Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Awstrija

F’din it-taqsima ssib informazzjoni ġenerali dwar ir-reġistru kummerċjali tal-Awstrija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

L-istorja tal-istabbiliment tar-reġistru nazzjonali

Meta twaqqaf?

Sal-1990, ir-reġistru kummerċjali Awstrijak (Handelsregister) inżamm f’forma stampata. Fl-1991 ġie sostitwit mill-Firmenbuch, li hija ġestita bħala bażi tad-data elettronika.

Meta ġie diġitalizzat?

Meta l-Handelsregister ġie ssostitwit mill-Firmenbuch fl-1991 id-data miżmuma fir-reġistru prinċipali (Hauptbuch) ġiet ittrasferita f’bażi tad-data elettronika. Minn dak iż-żmien ’l hawn, id-data kollha, kemm dik attwali kif ukoll dik storika (li tmur lura għall-1991), kienet disponibbli elettronikament. Mill-2005 l-arkivju tad-dokumenti (Urkundensammlung) tar-reġistru kummerċjali nżamm ukoll f’forma elettronika.

Liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli attwali?

Il-leġiżlazzjoni ewlenija hija stabbilita fl-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali (Firmenbuchgesetz - FBG) u l-Kodiċi Kummerċjali (Unternehmensgesetzbuch — UGB).

X’informazzjoni joffri r-reġistru tan-negozju?

Min għandu aċċess għar-reġistru?

Kulħadd jista’ jaċċessa l-bażi tad-data tar-reġistru kummerċjali sabiex jikseb informazzjoni dwar l-entrati fir-reġistru. Kemm ir-reġistru prinċipali kif ukoll l-arkivju tad-dokumenti jistgħu jiġu aċċessati.

X’informazzjoni fih ir-reġistru?

Ir-reġistru prinċipali tar-reġistru kummerċjali fih informazzjoni dwar in-negozji Awstrijaċi rreġistrati kollha. Id-dokumenti li fuqhom huma bbażati dawk l-entrati jinħażnu fl-arkivju tad-dokumenti.

L-għan tar-reġistru kummerċjali huwa li jirreġistra u jiżvela fatti li jridu jiġu rreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kumpaniji. Dawn jinkludu n-numru tar-reġistru kummerċjali ta’ kumpanija, l-isem tan-negozju, il-forma ġuridika, l-uffiċċju rreġistrat u l-indirizz tan-negozju, kif ukoll il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawh. Fil-prinċipju, il-bidliet fil-fatti mdaħħla fir-reġistru kummerċjali jridu jiġu nnotifikati lill-qorti mingħajr dewmien (obbligu ta’ notifika).

Liema tipi ta’ data huma maħżuna? (Liema entitajiet jiddaħħlu fir-reġistru pubbliku? Informazzjoni dwar insolvenza, rapporti finanzjarji...)

F’konformità mat-Taqsima 2 tal-FBG, b’mod partikolari dawn li ġejjin iridu jiddaħħlu fir-reġistru prinċipali: il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata kollha (kumpanija privata b’responsabbiltà limitata (Gesellschaft mit beschränkter Haftung – GmbH), kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata (Aktiengesellschaft – AG), Kumpanija Ewropea – SE), soċjetajiet reġistrati (soċjetà ġenerali (offene Gesellschaft – OG) u soċjetà in akkomandita (Kommanditgesellschaft – KG)) u kooperattivi (inklużi Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej – SKE) li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Awstrija. Il-kumpaniji rregolati mid-dritt ċivili (Gesellschaften bürgerlichen Rechts —GesbR) ma humiex irreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ, peress li ma għandhomx personalità ġuridika. Entitajiet ġuridiċi barranin iridu jiddaħħlu fir-reġistru kummerċjali jekk joperaw fergħa fl-Awstrija.

Fil-prinċipju, in-negozjanti uniċi jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru kummerċjali fuq bażi volontarja. Id-dħul fir-reġistru kummerċjali huwa obbligatorju biss jekk in-negozjant uniku jiġġenera fatturat ta’ aktar minn EUR 700 000 f’sentejn finanzjarji konsekuttivi jew fatturat ta’ aktar minn EUR 1 000 000 fi kwalunkwe sena waħda.

Liema dokumenti qed jiġu ffajljati / maħżuna (fajls, ktieb ta’ dokumenti, statuti, minuti tal-laqgħat ġenerali...)?

Minbarra l-entrati fir-reġistru prinċipali tar-reġistru kummerċjali, diversi dokumenti huma maħżuna fl-arkivju tad-dokumenti. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-istatut ta’ assoċazzjoni ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata, ir-rapporti finanzjarji ta’ kumpaniji b’obbligu li jħejju kontijiet u kampjuni ta’ firem ta’ rappreżentanti awtorizzati.

Kif nista’ nagħmel tiftixa (u x’inhuma l-kriterji tat-tiftix disponibbli)?

Personalment / Fuq is-sit web tar-reġistru

X’inhuma l-kriterji tat-tiftix disponibbli?

Estratt mir-reġistru kummerċjali jista’ jinkiseb mill-bażi tad-data billi jiddaħħal in-numru tar-reġistru kummerċjali (Firmenbuchnummer). Fil-prinċipju, estratt bħal dan fih id-data li attwalment iddaħħlet fir-reġistru. Madankollu, id-data (storika) imħassra issa tista’ tinħareġ ukoll fuq talba.

Jekk in-numru tar-reġistru kummerċjali ma jkunx magħruf, huwa possibbli li tfittex billi tuża l-isem tal-entità ġuridika (Firma) jew l-isem ta’ persuna li jkollha uffiċċju partikolari fi ħdan l-entità ġuridika kkonċernata (pereż. direttur maniġerjali).

Id-dokumenti kollha li nħażnu elettronikament relatati ma’ entità ġuridika jistgħu jinkisbu wkoll permezz tal-lista ta’ dokumenti (Urkundenliste).

Ara wkoll l-informazzjoni taħt il-mistoqsija “Kif nista’ nikseb estratt mir-reġistru, kopja awtentikata jew traskrizzjoni ta’ dokumenti?”

Kif nista’ nikseb dokumenti?

Mingħajr ħlas? Fuq ħlas?

Ara l-informazzjoni taħt il-mistoqsija “Kif nista’ nikseb estratt mir-reġistru, kopja awtentikata jew traskrizzjoni ta’ dokumenti?”

Kif nista’ nikseb estratt mir-reġistru, kopja awtentikata jew traskrizzjoni ta’ dokumenti?

Mill-bażi tad-data tar-reġistru kummerċjali huwa possibbli li jiġu rkuprati kemm estratti mir-reġistru kummerċjali (mir-reġistru prinċipali) kif ukoll dokumenti (mill-arkivju tad-dokumenti). Id-dokumenti li huma disponibbli għal entità ġuridika jistgħu jidhru fil-lista ta’ dokumenti. Hemm ħlas biex tintalab data mill-bażi tad-data tar-reġistru kummerċjali, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni fil-qosor mingħajr ħlas li jkun fiha d-dettalji ewlenin dwar entità ġuridika.

Jekk l-isem tal-kumpanija jew in-numru tar-reġistru kummerċjali ta’ entità ġuridika jkun magħruf, l-estratti u d-dokumenti tar-reġistru kummerċjali jistgħu jinkisbu permezz ta’ “JustizOnline”, il-pjattaforma ta’ informazzjoni u servizz diġitali tal-ġudikatura Awstrijaka. Għal prodotti soġġetti għal tariffa trid tirreġistra billi tuża firma tal-mowbajl u trid tkun tista’ tagħmel ħlas onlineL-informazzjoni fil-qosor imsemmija hawn fuq, min-naħa l-oħra, tista’ tiġi aċċessata mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu ssodisfati kundizzjonijiet ulterjuri.

L-aċċess permanenti online għar-reġistru kummerċjali Awstrijak bl-għażliet kollha ta’ tiftix jista’ jinkiseb permezz ta’ Verrechnungsstelle. Dawn huma ditti kkuntrattati mill-Ministeru għall-Ġustizzja biex jittrattaw il-mistoqsijiet dwar ir-reġistru kummerċjali. In-nutaral-avukatil-awdituri u l-konsulenti tat-taxxa kollha (Wirtschaftstreuhänder) għandhom ukoll tali aċċess online. It-talbiet għal informazzjoni mill-bażi tad-data tar-reġistru kummerċjali jistgħu jiġu ppreżentati wkoll lill-qrati.

Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni

Kif nista’ nniedi l-proċedura ta’ reġistrazzjoni (kif nissottometti rikorsi lir-reġistru, awtentifikazzjoni tad-dokumenti, tip ta’ dokumenti li jeħtieġ li jiġu mehmuża)?

Personalment / Online

Fil-prinċipju, ir-rikorsi għar-reġistru kummerċjali jridu jiġu ppreżentati bil-miktub u l-firem tar-rikorrenti normalment iridu jiġu awtentikati minn nutar jew qorti.

L-entrata li qed tintalab għandha tkun indikata b’mod preċiż fir-rikors. F’ħafna każijiet id-dokumenti korrispondenti jridu jiġu mehmuża wkoll mar-rikors, li wħud minnhom huma soġġetti għal rekwiżiti formali speċifiċi. L-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ AG jew GmbH, pereżempju, għandu dejjem jieħu l-forma ta’ att notarili.

Ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati lill-qorti tar-reġistru kummerċjali f’ forma stampata jew b’mod elettronikuFormoli speċifiċi huma disponibbli għal ċerti rikorsi. Ara:

https://justizonline.gv.at/jop/web/formulare/kategorie/2

https://portal.justiz.gv.at/at.gv.justiz.formulare/Justiz/Firmenbuch.aspx

F’din il-paġna mhuwiex possibbli li jiġu pprovduti dettalji tar-rekwiżiti formali u ta’ kontenut kollha li r-rikorsi għar-reġistru kummerċjali jridu jissodisfaw, minbarra l-informazzjoni bażika stabbilita hawn fuq. Jekk teħtieġ parir f’dan il-qasam, jekk jogħġbok ikkuntattja nutar jew avukat.

Kif jiġu riveduti r-rikorsi ppreżentati?

Ir-rikorsi huma soġġetti għal rieżami formali u sostantiv mill-qorti kompetenti tar-reġistru kummerċjali. Dawn huma l-qrati tal-prim’istanza responsabbli biex jittrattaw kwistjonijiet kummerċjali (qrati reġjonali(Landesgerichte)). Il-ġuriżdizzjoni territorjali tiġi ddeterminata abbażi tal-post tal-uffiċċju prinċipali jew tal-uffiċċju rreġistrat tal-entità ġuridika li jkun iddaħħal jew li jrid jiddaħħal fir-reġistru kummerċjali.

Fir-reġistru kummerċjali d-deċiżjonijiet jittieħdu minn imħallfin jew uffiċjali ġudizzjarji. Jekk rikors ma jkunx jista’ jiġi approvat minħabba nuqqasijiet, il-qorti tista’ titlob lir-rikorrent biex jikkoreġi r-rikors.

Effetti legali tar-reġistrazzjoni

Effett tal-entrati fuq partijiet terzi skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2017/1132

L-effetti tal-entrati fir-reġistru kummerċjali fil-konfront ta’ terzi huma rregolati mill-Artikolu 15 tal-Kodiċi tal-Kummerċjali, li jistipula li fatt li kellu jiddaħħal fir-reġistru kummerċjali, iżda li ma ddaħħalx, ma jistax jiġi invokat mill-kumpanija kkonċernata kontra terzi, sakemm dawk it-terzi ma kinux diġà konxji tal-fatt inkwistjoni (il-paragrafu 1). Ladarba fatt jiddaħħal, it-terzi jridu jaċċettaw il-fatt bħala vinkolanti għalihom. Madankollu, dan ma japplikax għal atti legali mwettqa fi żmien 15-il jum mid-dħul, sakemm il-parti terza turi li la kienet konxja u lanqas kellha tkun konxja tal-fatt (il-paragrafu 2). Il-kumpanija trid taċċetta wkoll entrati inkorretti bħala vinkolanti fil-konfront ta’ terzi fi tranżazzjonijiet kummerċjali jekk għamlet l-entrata inkorretta hija stess jew ma ħassritx entrata li kienet taf jew imissha kienet taf li kienet inkorretta. Madankollu, il-kumpanija ma għandhiex għalfejn taċċetta entrati inkorretti bħala vinkolanti fuqha jekk tista’ turi jew li l-parti terza aġixxiet mingħajr ma bbażat ruħha fuq l-entrata, jew li l-parti terza kienet taf li kienet inkorretta jew li ma kinitx taf minħabba negliġenza gravi (il-paragrafu 3).

Il-verżjoni vinkolanti tal-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ AG jew GmbH tkun dejjem dik li tidher fir-reġistru kummerċjali, peress li kull emenda għall-istatut ta’ assoċjazzjoni ma jkollha l-ebda effett legali qabel ma tiddaħħal fir-reġistru kummerċjali (l-Artikolu148 (3) tal-Att dwar il-Kumpaniji Pubbliċi b’Responsabbiltà Limitata (Aktiengesetz — AktG), l-Artikolu 49 (2) tal-Att dwar il-Kumpaniji Privati b’Responsabbiltà Limitata (GmbH-Gesetz – GmbHG)).

Id-diskrepanzi bejn l-entrata fir-reġistru u l-pubblikazzjoni tagħha

Peress li l-entrati fir-reġistru kummerċjali mill-bażi tad-data tar-reġistru kummerċjali jintbagħtu direttament lill-midja addizzjonali tal-pubblikazzjoni (bażi tad-data tal-avviżi legali (Ediktsdatei) u l-Gazzetta Uffiċjali Wiener Zeitung) bl-użu ta’ proċess appoġġat mill-IT, id-diskrepanzi bejn il-kontenut tal-entrata fir-reġistru kummerċjali u l-kontenut tal-pubblikazzjoni addizzjonali jistgħu jiġu prattikament esklużi. Jekk madankollu tinqala’ diskrepanza, l-entrata fir-reġistru kummerċjali tieħu preċedenza.

Min għandu r-responsabbiltà għall-preċiżjoni tar-rekords?

Fil-prinċipju, kull imprenditur huwa obbligat li jiżgura li l-fatti dwaru li jiddaħħlu fir-reġistru kummerċjali jkunu korretti u aġġornati. Jekk dawn il-fatti jinbidlu, ir-reġistru kummerċjali jrid jiġi nnotifikat mingħajr dewmien. Jekk persuna li hija obbligata tinnotifika lir-reġistru kummerċjali b’fatt tonqos milli tippreżenta rikors għal dan l-għan, hija tista’ tiġi mġiegħla tagħmel dan permezz tal-impożizzjoni ta’ multi.

Proċeduri tal-protezzjoni tad-data

Il-proċeduri relatati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data rigward il-pubblikazzjoni u l-ħżin tad-data personali tiegħu

Kwalunkwe intitolament għall-protezzjoni tad-data huwa rregolat primarjament mid-dispożizzjonijiet tal-proċedura tar-reġistru kummerċjali ġudizzjarju (ara l-Artikolu 84 tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qorti (Gerichtsorganisationsgesetz)).

Informazzjoni ta’ kuntatt

Il-Qorti tar-reġistru kummerċjali b’ġuriżdizzjoni territorjali għal entità ġuridika partikolari (ara l-informazzjoni taħt il-mistoqsija “Kif jiġu rieżaminati r-rikorsi?”) tista’ tiġi ddeterminata bl-użu tal-funzjoni tat-tfittxija tal-qorti (Gerichtssuche) fuq il-pjattaforma “JustizOnline”. Ara:

https://justizonline.gv.at/jop/web/home

Links siewja

https://www.justiz.gv.at/home/service/firmenbuch~36f.de.html

https://justizonline.gv.at/jop/web/firmenbuchabfrage

L-aħħar aġġornament: 24/10/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.