-Artikoli 332 u 327(2) tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil, CC).
  • Jeżistu regoli speċjali dwar id-dekadenza għal dawn li ġejjin:
  1. id-dritt li tinfetaħ kawża għal azzjoni revokatorja (l-Artikolu 618 CC);
  2. kawża biex jiġi annullat il-bejgħ ta’ oġġetti difettużi (l-Artikolu 917 CC);
  3. kawżi għar-revoka ta’ donazzjonijiet (l-Artikolu 976 CC);
  4. id-dritt ta’ terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni (l-Artikolu 1085 CC);
  5. kawżi għaż-żamma u għall-irkupru tal-pussess (l-Artikolu 1282 CC);
  6. kawżi dwar il-ksur ta’ wegħda ta’ żwieġ (l-Artikolu 1595 CC);
  7. kawżi għall-annullament taż-żwieġ minħabba nuqqas ta’ xhieda (l-Artikolu 1646 CC);
  8. kawżi għaċ-ċaħda tal-paternità (l-Artikoli 1842 u 1843 CC);
  9. kawżi biex persuna tiġi skwalifikata minn suċċessjoni (l-Artikolu 2036 CC);
  10. kawżi biex jitnaqqsu rigali li jaqbżu s-sehem tal-beni li t-testatur jista’ jiddisponi minnu mill-wirt (l-Artikolu 2178 CC);
  11. kawżi biex jiġu riżolti dispożizzjonijiet testamentarji (l-Artikolu 2248 CC); u
  12. kawżi biex jitħassru testmenti jew id-dispożizzjonijiet fihom (l-Artikolu 2308 CC).

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Iva. Il-qrati Portugiżi għandhom ġuriżdizzjoni internazzjonali fil-każijiet li ġejjin:

  • meta l-kawża tista’ titressaq quddiem qorti Portugiża f’konformità mar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali Portugiża stabbiliti fil-liġi Portugiża;
  • meta l-fatt li jkun ta lok għall-kawża, jew il-fatti marbuta magħha, seħħ fuq territorju Portugiż;
  • meta d-dritt invokat ikun jista’ jiġi milqugħ biss permezz tal-kawża proposta fuq territorju Portugiż jew meta jkun hemm diffikultà sinifikanti għall-attur biex jiftaħ il-kawża barra l-pajjiż, għax ikun hemm konnessjoni importanti, personali jew reali, bejn is-suġġett tat-tilwima u s-sistema ġudizzjarja Portugiża.

Ir-regoli ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Portugiżi huma stabbiliti fl-Artikoli 59, 62, 63 u 94 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Código de Processo Civil, CPC).

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Għal tweġiba dettaljata għal din il-mistoqsija, ara l-iskeda informattiva f’din il-paġna intitolata “Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?”.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Għal tweġiba dettaljata għal din il-mistoqsija, ara l-iskeda informattiva f’din il-paġna intitolata “Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?”.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Bħala regola, il-partijiet jistgħu jressqu proċedimenti legali quddiem qorti huma stess.

Huwa obbligatorju li wieħed ikun rappreżentat minn avukat fil-każijiet indikati fl-Artikoli 40 u 58 CPC.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Bħala regola, ir-rikors promotur jiġi ppreżentat lill-qorti b’mezzi elettroniċi, f’konformità mat-termini stabbiliti fl-Ordni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2009. Ipproċessar elettroniku ta’ kawżi ġudizzjarji

L-Artikolu 144(7) CPC jipprevedi każijiet li fihom ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati fil-qorti b’wieħed mill-modi li ġejjin:

  • konsenja lir-reġistru tal-qorti;
  • konsenja bil-posta rreġistrata;
  • konsenja permezz ta’ fax.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-lingwa użata f’dokumenti ġudizzjarji hija l-Portugiż, f’konformità mal-Artikolu 133 CPC.

Ċittadini barranin li jeħtieġ li jinstemgħu f’qorti Portugiża jistgħu jużaw lingwa differenti jekk ma jitkellmux bil-Portugiż.

Format tad-dokumenti proċedurali: b’mod ġenerali, id-dokumenti proċedurali jistgħu jiġu fformulati bil-fomm jew bil-miktub. Il-metodu magħżul għandu jkun dak li jikkorrispondi l-aħjar għall-għan maħsub (l-Artikolu 131 CPC).

Mezzi ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti proċedurali quddiem qorti: ara t-tweġiba għall-mistoqsija 7.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Iva, hemm. Minbarra l-formoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, fil-Portugall hemm formoli speċifiċi għal azzjonijiet eżekuttivi, li jistgħu jinkisbu minn Il-Portal Citius.

Il-liġi nazzjonali tipprevedi li d-dokumenti proċedurali jistgħu jikkonformaw mal-mudelli approvati mill-awtorità kompetenti; madankollu, il-mudelli li jikkonċernaw id-dokumenti tal-uffiċċju tal-qorti biss jitqiesu bħala obbligatorji (l-Artikolu 131 CPC).

L-informazzjoni li ġejja trid tiġi inkluża fil-fajl:

  • Fir-rikors promotur, l-attur irid:

(a) jagħżel qorti u t-taqsima fejn se jiftaħ il-kawża u jidentifika lill-partijiet, jindika isimhom, ir-residenza jew l-uffiċċji reġistrati. F’dak li jirrigwarda l-attur (u, kull meta jkun possibbli, il-partijiet l-oħrajn), in-numri ta’ identifikazzjoni ċivili u tat-taxxa, professjonijiet u postijiet tax-xogħol iridu jiġu pprovduti wkoll;

(b) jindika l-indirizz tal-uffiċċju tar-rappreżentant legali tiegħu;

(c) jindika t-tip ta’ kawża;

(d) iniżżel il-fatti essenzjali li taw lok għall-kawża u r-raġunijiet fil-liġi li jiffurmaw il-bażi tal-kawża;

(e) ifassal ir-rikors;

(f) jiddikjara l-ammont tat-talba;

(g) jagħżel l-aġent għall-eżekuzzjoni li għandu responsabbiltà biex joħroġ it-taħrika jew ir-rappreżentant legali li jrid imexxih quddiem il-qorti.

  • Meta jrid jikkontesta kawża, il-konvenut irid:

(a) jidentifika l-kawża;

(b) jippreżenta r-raġunijiet legali u fattwali għaliex qed jikkontesta r-rikors tal-attur;

(c) jippreżenta l-fatti essenzjali li l-oġġezzjonijiet imqajma huma bbażati fuqhom; u

(d) jissottometti lista ta’ xhieda u jitlob forom oħra ta’ evidenza. meta l-konvenut jissottometti kontrotalba u l-attur iwieġeb, il-konvenut jitħalla jemenda t-talba oriġinali tiegħu għall-evidenza.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Iva, bħala regola huwa meħtieġ li jitħallsu t-tariffi tal-qorti. L-ispejjeż proċedurali jinkludu t-tariffi tal-qorti, l-imposti u l-ispejjeż tal-parti.

Ir-regoli l-aktar rilevanti dwar l-ispejjeż proċedurali huma essenzjalment stabbiliti fl-Artikoli 145, 529, 530, 532 u 533 CPC u fir-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali.

It-tariffi tal-qorti jitħallsu fil-punti li ġejjin (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali):

Każijiet fejn il-ħatra ta’ rappreżentanza legali hija obbligatorja:

  • L-ewwel jew l-uniku pagament tat-tariffi tal-qorti jrid jitħallas sa meta jiġi ppreżentat id-dokument proċedurali inkwistjoni.
  • Jekk it-tieni pagament għandu jitħallas, dan irid jsir fi żmien 10 ijiem min-notifika tas-seduta ta’ smigħ finali.

Każijiet fejn il-ħatra ta’ rappreżentanza legali mhijiex obbligatorja:

  • Jekk id-dokument jiġi ppreżentat direttament mill-parti, il-ħlas tal-tariffa tal-qorti minħabba ftuħ tal-kawża huwa dovut biss wara n-notifika, li jispeċifika perjodu ta’ 10 ijiem għall-ħlas u l-penali applikabbli jekk il-ħlas ma jsirx.

Hawnhekk jinsab simulatur tat-tariffi tal-qorti.

It-tariffi tal-avukat huma inklużi fl-ispejjeż tal-parti u jitħallsu mill-parti telliefa f’konformità mal-Artikolu 533 CPC.

Il-partijiet intitolati għall-ispejjeż iridu jibagħtu fattura dettaljata u deskrittiva lill-qorti u lill-parti telliefa, skont it-termini u l-perjodi ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Iva, tista’, sakemm tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali.

Il-Liġi Nru 34/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004, li tirregola l-Aċċess għal-Liġi u l-Ġustizzja, tistabbilixxi r-rekwiżiti biex tintalab l-għajnuna legali u tistabbilixxi l-arranġamenti rilevanti.

It-talba għal għajnuna legali trid tiġi ppreżentata lis-servizzi tas-sigurtà soċjali Portugiżi (Segurança Social).

Il-formola għall-preżentazzjoni ta’ talba għal għajnuna legali, il-leġiżlazzjoni applikabbli u gwida prattika jinsabu hawnhekk.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Kawża titqies li tkun tressqet uffiċjalment fiż-żmien meta r-rikors promotur jitqies li jkun ġie ppreżentat, kif ġej:

  • Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat b’mod elettroniku, jitqies li jkun ġie ppreżentat fid-data li fiha jintbagħat.
  • Jekk ir-rikors jiġi kkonsenjat lir-reġistru tal-qorti, jitqies li jkun ġie ppreżentat fil-ġurnata tal-konsenja.
  • Jekk ir-rikors jintbagħat bil-posta rreġistrata, jitqies li jkun ġie ppreżentat fid-data li jkun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-posta rilevanti.
  • Jekk ir-rikors jintbagħat permezz ta’ fax, jitqies li jkun ġie ppreżentat fid-data li fiha jintbagħat.

(l-Artikoli 259 u 144 CPC)

Ir-reġistru tal-qorti huwa responsabbli biex jieħu l-passi xierqa biex iħarrek lill-konvenut u biex jinforma lill-attur dwar:

  • il-passi meħuda u, jekk ma ssir l-ebda taħrika, ir-raġunijiet għal dan;
  • il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe difiża, jekk il-konvenut ikun għamel dan.

(l-Artikoli 226 u 575 CPC)

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Iva. Il-partijiet għandhom id-dritt li jeżaminaw u jikkonsultaw il-fajl. Hija r-responsabbiltà tar-reġistri tal-qorti li jipprovdu din l-informazzjoni (l-Artikolu 163 CPC).

Matul is-seduta ta’ smigħ preliminari (permezz ta’ avviż), l-imħallef jippjana l-atti li għandhom jitwettqu matul is-seduta finali, l-għadd ta’ sessjonijiet u t-tul probabbli tagħhom, u d-dati rispettivi, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti legali involuti (l-Artikoli 591 u 593 CPC).

Leġiżlazzjoni applikabbli

 

Twissija

Il-Punt ta’ Kuntatt u l-qrati mhumiex marbuta bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-emendi sussegwenti tagħhom iridu jiġu kkonsultati wkoll.

L-aħħar aġġornament: 10/08/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.