Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Lil min għandek tikkuntattja?

Għal informazzjoni dwar il-medjazzjoni f’Ċipru, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku (Ypourgeío Dikaiosýnis kai Dimosías Táxeos), il-Kamra tal-Avukati ta’ Ċipru (Pankýprios Dikigorikós Sýllogos), il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Ċipru (Kypriako Emporikó kai Viomichanikó Epimelitírio) jew il-Kamra Teknika Xjentifika ta’ Ċipru (Epistimonikó Technikó Epimelitírio Kýprou).

F’liema qasam l-użu tal-medjazzjoni huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni?

Dment li l-partijiet involuti jagħtu l-kunsens tagħhom, jista’ jsir użu tal-medjazzjoni sabiex tiġi solvuta kwalunkwe tilwima ċivili, kemm jekk transfruntiera kif ukoll jekk le, inkluż tilwim kummerċjali. Il-liġi la tapplika għal tilwim familjari u lanqas għal tilwim industrijali li ma jaqgħux taħt tilwim transfruntier.

Hemm regoli speċifiċi li wieħed irid isegwi?

F’konformità mal-Liġi dwar Ċerti Materji ta’ Medjazzjoni f’Tilwim Ċivili tal-2012 (il-Liġi 159(I)/2012), il-partijiet jaħtru medjatur b’mod kunsenswali. Il-proċedura hija informali. F’konsultazzjoni mal-medjatur, il-partijiet jaqblu dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita, id-dewmien tagħha, l-obbligu tal-kunfidenzjalità tal-proċedura, ir-rimunerazzjoni tal-medjatur u l-kundizzjonijiet tal-ħlas, u kwalunkwe kwistjoni oħra li jqisu li tkun meħtieġa.

X’inhu l-prezz tal-medjazzjoni?

F’konformità mal-liġi, qabel ma tinbeda l-proċedura ta’ medjazzjoni, il-partijiet jaqblu dwar diversi punti, f’konsultazzjoni mal-medjatur, inkluż dwar kif għandhom jiġu stabbiliti r-rimunerazzjoni tal-medjatur u l-kundizzjonijiet tal-ħlas tal-medjatur, u kwalunkwe spiża oħra tal-proċedura. Ma hemmx l-ebda prezz fiss għall-medjazzjoni; bażikament jiddependi mill-kumplessità tal-każ.

Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni?

Jekk il-partijiet isibu soluzzjoni bi ftehim, il-ftehim jitfassal mill-medjatur bil-miktub, u ż-żewġ partijiet flimkien, jew kwalunkwe waħda minnhom bil-kunsens espliċitu tal-parti l-oħra, tista’ tippreżenta lill-qorti talba għall-eżekuzzjoni tal-ftehim tas-soluzzjoni. F’dan il-każ, il-ftehim jiġi eżegwit bl-istess mod bħal deċiżjoni tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.