Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Svezja

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja

Ġeneralment hemm tliet modi differenti kif wieħed jikseb kumpens għal korrimenti kkawżati minn reat. Dawn huma:

  • danni li t-trażgressur ikun meħtieġ iħallas;
  • kumpens skont poloz tal-assigurazzjoni privati, kollettivi jew pubbliċi;
  • Kumpens mill-Istat għal dannu kriminali.

Hemm differenzi bejn ir-regoli li japplikaw għat-tipi differenti ta’ kumpens. L-informazzjoni li ġejja tapplika biss għal kumpens mill-Istat għal dannu kriminali.

Liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens għalih?

Fil-prinċipju, jista’ jingħata kumpens għal dannu kriminali għal kull tip ta’ reat, iżda l-opzjonijiet ta’ kumpens ivarjaw skont it-tip ta’ dannu jew korriment.

Il-kumpens għal dannu personali jista’ jingħata għal kull tip ta’ reat, jekk il-korriment ikun konsegwenza naturali tar-reat.

Il-kumpens jista’ jingħata wkoll għal korriment li jfisser li xi ħadd iweġġa’ serjament lil persuna oħra permezz ta’ reat li jinvolvi attakk kontra l-vittma (eż. attakk jew stupru), kontra l-libertà (eż. ċaħda illegali tal-libertà) jew kontra l-paċi (eż. theddid illegali) tal-vittma, jew permezz ta’ inġurja gravi.

Il-kumpens għal dannu materjali (eż. permezz ta’ serq jew ħsara lil proprjetà) jew dannu purament finanzjarju (eż. permezz ta’ frodi) jingħata biss f’ċerti każijiet.

Liema tip ta’ korriment nista’ nikseb kumpens għalih?

Il-kumpens jista’ jingħata għal korriment u dannu personali, u lil tfal li jkunu xhieda ta’ reati li jkunu saru bejn il-qraba stretti. F’xi każijiet eċċezzjonali, il-kumpens jista’ jingħata għal dannu materjali jew dannu purament finanzjarju.

Fil-każ ta’ korriment personali, il-kumpens jista’ jingħata għal:

  • spejjeż mediċi u spejjeż oħra għall-persuna li tkun sofriet id-dannu, sa limitu raġonevoli, lil qarib strett tal-persuna li tkun sofriet id-dannu;
  • ħsara lil ħwejjeġ, nuċċalijiet u oġġetti simili li jkunu milbusa mill-persuna li tkun sofriet id-dannu meta seħħ id-dannu;
  • telf ta’ qligħ;
  • tbatija fiżika u mentali temporanji (uġigħ u tbatija);
  • tbatija fiżika u mentali permanenti (deformità jew korriment permanenti ieħor).

Jekk korriment personali jkun irriżulta f’mewt, il-kumpens jista’ jingħata għal:

  • spejjeż tad-difna u wkoll, sa limitu raġonevoli, spejjeż oħra li jirriżultaw mill-mewt;
  • telf tal-manteniment (skont ċerti kundizzjonijiet);
  • dannu personali li jaffettwa qarib strett tal-persuna deċeduta bħala riżultat tal-mewt.

Benefiċċji oħra li hija intitolata għalihom il-persuna li tkun sofriet id-dannu (eż. benefiċċji soċjali, pensjoni, jew kumpens mill-impjegatur tagħha) jitnaqqsu meta jiġi stabbilit il-kumpens għal telf ta’ qligħ u manteniment.

Fil-każ ta’ reat kontra l-persuna, il-libertà jew il-paċi tal-vittma, u f’każ ta’ inġurja gravi, jista’ jingħata kumpens meta jkun hemm ksur serju tal-integrità personali.

Kumpens għal dannu materjali, eż. proprjetà misruqa jew li saritilha l-ħsara, jingħata biss f’każijiet eċċezzjonali. Kumpens bħal dan jista’ jingħata jekk ir-reat ikun twettaq minn xi ħadd li kien f’kustodja soċjetali furzata, eż. bħala priġunier f’ħabs, f’ċentru ta’ detenzjoni jew f’istituzzjoni (magħrufa bħala każijiet ta’ latitanti). Il-kumpens jista’ jingħata wkoll b’mod partikolari f’każijiet diffiċli meta l-opportunitajiet għall-parti leża biex taqla’ l-għajxien ikunu ġew aggravati serjament mill-korriment jew meta l-kumpens ikun jidher li huwa partikolarment importanti għal raġunijiet oħra.

F’każijiet rari ħafna, il-kumpens jista’ jingħata għal dannu purament finanzjarju, eż. fir-rigward ta’ frodi jew approprjazzjoni indebita. Il-kumpens jista’ jkun rilevanti għal każijiet ta’ latitanti biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali, jew f’każijiet partikolarment diffiċli meta l-opportunitajiet għall-parti leża biex taqla’ l-għajxien ikunu ġew aggravati serjament mill-korriment jew meta l-kumpens ikun jidher li huwa partikolarment importanti għal raġunijiet oħra.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b’riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Iva, il-kumpens jista’ jingħata kif spjegat hawn fuq. Fil-każ ta’ dannu lil qarib strett tal-persuna deċeduta, normalment jitħallas kumpens standardizzat għall-uġigħ u għat-tbatija.

Il-persuni li jistgħu jiksbu kumpens għal dannu normalment ikunu s-sieħeb/sieħba, il-ġenituri jew it-tfal tal-persuna deċeduta, kif ukoll aħwa li kienu jgħixu mal-persuna deċeduta. Aħwa adulti li ma kinux jgħixu mal-persuna deċeduta normalment ma jkunux intitolati għal kumpens.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens f’dan il-każ?

Meta korriment ma jkunx irriżulta f’mewt, il-kumpens jista’ jingħata f’ċerti każijiet speċjali għal dannu indirett lil persuna f’relazzjoni partikolarment mill-qrib mal-parti leża. Każijiet fejn kumpens bħal dan jista’ jkun rilevanti huma meta l-parti leża tkun ġarrbet ġrieħi serji u kienet f’kundizzjoni ta’ periklu għall-ħajja għal perjodu ta’ żmien konsiderevoli, jew meta l-qarib inkwistjoni jkun ra l-inċident li kkawża l-korriment u dan jikkawża dannu mentali lill-qarib.

Il-persuni li jistgħu jkunu intitolati għal kumpens huma l-istess bħal meta l-parti leża tmut b’riżultat ta’ reat.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Jekk ir-reat sar fl-Iżvezja, jista’ jingħata kumpens irrispettivament miċ-ċittadinanza jew mill-pajjiż ta’ residenza tal-parti leża. Jekk, madankollu, ir-reat u l-parti leża ma jkollhomx konnessjoni daqshekk kbira mal-Iżvezja tant li ma jkunx raġonevoli għall-Istat Żvediż li jagħti kumpens għad-dannu, ma jitħallas l-ebda kumpens. Din l-eċċezzjoni tiġi applikata b’mod ristrett. L-eċċezzjoni mhijiex applikabbli wkoll għal ċittadin ta’ pajjiż ieħor tal-UE li jiġi espost għal reat volontarju u vjolenti fl-Iżvezja.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk jew niġi minn hawnhekk (dan huwa l-pajjiż tar-residenza jew tan-nazzjonalità tiegħi) anke jekk ir-reat sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Iva. Jekk tgħix fl-Iżvezja tista’ tapplika għal kumpens fl-Iżvezja, anki jekk ir-reat ikun seħħ f’pajjiż ieħor, jew ġewwa jew barra l-UE.

Il-prinċipju huwa li d-dannu kriminali l-ewwel għandu jiġi kkumpensat fil-pajjiż fejn ikun sar ir-reat. Jekk id-dannu ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat bl-ebda mod jew kompletament f’dak il-pajjiż, il-parti leża u li tgħix fl-Iżvezja tista’ minflok ikollha d-dritt għal kumpens għal dannu kriminali mill-Istat Żvediż.

Jekk ir-reat iseħħ f’pajjiż ieħor tal-UE u jista’ jingħata kumpens għar-reat inkwistjoni f’dak il-pajjiż, l-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati (Brottsoffermyndigheten) tista’ tgħin lil persuna li tapplika għal kumpens fl-Iżvezja biex tindirizza lill-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kumpens Żvediż jista’ jitħallas qabel id-dritt għal kumpens ikun ġie vvalutat fil-pajjiż l-ieħor tal-UE.

Jekk il-kumpens għal ħsara ma jistax jitħallas fil-pajjiż l-ieħor tal-UE, id-dritt għal kumpens minflok ser jiġi vvalutat skont ir-regoli Żvediżi.

Għandi nkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija qabel inkun nista’ nitlob kumpens?

Iva. Ir-reat irid jiġi rrappurtat lill-pulizija, u l-parti leża tkun meħtieġa wkoll li tgħin lill-pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Iva. Huwa rari ħafna li l-kumpens jingħata qabel ikunu ntemmu investigazzjoni tal-pulizija jew stħarriġ ġudizzjarju.

Għandi għalfejn l-ewwel nitlob kumpens mingħand it-trażgressur — jekk ikun ġie identifikat?

Fil-prinċipju, jekk it-trażgressur ikun magħruf, it-trażgressur jeħtieġ li jkun ġie kkundannat sabiex ikun jista’ jitħallas il-kumpens mill-Istat. Hija wkoll il-persuna li tkun ikkawżat id-dannu li għandha tikkumpensa għalih l-ewwel nett, u fil-prinċipju dan ifisser li l-ewwel trid titressaq talba kontra t-trażgressur. Jekk, min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni turi biċ-ċar li t-trażgressur ma jistax iħallas id-danni, il-kumpens jista’ jitħallas mingħajr ma l-parti li tkun sofriet id-danni tkun l-ewwel talbitu mingħand it-trażgressur.

Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat jew ma jkunx ġie kkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Iva. Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat u għalhekk l-investigazzjoni tal-pulizija tkun ingħalqet, int tista’ tkun intitolat għal kumpens. F’każijiet bħal dan, il-valutazzjoni tar-reat u d-dritt għal kumpens ikunu bbażati fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq il-kontenut tar-rapport tal-pulizija. Barra dan, il-parti leża tkun meħtieġa wkoll tipproduċi evidenza li turi l-ħsara jew id-dannu li seħħ b’riżultat tar-reat.

Hemm limitu ta’ żmien li fih għandi nitlob kumpens?

Iva. Hemm skadenza ta’ 3 snin biex tressaq it-talba, li tiġi kkalkulata kif ġej:

Jekk hemm sentenza b’rabta mar-reat, it-talba għandha titressaq fi żmien 3 snin mid-data ta’ meta s-sentenza ħadet effett legali (ma setgħetx tiġi appellata aktar).

Jekk l-investigazzjoni tal-pulizija tkun ingħalqet, it-talba trid titressaq fi żmien 3 snin mid-data meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq l-investigazzjoni.

Jekk ma tkun ġiet imnedija l-ebda investigazzjoni tal-pulizija, it-talba trid titressaq fi żmien 3 snin mid-data tar-reat.

Tfal li jkunu ġew esposti għal reat qabel l-eta ta’ 18-il sena għandhom id-dritt li jitolbu kumpens sakemm jagħlqu 21 sena.

Fejn ikun hemm raġunijiet eċċezzjonali biex dan isir, talba tista’ tiġi kkunsidrata, anke jekk tkun waslet tard. Eżempju ta’ raġuni eċċezzjonali jista’ jkun li, minħabba mard serju, ir-rikorrent ma setax jitlob kumpens għad-danni kriminali fil-ħin.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens ikopri:

a) Għall-vittma tar-reat:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • l-ispejjeż mediċi tal-korriment (il-kura medika — il-kura bħala pazjent ta’ barra u fl-isptar, l-irkupru)

Iva, sakemm ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra.

  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dannu (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija fit-tul, adattament ta’ akkomodazzjoni, għajnuna speċjali, eċċ.)

Iva, sakemm ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra.

  • korriment permanenti (eż. invalidità u diżabbiltajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ matul il-kura medika u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-kapaċità li tagħmel qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)

    Iva, sakemm ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra.

    • telf ta’ opportunità

    Le, xejn ħlief kumpens għal telf ta’ qligħ jew telf futur ta’ qligħ (annwalità).

    • spejjeż relatati mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara (bħal ħlasijiet legali, spejjeż tal-qorti)

    Le.

    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara

Jista’ jingħata kumpens għal ħwejjeġ, nuċċalijiet u oġġetti simili li tkun saritilhom il-ħsara jew li jkunu nqerdu waqt li kienu milbusa mill-persuna li tkun sofriet id-dannu meta seħħ id-dannu.

F’każijiet oħra, l-opzjonijiet ta’ kumpens għal ħsara lil proprjetà huma limitati ħafna. Jekk jogħġbok ara t-taqsima 1.2 hawn fuq.

  • oħrajn

- Ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma.

Iva. Minbarra kumpens għal uġigħ u tbatija, jista’ jingħata kumpens ukoll għal ksur meta reat immirat kontra l-persuna, il-libertà jew il-paċi tal-vittma seta’ involva ksur serju tal-integrità personali tal-parti leża.

b) Għal persuni intitolati jew għall-qraba ta’ vittma:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral

Iva, sakemm ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra.

  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, kura barra mill-isptar u fl-isptar, riabilitazzjoni)

Iva. Jekk ir-reat ikun irriżulta f’mewt u involva dannu personali lil xi ħadd partikolarment viċin il-persuna deċeduta, jista’ jingħata kumpens jekk ma jkunx inkiseb minn sorsi oħra. Jekk jogħġbok ara wkoll it-taqsimiet 1.3 u 1.4.

  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità

It-telf tal-manteniment jista’ jiġi kkumpensat taħt ċerti kundizzjonijiet.

- Ħsara psikoloġika:

  • l-uġigħ u t-tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet.
Iva. Jekk jogħġbok ara t-taqsima 1.3 hawn fuq.

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti mensili?

Normalment il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed. Ħafna drabi, il-kumpens għal kwalunkwe korriment permanenti jkun irid jiġi aġġustat aktar tard meta jkun evidenti li l-korriment huwa permanenti. Telf fit-tul ta’ qligħ normalment jiġi aġġustat darba fis-sena bl-arretrati. Jekk, id-dannu jkun ikkawża diżabilità lill-parti li sofriet id-dannu, li tkun naqqsitilha l-kapaċità tagħha għax-xogħol b’mod permanenti, din tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tkun intitolata għal kumpens għal telf futur ta’ qligħ fil-forma ta’ annwalità, f’liema każ il-pagamenti jkunu mensili.

B’liema mod tista’ l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nieħu kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Il-kumpens jista’ jitnaqqas jew jiġi rrifjutat kompletament jekk l-imġiba tal-parti li sofriet id-dannu tkun żiedet ir-riskju ta’ korriment, sew jekk b’rabta mar-reat kif ukoll jekk b’mod intenzjonali jew negliġenti. Normalment il-kumpens jiġi aġġustat b’dan il-mod jekk ir-reat ikun ġie kkawżat mill-attività kriminali stess tal-parti leża jew jekk ikun marbut mad-droga, jew jekk il-parti leża tkun ipprovokat ir-reat.

Il-parti leża trid tkun ikkooperat mal-investigazzjoni tal-pulizija sa limitu raġonevoli. Il-parti leża għandha wkoll tikkontribwixxi għall-proċedura ta’ kumpens tal-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati billi tipprovdi informazzjoni u tippreżenta d-dokumenti meħtieġa għall-valutazzjoni. Ma jingħata l-ebda kumpens jekk ir-rikorrent ma jkunx ikkoopera mal-investigazzjoni tal-pulizija. L-istess japplika jekk ir-rikorrent ma jkunx ikkontribwixxa għall-kawża ta’ kumpens.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa l-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont tal-kumpens?

Fir-rigward ta’ kumpens għal dannu jew vjolazzjoni personali, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti leża ma taffettwax id-dritt għal kumpens jew l-ammont ta’ kumpens mogħti. Fil-każ ta’ ħsara lil proprjetà jew dannu purament finanzjarju, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti leża tista’ taffettwa d-dritt għal kumpens u l-ammont ta’ kumpens mogħti għal ħsara kriminali f’xi każijiet.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont tal-kumpens?

Il-kumpens mill-Istat għal ħsara kriminali huwa sussidjarju għal kwalunkwe kumpens ieħor li l-parti leża tista’ tkun intitolata għalih bħala riżultat tal-ħsara jew tal-korriment ikkawżat. Dan ifisser li kwalunkwe kumpens ieħor irid jitnaqqas mill-kumpens għal dannu kriminali. Pereżempju, dan japplika għal ħsarat li jitħallsu jew jitqiesu bħala li jistgħu jitħallsu u kwalunkwe kumpens tal-assigurazzjoni li tkun intitolata għalih il-parti leża.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-kumpens jiġi kkalkulat skont ir-regoli stipulati fl-Att dwar il-Kumpens għad-Danni Kriminali (brottsskadelag) jew l-Att dwar ir-Responsabbiltà tad-Delitt (skadeståndslag). L-intitolament għal kumpens għal ħsara kriminali huwa aktar ristrett minn intitolament għad-danni għal delitt f’ċerti aspetti. Il-prinċipju huwa li l-kumpens għandu jikkostitwixxi forma ta’ reparazzjoni u, kemm jista’ jkun, iqiegħed lill-parti leża fl-istess sitwazzjoni finanzjarja bħallikieku l-ħsara jew korriment ma kinux seħħew.

Jiġu koperti l-ispejjeż essenzjali u raġonevoli kollha, kif ukoll kwalunkwe telf ta’ qligħ li jirriżulta mill-ħsara jew mill-korriment. Hemm limitu massimu għall-kumpens; jekk jogħġbok ara t-taqsima 1.18.

Il-kumpens għal uġigħ u tbatija jitħallas skont it-tabelli — l-ammont normali waqt liv minħabba mard huwa madwar SEK 2 700 fix-xahar (2022), iżda jista’ jingħata kumpens ogħla, pereżempju fil-każ ta’ kura f’taqsima tal-kura intensiva. Għal ċerti reati — meta l-korriment ikun irriżulta f’mewt (kumpens lill-qraba) u fil-każ ta’ stupru — hemm ukoll preżunzjoni ta’ dannu personali, li jfisser li dan m’hemmx għalfejn tintwera prova tiegħu. F’dawn il-każijiet, jiġu applikati ċerti mudelli għall-kumpens għal uġigħ u tbatija. Dawn huma: SEK 60 000 fil-każ ta’ mewt ikkawżata volontarjament; SEK 30 000 fil-każ ta’ mewt ikkawżata involontarjament; u SEK 15 000 fil-każ ta’ stupru.

Il-kumpens għal korrimenti li jikkawżaw diżabbiltà permanenti jiġi stabbilit permezz ta’ tabelli u jiġi bbażat fuq valutazzjoni tat-tabib tal-firxa tad-diżabbiltà u l-età tar-rikorrent.

Il-kumpens għal sfreġju permanenti jiġi stabbilit permezz ta’ tabelli u jiġi bbażat fuq kemm ikun viżibbli l-isfreġju inkwistjoni, fejn ikun jinsab, u l-età tal-parti leża.

Il-kumpens għal ksur jiġi stabbilit abbażi taċ-ċirkostanzi oġġettivi tar-reat u irrispettivament mill-esperjenza soġġettiva tal-parti leża. Fil-prattika, pereżempju, il-kumpens jista’ jkun: SEK 5 000–20 000 għal theddid illegali; SEK 5 000–100 000 għal attakk, SEK 100 000 għal stupru; u SEK 100 000–150 000 għal attentat ta’ qtil.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

L-aktar ammont baxx ta’ kumpens li jista’ jingħata huwa SEK 100 (wara t-tnaqqis bażiku).

L-ammont massimu ta’ kumpens li jista’ jingħata għal dannu personali, inkluż uġigħ u tbatija, huwa SEK 966 000 (2022). Jista’ jingħata wkoll kumpens għal annwalità taħt ċerti kundizzjonijiet.

L-ammont massimu ta’ kumpens li jista’ jingħata għal dannu materjali u dannu purament finanzjarju huwa SEK 482 000 (2022).

M’hemmx limitu massimu għal kumpens relatat ma’ ksur.

Jiena mistenni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nirċievi xi istruzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Iva. Fir-rigward ta’ telf finanzjarju bħal spejjeż mediċi jew telf ta’ qligħ, il-parti leża tkun meħtieġa tispeċifika l-ammont jew tibgħat evidenza li turi biċ-ċar il-grad tad-danni.

L-ebda ammont ma jeħtieġ li jiġi speċifikat għal kumpens morali (uġigħ u tbatija, ksur, dannu permanenti, u kumpens għal tfal li kienu xhieda ta’ reat).

Jekk nirċievi xi kumpens għat-telf minn sorsi oħra (bħal mingħand min iħaddimni jew skema ta’ assigurazzjoni privata) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/entità?

Iva. Il-kumpens mill-Istat għal ħsara kriminali jingħata biss sakemm il-ħsara ma tkunx ġiet koperta minn tipi oħra ta’ kumpens li l-parti leża tkun intitolata għalihom.

Nista’ nieħu ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le, m’hemm l-ebda possibbiltà li tieħu kumpens imħallas bil-quddiem.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (eż. wara bidla fiċ-ċirkostanzi jew jekk is-saħħa tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Iva, diment li t-talba ma tkunx marbuta biż-żmien, li normalment iseħħ 10 snin wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni.

X’dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Trid tiġi ppreżentata prokura oriġinali jekk ir-rikorrent ikun irrappreżentat minn rappreżentant legali. L-ispejjeż normalment ikunu jridu jiġu akkumpanjati mill-fatturi oriġinali. Huwa wkoll ta’ vantaġġ jekk ir-rikorrent inġenerali jippreżenta l-materjal elenkat hawn fuq li jkun rilevanti għall-ħsara jew għad-dannu inkwistjoni.

L-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati tikseb id-dokumentazzjoni meħtieġa biex tivvaluta d-dritt għal kumpens u l-ammont ta’ kwalunkwe kumpens bħal dan sakemm ma jiġux mehmuża d-dokumenti meħtieġa. Dan isir bis-saħħa tal-mandat mogħti lill-awtorità mir-rikorrent meta dan jippreżenta t-talba. Jekk l-awtorità nnifisha ma tkunx tista’ tikseb l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa, ir-rikorrent jingħata minflok opportunità biex jipprovdihom.

Hemm tariffi amministrattivi jew tariffi oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tiġi riċevuta u pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet ta’ kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

L-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

L-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati, P.O. Box 470, 901 09 Umeå, L-Iżvezja.

Jekk jogħġbok innota li t-talba għandha tiġi ppreżentata billi tintuża formola speċjali. Il-formoli huma disponibbli fuq is-sit web tal-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati fuq https://www.brottsoffermyndigheten.se/.

Tista’ tiġi ppreżentata wkoll talba b’mod elettroniku jekk ir-rikorrent ikollu ID bankarja elettronika Żvediża. Tista’ tiġi ppreżentata talba b’dan il-mod mis-sit web https://www.brottsoffermyndigheten.se/.

Għandi bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) l-awtorità biex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Iż-żmien ta’ pproċessar ivarja skont it-tagħbija tax-xogħol attwali tal-awtorità. Iż-żmien jista’ jvarja wkoll skont kemm ikun ikkumplikat il-każ. Iż-żmien ta’ pproċessar medju attwalment huwa madwar 3 xhur (2022).

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Id-deċiżjonijiet mill-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati ma jistgħux jiġu kkontestati, iżda l-awtorità tista’ tibdel id-deċiżjoni tagħha fuq talba jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jekk jitfaċċaw ċirkustanzi ġodda jew jekk ikun hemm raġunijiet oħra biex isir dan. Deċiżjoni ma tistax tinbidel għad-detriment tar-rikorrent.

Rikorrent li ma jkunx sodisfatt bid-deċiżjoni jista’ jibgħat talba bil-miktub lill-awtorità biex il-każ jiġi eżaminat mill-ġdid. Il-bidla mixtieqa u r-raġunijiet għaliha għandhom jiġu speċifikati fit-talba. Kwalunkwe materjal supplimentari għandu jiġi ppreżentat flimkien mat-talba.

Ir-rikorrent huwa dejjem intitolat għal stħarriġ tad-deċiżjoni tiegħu mit-Tribunal ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali (Nämnden för brottsskadeersättning).

Fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

Informazzjoni u formoli tal-applikazzjoni jinsabu fuq is-sit web tal-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati fuq https://www.brottsoffermyndigheten.se/. Informazzjoni dwar kumpens u kif tippreżenta talba hija disponibbli b’diversi lingwi, u l-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli bl-Ingliż.

Titsa’ wkoll iċċempel il-linja għall-għajnuna tal-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati fuq +46 90 70 82 00, li hija miftuħa mid-disgħa ta’ filgħodu sat-tlieta ta’ wara nofsinhar matul il-ġimgħa. Il-linja għall-għajnuna tista’ toffri pariri bl-Iżvediż u bl-Ingliż.

Hemm xi linja telefonika speċjali għall-għajnuna jew sit web li nista’ nuża?

Ara hawn fuq.

Tista’ ssib informazzjoni adattata għat-tfal sa 18-il sena fuq https://www.jagvillveta.se/. Hemmhekk tista’ wkoll issib informazzjoni b’diversi lingwi.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

L-applikazzjoni għal talba hija faċli biex timtela, u tista’ tikkuntattja lill-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati għall-għajnuna jekk ikollok xi problemi. Il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rappreżentant legali jingħataw biss jekk ikun hemm raġunijiet partikolari biex isir dan.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Iċ-ċentru lokali ta’ appoġġ lill-vittmi jista’ joffrilek għajnuna biex timla l-applikazzjoni tiegħek għal talba. Tista’ ssib iċ-ċentru lokali tiegħek ta’ appoġġ lill-vittmi mis-sit web Appoġġ lill-Vittmi l-Iżvezja (Brottsofferjouren) fuq http://www.brottsofferjouren.se/ jew billi ċċempel +46 (0)200-21 20 19 għall-għajnuna.

L-aħħar aġġornament: 17/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.