Informazzjoni dwar it-tneħħija legali tal-minuri

Bulgarija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Meta ż-żewġ ġenituri jeżerċitaw id-drittijiet ta’ kustodja flimkien u separatament, huma suppost jiddeċiedu b’mod konġunt dwar it-tneħħija tal-minuri lejn stat ieħor.

Fejn il-ġenituri ma jgħixux flimkien, jistgħu jilħqu ftehim dwar il-post ta’ residenza, il-kustodja u l-aċċess għat-tifel/tifla u javviċinaw lill-qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni dwar l-indirizz preżenti tat-tifel/tifla biex tapprova l-ftehim tagħhom.

Meta l-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, it-tilwima tiġi deċiża minn qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni fuq l-indirizz preżenti tat-tifel/tifla, li tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza tat-tfal, l-eżerċitar tad-drittijiet tal-kustodja u l-aċċess għat-tfal.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Irrispettivament minn jekk il-ġenituri jeżerċitawx id-drittijiet ta’ kustodja b’mod konġunt jew jekk il-qorti tkunx approvat ftehim jew tkun ħarġet deċiżjoni li tagħti l-eżerċizzju tagħhom lil wieħed mill-ġenituri biss u li tiddetermina li l-post tar-residenza tat-tfal għandu jkun ma’ dak il-ġenitur, il-kunsens tal-ġenitur li ma jeżerċitax id-drittijiet ta’ kustodja huwa wkoll meħtieġ għat-tneħħija tal-wild mit-territorju tal-Bulgarija, u dan il-kunsens irid jingħata bil-miktub bil-firma notarili tal-ġenituri (il-punt 9 tal-Artikolu 76 tal-Att Bulgaru dwar id-Dokumenti Personali (Zakon za bulgarskite lichni dokumenti)).

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Jekk il-ġenituri ma jaqblux mat-tneħħija tal-wild għal stat ieħor, it-tilwima tiġi deċiża skont il-proċedura tal-Artikolu 127a tal-Kodiċi tal-Familja (Semeen kodeks) (SK), u jekk ma jaqblux dwar il-post ta’ residenza tal-minuri, tapplika l-proċedura tal-Artikolu 127(2) jew tal-Artikolu 59 tas-SK.

Meta l-qorti tissostitwixxi l-kunsens tal-ġenitur għall-ħruġ ta’ passaport tal-ivvjaġġar barrani u t-tneħħija ta’ minuri għal stat ieħor (irrispettivament mit-tul tal-vjaġġ), ir-rekwiżit ikun għall-eżistenza ta’ interess protett speċifikament tal-minuri meta jkun hemm il-kollokament tiegħu fi Stat ieħor li, min-naħa tiegħu, jeħtieġ li tali tneħħija tkun permessa għal perijodu ta’ żmien speċifikat, għal stat jew stati speċifikati fi ħdan firxa identifikabbli (eż. l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea), jew għal numru illimitat ta’ vjaġġi matul perjodu ta’ żmien speċifikat, iżda wkoll għal stati speċifikati.

F’konformità mal-istruzzjonijiet vinkolanti għall-interpretazzjoni tal-liġi, mogħtija fid-DEĊIŻJONI INTERPRETATTIVA Nru 1 tal-2016 tat-3 ta’ Lulju 2017 fil-Każ Interpretattiv Nru 1 dwar il-Lista tal-Assemblea Ġenerali tal-Kulleġġ Ċivili tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni għas-Sena 2016, il-qorti ma tistax tissostitwixxi b’mod definittiv il-kunsens tal-ġenitur u tippermetti l-ivvjaġġar għal perjodu illimitat ta’ żmien u territorju.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

L-Att Bulgaru dwar id-Dokumenti Personali jeħtieġ kunsens mill-ġenitur li ma jakkumpanjax il-minuri fuq il-vjaġġ permezz ta’ dikjarazzjoni notarizzata irrispettivament miċ-ċirkostanzi speċifiċi tat-tneħħija tal-minuri lejn stat ieħor.

Tali tneħħija tista’ tkun temporanja, u wara il-minuri j/tirritorna lejn il-Bulgarija mingħajr ma j/tittrasferixxi r-residenza tiegħu/tagħha lejn stat ieħor. Meta l-minuri jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għal eskursjoni, vaganza, żjarat lil qraba, studju, avvenimenti kulturali jew sportivi, kompetizzjonijiet, kura tas-saħħa, eċċ. u l-partijiet ma jaqblux, il-qorti tagħmel valutazzjoni tar-raġunament għat-talba. Jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li l-minuri huma f’riskju speċifiku u reali, il-qorti tiddetermina l-parametri tal-permess. F’każijiet ta’ tneħħija temporanja ta’ minuri lejn Stat ieħor, ftit li xejn huwa probabbli li d-dritt tal-minuri li jivvjaġġaw ikun f’kunflitt mad-dritt ta’ aċċess tal-ġenitur, u anki jekk iseħħ dan il-kunflitt, jekk l-ivvjaġġar tal-minuri jkun fl-aħjar interess tagħhom, il-ġenitur affettwat ikollu jittollera tali restrizzjoni temporanja tad-drittijiet tiegħu jew tagħha.

L-għan ta’ din it-tneħħija jista’ jkun ukoll it-trasferiment tar-residenza tal-minuri lejn stat ieħor. Meta jiġu eżaminati l-kwistjonijiet li jikkonċernaw it-tneħħija ta’ minuri lejn stat ieħor u, għaldaqstant, il-ħruġ tad-dokumenti personali meħtieġa, jenħtieġ li l-permess għat-tneħħija tal-qorti ma jagħtix lok għal trasferiment tar-residenza tal-minuri sakemm it-talba għal permess ma tkunx akkumpanjata minn talba għal trasferiment tar-residenza tal-minuri. Id-determinazzjoni ta’ post ta’ residenza għall-minuri tirrifletti l-aħjar interess tal-minuri li jiġu integrati f’ambjent familjari u soċjali u tippresupponi karattru dewwiemi tal-istabbiliment.

L-aħħar aġġornament: 22/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.