Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Iċ-Ċekja

Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-mod li kif ir-reġistru pubbliku huwa mqassam fir-Repubblika Ċeka. Ir-reġistru pubbliku jinkludi r-Reġistru tal-Assoċjazzjonijiet, ir-Reġistru tan-Negozji, ir-Reġistru tal-Fondazzjonijiet, ir-Reġistru tal-Istituzzjonijiet, ir-Reġistru tal-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tad-Djar u r-Reġistru tal-Karitajiet.

Il-kontenut ipprovdut minn
Iċ-Ċekja

L-istorja tar-reġistru tan-negozji tar-Repubblika Ċeka

Meta ġie stabbilit?

Il-forma attwali tar-reġistru tan-negozji ġejja mir-riformulazzjoni tal-liġi ċivili li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 bl-adozzjoni tal-Kodiċi Ċivili l-ġdid (l-Att Nru 89/2012) u l-leġiżlazzjoni relatata, b’mod partikolari l-Att Nru 90/2012 dwar il-korporazzjonijiet kummerċjali u l-Att Nru 304/2013 dwar ir-reġistri pubbliċi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi u dwar ir-reġistrazzjoni ta’ fondi fiduċjarji (“l-Att dwar ir-Reġistri”). Illum il-ġurnata, ir-reġistru tan-negozji huwa wieħed mill-hekk imsejħa reġistri pubbliċi u huwa suġġett għal regolamentazzjoni ġenerali skont l-Att dwar ir-Reġistri. Minbarra r-reġistru tan-negozji, dawn li ġejjin huma reġistri pubbliċi:

  • ir-Reġistru tal-Assoċjazzjonijiet, li jirreġistra d-dettalji ta’ assoċjazzjonijiet, trade unions, trade unions internazzjonali, organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, organizzazzjonijiet internazzjonali tal-impjegaturi u assoċjazzjonijiet sussidjarji;
  • ir-Reġistru tal-Fondazzjonijiet, li jirreġistra d-dettalji tal-fondazzjonijiet u tad-dotazzjonijiet;
  • ir-Reġistru tal-Istituti, li jirreġistra d-dettalji tal-istituti;
  • Ir-Reġistru tal-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tad-Djar, li jirreġistra d-dettalji tal-assoċjazzjonijiet tas-sidien;
  • ir-Reġistru tal-Karitajiet, li jirreġistra d-dettalji tal-organizzazzjonijiet tal-karità.

F’dan it-test, it-terminu “reġistru pubbliku” jindika wkoll ir-reġistru tan-negozji.

Mill-1 ta’ Jannar 2018, l-Att dwar ir-Reġistri jirregola wkoll ir-reġistrazzjoni ta’ fondi fiduċjarji (attività li, għall-kuntrarju tar-reġistri pubbliċi nfushom, hija pubblika biss parzjalment).

Minbarra l-Att dwar ir-Reġistri, hemm ukoll leġiżlazzjoni separata speċjali li tirregola r-reġistri pubbliċi għal tipi speċifiċi ta’ forom legali, jiġifieri reġistru tal-assoċjazzjonijiet tal-kaċċa (miżmum mill-awtoritajiet tal-Istat responsabbli għall-kaċċa, jiġifieri l-muniċipalitajiet rilevanti b’kompetenza estiża), reġistru tal-partiti politiċi u tal-movimenti (Miżmuma mill-Ministeru tal-Intern), reġistri ta’ knejjes reġistrati, organizzazzjonijiet ibbażati fuq ir-reliġjon u entitajiet legali oħra (miżmuma mill-Ministeru tal-Kultura) u reġistru tal-entitajiet legali edukattivi (miżmum mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport). Dawn ir-reġistri pubbliċi huma regolati u operati essenzjalment bl-istess mod bħar-reġistri pubbliċi koperti mill-Att dwar ir-Reġistri.

Minn perspettiva storika, il-ħolqien ta’ reġistru tan-negozji fit-territorju Ċek huwa marbut mal-kodifikazzjoni tal-liġi kummerċjali tal-1863 f’Cisleithania. Ir-reġistru tan-negozji ġie stabbilit permezz tal-Att Nru 1/1863 (il-Kodiċi Ġenerali tal-Kummerċ), li kien applikabbli wkoll f’pajjiżi oħra. L-Att introduċa l-obbligu li l-entitajiet jiddaħħlu fir-reġistru tan-negozji. Bħala riżultat ta’ bidla fis-sistema legali, fl-1950 ir-reġistru tan-negozji ġie kkonvertit f’reġistru tal-kumpaniji. Żviluppi soċjali u politiċi sussegwenti wasslu għall-istabbiliment mill-ġdid tar-reġistru tan-negozji fl-1992 abbażi tal-kunċett sottostanti kemm għar-reġistru tan-negozji oriġinali kif ukoll għar-reġistru tal-kumpaniji. Il-kunċett tar-reġistru tan-negozji tal-1992 bażikament kompla sal-ġurnata attwali u baqa’ jippersisti anke wara r-riformulazzjoni fl-2014 tad-dritt privat imsemmija hawn fuq.

Meta ġie ddiġitalizzat?

Għalkemm ma kien hemm l-ebda rekwiżit legali sal-1 ta’ Lulju 2005 biex ir-reġistru tan-negozji jinżamm f’forma elettronika, ilu jinżamm f’din il-forma sa mill-1 ta’ Jannar 1997. Ir-reġistru tan-negozji huwa sistema tal-informazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Huwa marbut ma’ reġistri bażiċi oħra (eż. ir-Reġistru tal-Persuni). Ir-reġistru bażiku fih data ta’ referenza, links ta’ referenza u identifikaturi ta’ persuni fiżiċi – u, fejn xieraq, data ta’ awtentikazzjoni, data operazzjonali u data statutorja oħra. Id-data ta’ referenza hija marbuta ma’ data li tinsab f’reġistri oħra, li tiżgura li dawn tal-aħħar ikunu interoperabbli. Dan ifisser li jekk id-data tinbidel f’reġistru wieħed, il-bidla awtomatikament tidħol fis-seħħ fir-reġistri bażiċi l-oħra li jkun fihom l-istess data. Eżempju komuni huwa bidla fl-isem, li tidħol fis-seħħ ukoll fir-reġistri bażiċi l-oħra.

F’ċerti każijiet, id-data dwar il-persuni reġistrati qabel l-1 ta’ Jannar 1997 tkun disponibbli biss fuq karta, peress li d-dokumenti jew id-data reġistrata ma ġietx diġitalizzata u ma hijiex aċċessibbli permezz tal-applikazzjoni tar-reġistri pubbliċi.

X’leġiżlazzjoni tapplika bħalissa?

Mir-riformulazzjoni tad-dritt privat fl-2014 ’l hawn, il-kontenut tar-reġistri pubbliċi (inkluż ir-reġistru tan-negozji) huwa rregolat mill-Att dwar ir-Reġistri. Ċerti aspetti tekniċi oħra huma koperti minn regolamenti ta’ implimentazzjoni, jiġifieri d-Digriet Nru 323/2013 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-formoli użati biex tintalab l-inklużjoni f’reġistru pubbliku jew biex jiġu emendati jew irtirati tali talbiet, u dwar ir-revoka ta’ ċerti digrieti, u r-Regolament tal-Gvern Nru 351/2013 li jiddetermina r-rata tal-imgħax prestabbilita, l-ispejjeż assoċjati mat-talbiet ta’ riċevibbli u t-tariffi tal-likwidaturi, il-fiduċjarji u l-membri tal-korpi ta’ entità legali maħtura mill-qorti, u li jirregola ċerti kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Gazzetta Kummerċjali [Obchodní věstník], ir-reġistri pubbliċi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi u r-reġistrazzjoni ta’ fondi fiduċjarji u ta’ sidien benefiċjarji.

Inċidentalment, ir-reġistru tas-sidien benefiċjarji tal-entitajiet legali ilu rregolat mill-1 ta’ Ġunju 2021 minn Att separat (Nru 37/2021 dwar ir-reġistru tas-sidien benefiċjarji). Mill-1 ta’ Jannar 2018 sa dik id-data, ir-reġistrazzjoni tas-sidien benefiċjarji kienet koperta mill-Att dwar ir-Reġistri.

X’informazzjoni jipprovdi r-reġistru?

Min għandu d-dritt li jara r-reġistru?

Kulħadd għandu d-dritt li jara r-reġistru tan-negozji u kwalunkwe reġistru pubbliku ieħor, u li jagħmel kopji tad-data li tinsab fih.

Minbarra l-qari dirett tar-reġistru tan-negozji, wieħed jista’ jara l-fajl rilevanti f’qorti. Madankollu, f’każ bħal dan, irid jintwera interess ġuridiku sabiex il-qorti kompetenti tagħti aċċess għall-fajl. Il-persuni li jagħtu prova tal-interess ġuridiku tagħhom jistgħu mbagħad jaraw il-fajl (inklużi l-annessi tiegħu u lista tal-partijiet kollha tiegħu) mingħajr restrizzjoni.

Minħabba l-livell għoli ta’ trasparenza u l-iżvelar kważi sħiħ tal-informazzjoni u d-dokumenti, huwa aktar prattiku li wieħed jara r-reġistru tan-negozji direttament, peress li kulħadd jista’ jagħmel dan u ma jeħtieġ li jintwera l-ebda interess ġuridiku.

X’informazzjoni fih ir-reġistru tan-negozji?

X’tip ta’ data tinżamm fih? (liema tipi ta’ entità huma rreġistrati f’reġistru pubbliku; issib informazzjoni dwar l-insolvenza, ir-rapporti finanzjarji eċċ.?)

Il-kumpaniji kollha (soċjetajiet f’isem kollettiv, soċjetajiet limitati, kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata) u l-fergħat u l-kooperattivi tagħhom, kif ukoll in-negozji u l-uffiċċji tal-fergħat ta’ entitajiet legali barranin li joperaw fir-Repubblika Ċeka, huma rreġistrati fir-reġistru tan-negozji. Il-persuni fiżiċi li jkollhom negozju fir-Repubblika Ċeka li japplikaw għar-reġistrazzjoni wkoll jiġu rreġistrati fir-reġistru tan-negozji.

In-negozji jew il-fergħat jiġu rreġistrati fir-reġistru tan-negozji biss jekk ikunu stabbiliti. In-negozji jew il-fergħat ta’ entitajiet legali barranin li l-uffiċċju reġistrat tagħhom jinsab barra mill-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea jridu jiġu rreġistrati fir-reġistru tan-negozji. Jekk entità legali barranija li taqa’ f’dik il-kategorija ma tkunx irrilokat in-negozju tagħha jew parti minnu lejn ir-Repubblika Ċeka, l-entità nnifisha tiġi rreġistrata fir-reġistru. In-negozji jew il-fergħat ta’ entitajiet legali barranin li l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab fl-UE jew fiż-ŻEE jiġu rreġistrati fir-reġistru biss jekk jitolbu dan.

Ir-reġistru tan-negozji fih informazzjoni dettaljata ħafna dwar il-persuni rreġistrati. Dan il-livell għoli ta’ trasparenza jippermetti livell għoli ta’ skrutinju pubbliku, li l-ħtieġa tiegħu hija pprovduta kemm mir-reġistru nnifsu kif ukoll mill-sbírka listin (ġabra ta’ dokumenti), li huwa repożitorju ta’ dokumenti importanti relatati ma’ persuni rreġistrati.

Fir-reġistri pubbliċi tiġi rreġistrata b’mod partikolari d-data li ġejja:

  • l-isem (jew l-isem tal-kumpanija) u l-uffiċċju reġistrat, u l-indirizz li fih il-persuna reġistrata tkun qed toqgħod jew tkun residenti
  • qasam ta’ attività jew ta’ negozju (inkella, deskrizzjoni tal-għan segwit mill-entità)
  • il-forma ġuridika tal-persuna ġuridika
  • id-data meta persuna ġuridika tiġi inkorporata (u xolta)
  • in-numru tat-twelid ta’ persuna fiżika jew in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ persuna ġuridika
  • l-isem u l-kompożizzjoni tal-bord maniġerjali, u l-proċedura biex jaġixxi f’isem persuna ġuridika
  • l-isem u l-kompożizzjoni tal-korp superviżorju
  • dettalji dwar l-aġent awtorizzat u l-mod li bih jaġixxi f’isem il-persuna ġuridika

Din il-lista ma hijiex eżawrjenti. Il-firxa ta’ informazzjoni reġistrata fir-reġistru tvarja skont il-forma li tieħu l-persuna ġuridika.

Fil-każ tar-reġistru tan-negozji, id-data reġistrata tinkludi wkoll dan li ġej:

  • l-ammont ta’ kapital azzjonarju ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata
  • l-ammont ta’ kontribuzzjoni ta’ azzjonist, u l-ammont effettivament imħallas
  • informazzjoni dwar l-irhna u drittijiet oħra in rem relatati ma’ sehem f’korporazzjoni kummerċjali li ma huwiex irrappreżentat minn titoli jew titoli b’entrata fil-kotba
  • informazzjoni dwar l-uffiċċji tal-fergħat.

Barra minn hekk, fir-reġistru tan-negozji tiġi rreġistrata wkoll informazzjoni dwar ix-xoljiment u t-tħassir ta’ persuna reġistrata:

  • id-dati meta persuna ġuridika tiġi annullata u xolta (f’kull każ tingħata r-raġuni legali għal tali azzjoni)
  • informazzjoni dwar meta bdew u tlestew il-proċedimenti ta’ likwidazzjoni (inkluża informazzjoni dettaljata dwar il-likwidatur)
  • informazzjoni dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza u l-bidu tagħhom, informazzjoni dwar il-prattikant fl-insolvenza, restrizzjonijiet li japplikaw għad-dritt ta’ debitur li jiddisponi mill-proprjetà ta’ insolvenza abbażi ta’ deċiżjoni ta’ qorti tal-insolvenza, dikjarazzjoni u annullament ta’ falliment, l-awtorizzazzjoni għar-riorganizzazzjoni, l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ dak il-pjan jew ta’ partijiet ewlenin minnu, mandati ta’ eżekuzzjoni mill-qorti li jaffettwaw is-sehem ta’ azzjonist ta’ kumpanija jew titolu eżekuttiv li jaffettwa s-sehem ta’ azzjonist ta’ kumpanija, kif ukoll deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-waqfien ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni jew avviżi li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ġew itterminati b’mezzi oħra minbarra l-waqfien (ir-raġuni għad-deċiżjoni trid tiġi ddikjarata); mandati ta’ eżekuzzjoni mill-qorti dwar il-bejgħ ta’ negozju jew ta’ parti minnu, jew titoli eżekuttivi rigward il-bejgħ ta’ negozju jew ta’ parti minnu, kif ukoll deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-waqfien ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni jew avviżi li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ġew itterminati b’mezzi oħra apparti l-waqfien (ir-raġuni għad-deċiżjoni trid tiġi ddikjarata), u deċiżjonijiet tal-qorti dwar miżuri interim li jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-disponiment ta’ sehem ta’ azzjonist f’kumpanija, ta’ negozju jew ta’ parti sostanzjali mill-assi ta’ kumpanija, kif ukoll ir-revoka jew it-terminazzjoni ta’ tali miżuri (ir-raġuni għad-deċiżjoni trid tiġi ddikjarata), u
  • ir-raġuni legali għat-tħassir ta’ persuna ġuridika mir-reġistru.

Jekk jinħatar fiduċjarju għal persuna ġuridika rreġistrata, il-qorti żżid informazzjoni dwar il-fiduċjarju fir-reġistru tan-negozji.

Jekk għal kwalunkwe raġuni persuna fiżika tiddaħħal fir-reġistru tan-negozji, id-data li ġejja tiġi rreġistrata wkoll fih: id-data tat-twelid, in-numru tat-twelid (jekk ikun assenjat) u l-indirizz tas-soġġorn jew tar-residenza (jekk dan tal-aħħar ikun differenti mill-indirizz tas-soġġorn). Madankollu, in-numri tat-twelid ma jiġux ippubblikati.

Fil-każ ta’ negozji jew fergħat ta’ entità legali barranija, il-ġuriżdizzjoni li taħtha ġiet stabbilita dik l-entità trid tiġi rreġistrata wkoll fir-reġistru tan-negozji.

Fil-każ ta’ persuni fiżiċi li jkunu membri ta’ bordijiet maniġerjali u ta’ korpi superviżorji, aġenti awtorizzati, membri ta’ soċjetajiet u azzjonisti ta’ kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, fir-reġistru tan-negozji trid tiddaħħal ukoll data dwar ir-residenza jew il-post permanenti ta’ soġġorn tagħhom u d-data tat-twelid tagħhom.

X’tipi ta’ dokumenti jinħażnu/jinżammu (fajls, ġabriet ta’ dokumenti, statuti, minuti ta’ laqgħat ġenerali, eċċ.)?

Ir-reġistri pubbliċi jinkludu ġabra ta’ dokumenti. Il-liġi tispeċifika liema dokumenti jridu jiġu ddepożitati fil-ġabra tad-dokumenti. Id-dokumenti prinċipali huma:

  • l-istrument ta’ kostituzzjoni (memorandum ta’ assoċjazzjoni, statut ta’ assoċjazzjoni, ċertifikat li jikkonċerna l-laqgħa kostitwenti ta’ kooperattiva, jew strument ieħor ta’ kostituzzjoni skont il-forma meħuda mill-persuna ġuridika) u l-istatuti tal-fondazzjonijiet, tad-dotazzjonijiet jew tal-istituti
  • deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-elezzjoni, it-tneħħija jew terminazzjoni oħra mill-kariga ta’ persuni li jkunu membri ta’ bord maniġerjali jew, fejn xieraq, ta’ persuni oħra li jkunu awtorizzati jidħlu f’impenji f’isem persuna ġuridika (eż. il-kap ta’ fergħa)
  • rapporti annwali
  • rapporti finanzjarji ordinarji, straordinarji u konsolidati
  • deċiżjonijiet relatati max-xoljiment ta’ persuna ġuridika, rapporti finali dwar il-proċedura ta’ likwidazzjoni u deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-ħatra tal-fiduċjarju tal-persuna ġuridika
  • deċiżjonijiet dwar il-konverżjoni ta’ persuna ġuridika u l-proġett ta’ konverżjoni, avviżi dwar iċ-ċaħda jew in-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-proġett ta’ konverżjoni, deċiżjonijiet tal-qorti dwar l-invalidità tal-proġett ta’ konverżjoni jew l-invalidità tar-riżoluzzjoni adottata fil-laqgħa ġenerali jew fil-laqgħa tal-membri li fiha ġie approvat il-proġett ta’ konverżjoni;
  • perizji dwar il-valwazzjoni ta’ kontribuzzjoni in natura meta jiġu stabbiliti fondazzjoni, dotazzjoni, istitut, kumpanija privata b’responsabbiltà limitata jew kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata jew meta jiżdied il-kapital azzjonarju jew il-kapital ta’ dotazzjoni tagħhom, perizji dwar il-valwazzjoni ta’ kontribuzzjoni in natura lil kooperattiva, perizji dwar il-valwazzjoni tal-assi meta l-kumpaniji u l-kooperattivi jiġu kkonvertiti, u opinjonijiet esperti dwar il-valwazzjoni tal-assi meta l-assi ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata jiġu akkwistati mill-fundaturi għal korrispettiv skont l-Att Nru 90/2012 dwar il-korporazzjonijiet kummerċjali
  • kwalunkwe deċiżjoni tal-qorti adottata fi proċedimenti ta’ insolvenza
  • deċiżjonijiet tal-qorti dwar l-invalidità ta’ deċiżjoni meħuda minn wieħed mill-korpi kostitwenti ta’ persuna ġuridika
  • dokumenti li jagħtu prova tax-xiri ta’ negozju skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili li jikkonċernaw tali xiri
  • deċiżjonijiet meħuda minn laqgħa ġenerali dwar l-eżenzjoni tal-impjegati milli jħallsu l-prezz sħiħ tal-ħruġ tal-ishma sottoskritti jew id-dritt tagħhom li jakkwistaw tali ishma fuq termini preferenzjali oħrajn.

Il-liġi tispeċifika liema dokumenti jridu jiġu ddepożitati fil-ġabra tad-dokumenti. B’mod ġenerali, dawn id-dokumenti għandhom influwenza fundamentali fuq l-inkorporazzjoni, ix-xoljiment u l-operat ta’ persuna ġuridika; dawn jindikaw min jista’ jirrappreżenta lill-persuna ġuridika u min huwa awtorizzat jidħol f’impenji f’isimha.

Kif nista’ nfittex fir-reġistru (u xi kriterji ta’ tiftix huma disponibbli)?

Personalment

Ir-reġistri pubbliċi huma aċċessibbli biss permezz ta’ applikazzjoni ta’ reġistri pubbliċi bbażata fuq l-internet. Id-data dwar il-persuni rreġistrati qabel l-1 ta’ Jannar 1997 tkun disponibbli f’forma stampata jekk ma tkunx ġiet diġitalizzata u tista’ ma tkunx aċċessibbli minn applikazzjoni ta’ reġistri pubbliċi bbażata fuq l-internet.

Fuq is-sit web tar-reġistru

It-tfittxijiet jistgħu jsiru mingħajr ħlas permezz tal-applikazzjoni fuq il-web tar-reġistri pubbliċi. L-entrati jistgħu jiġu mfittxija bl-isem jew bl-isem tal-kumpanija tal-entità reġistrata, bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuna jew bin-numru tal-fajl li taħtu l-persuna hija rreġistrata mal-qorti tar-reġistru kompetenti. It-tfittxijiet jistgħu jiġu rfinati permezz ta’ data addizzjonali dwar l-indirizz irreġistrat, l-isem tat-triq, il-qorti li fiha tkun irreġistrata l-entità, il-forma ġuridika ta’ din tal-aħħar, u l-bqija. Huwa possibbli wkoll li wieħed ifittex skont it-tip ta’ involviment f’persuna reġistrata: tista’ ssir tfittxija għal persuni fiżiċi u ġuridiċi reġistrati li jkunu involuti b’xi mod f’persuna ġuridika reġistrata.

Barra minn hekk, data miftuħa hija disponibbli fuq https://dataor.justice.cz/. Is-sett tad-data tas-sena kurrenti għall-katalogu lokali ta’ data miftuħa relatat mal-applikazzjoni tar-reġistri pubbliċi jiġi aġġornat kuljum. Jekk is-sett tad-data jkun marbut ma’ sena preċedenti, dan jiġi aġġornat kull sena (dejjem f’Jannar tas-sena kurrenti). Deskrizzjoni tas-sett tad-data tinstab fid-dettalji tas-sett tad-data. Il-kontenut tas-sett tad-data u deskrizzjoni tal-katalgu lokali tad-data miftuħa relatat mal-applikazzjoni tar-reġistri pubbliċi jinstabu fil-gwida għall-utenti disponibbli permezz tal-link li ġejja: https://dataor.justice.cz/files/ISVR_OpenData_Uzivatelska_prirucka.pdf.

X’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli?

Huwa possibbli li wieħed ifittex permezz tal-isem, l-isem tal-kumpanija jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuna reġistrata, jew bid-dettalji tal-persuna ġuridika jew fiżika involuta.

Kif nista’ nikseb id-dokumenti?

Is-servizz huwa bla ħlas?

Jista’ jinkiseb estratt parzjali jew sħiħ mir-reġistru pubbliku jew mill-ġabra tad-dokumenti. Estratt parzjali jkun fih biss l-aħħar data valida mdaħħla fil-Kodiċi Kummerċjali. Estratt sħiħ ikun fih id-data kollha mdaħħla għall-persuna kkonċernata.

Hemm xi ħlas involut?

Jintalab ħlas għal dan is-servizz biss jekk l-applikant jitlob kopja stampata. Madankollu, hemm ukoll ħlas biex jintbagħtu estratti f’forma elettronika lil kaxxa tad-data jew permezz tal-posta elettronika. Ma hemm l-ebda ħlas involut jekk l-applikant jipprovdi mezz ta’ data. Jekk, madankollu, il-qorti tibgħat estratt elettroniku fuq mezz ta’ data mhux ipprovdut mill-applikant (jiġifieri inkluż f’każijiet fejn il-qorti tibgħat l-estratt elettroniku permezz ta’ kaxxa tad-data jew posta elettronika), jiġi impost ħlas fuq il-bażi li l-ħruġ ta’ estratt iċċertifikat ma huwiex sempliċiment trasferiment ta’ data.

Kif nista’ nikseb estratt mir-reġistru, kopja ċertifikata jew traskrizzjoni tad-dokumenti?

Kopja ċċertifikata tista’ tinkiseb mingħajr ħlas mis-sit web tal-applikazzjoni tar-reġistri pubbliċi. Kemm il-kopji sħaħ kif ukoll dawk parzjali jistgħu jinkisbu b’dan il-mod. Jintalab ħlas biss jekk l-applikant jitlob kopja stampata. Il-kopji stampati huma suġġetti għal tariffa ta’ CZK 70 għal kull paġna (jew parti minn paġna) tal-kopja u jistgħu jintalbu fil-qorti tar-reġistru fejn il-persuna kkonċernata tkun irreġistrata.

Proċedimenti f’materji relatati mar-reġistru tan-negozji

Kif nista’ nibda proċedimenti f’materji relatati mar-reġistru tan-negozju (kif nista’ nippreżenta applikazzjoni lir-reġistru, kif iridu jiġu ċċertifikati d-dokumenti, liema tip ta’ dokumenti jeħtieġ li jiġu mehmuża)?

L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni inizjali, l-emendi u t-tħassir iridu jiġu ppreżentati bl-użu tal-formola preskritta disponibbli fuq is-sit web tal-applikazzjoni għar-reġistri pubbliċi. Il-formola tista’ timtela biss b’mod elettroniku. Ladarba timtela, il-formola li jkun fiha l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni trid tiġi ġġenerata u sottomessa f’forma stampata jew b’mod elettroniku.

Ir-reġistrazzjoni ssir jew mill-qorti tar-reġistru jew minn nutar. Bħala regola ġenerali, il-proċedimenti jinbdew abbażi ta’ rikors. F’xi każijiet, il-proċedimenti jistgħu jinbdew minn qorti fuq inizjattiva tagħha stess; dawn huma prinċipalment sitwazzjonijiet fejn il-qorti ssir taf b’diskrepanza bejn is-sitwazzjoni rreġistrata u dik attwali, jew fejn entrata ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet legali obbligatorji. Wara li jiġi ppreżentat ir-rikors, il-qorti tivverifika jekk għandhiex ġuriżdizzjoni fil-kawża, jekk ir-rikorrent għandux kapaċità ġuridika biex jissottometti r-rikors, jekk ir-rikors fihx id-dettalji kollha meħtieġa, u jekk id-dokumenti rilevanti humiex mehmuża. Jekk ir-rikors ikollu xi nuqqas li jista’ jiġi rrimedjat, il-qorti tistieden lir-rikorrent jirrimedjah (eż. billi jissottometti dokumenti nieqsa jew sabiex ineħħi n-nuqqasijiet fir-rikors). Il-qorti mbagħad tivverifika jekk id-data li trid tiġi rreġistrata abbażi tar-rikors hijiex sostnuta mid-dokumenti mehmuża u jekk l-isem (isem il-kumpanija) li jrid jiġi rreġistrat jistax jiġi konfuż ma’ isem ieħor jew huwiex qarrieqi. Il-qorti mbagħad tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni u tipproċessaha.

Reġistrazzjoni tista’ tiġi pproċessata minn nutar biss jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali (li mhux dejjem ikun il-każ). Il-vantaġġ ewlieni li r-reġistrazzjonijiet isiru minn nutar huwa li jiġu pproċessati malajr, peress li n-nutar jista’ jagħmel reġistrazzjoni fil-ġurnata stess li fiha jitfassal l-att notarili ta’ sostenn. Vantaġġ ieħor huwa li l-applikant ma jkunx meħtieġ jiġġenera applikazzjoni permezz tal-formola preskritta.

Nutar jista’ jagħmel reġistrazzjoni jekk:

  • il-fatti li jridu jiġu rreġistrati jkunu sostnuti minn att notarili;
  • l-att notarili jkun fih dikjarazzjoni li tgħid li l-kontenut tal-att notarili ta’ sostenn huwa legali; u
  • l-applikant ikun issodisfa formalitajiet oħrajn billi ppreżenta d-dokumenti rilevanti.

Att notarili ta’ sostenn huwa att notarili (tipikament strument ta’ kostituzzjoni) li jservi bħala bażi għar-reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku, jew rekord ta’ deċiżjoni meħuda minn korp li jifforma parti minn persuna ġuridika (eż. deċiżjoni ta’ laqgħa ġenerali li tkeċċi bord maniġerjali). Mhux l-istrumenti legali kollha meħtieġa jkunu fil-forma ta’ dokument pubbliku (att notarili). Madankollu, dan ma jeskludix il-possibbiltà li jinħareġ att notarili bħala strument legali, anke meta dan ma jkunx meħtieġ mil-liġi. Att notarili jista’ jieħu wkoll il-forma ta’ att notarili ta’ sostenn u jintuża għar-reġistrazzjoni diretta minn nutar.

Fi kwalunkwe każ, dawn li ġejjin iridu jiġu mehmuża mal-applikazzjoni:

  1. dokumenti li jagħtu prova tal-fatti li jridu jiġu rreġistrati, u
  2. id-dokumenti li l-liġi tirrikjedi li jiġu ddepożitati fil-ġabra tad-dokumenti.

Il-liġi ma telenkax id-dokumenti kollha meħtieġa. Id-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati jvarjaw skont il-forma tal-persuna ġuridika. B’mod ġenerali, provi dokumentarji jkunu meħtieġa għal kwalunkwe fatt li jrid jiġi rreġistrat li ma jistax jiġi aċċertat minn sistema ta’ informazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika jew parti minnha li tikkostitwixxi rekord, reġistru jew lista pubblika.

Fost rekords oħra, iridu jiġu prodotti liċenzji kummerċjali jew liċenzji oħra tan-negozju fir-rigward tal-oqsma tan-negozju jew tal-attivitajiet li jridu jiġu rreġistrati fir-reġistru tan-negozji.

Pereżempju, il-kunsens għar-reġistrazzjoni tal-membri ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata ma għandux għalfejn jiġi ddokumentat, peress li tali kunsens jintwera permezz tal-konklużjoni ta’ strument ta’ inkorporazzjoni fil-forma ta’ att notarili. Meta dan il-kunsens ma jingħatax abbażi ta’ dikjarazzjoni ċċertifikata minn att pubbliku, il-firma tal-membri fuq id-dokument ta’ kunsens trid tiġi awtentikata.

Ir-raġuni legali għall-użu tal-bini fejn korporazzjoni jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha trid tiġi dokumentata wkoll. Dan ifisser li jekk korporazzjoni jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’bini li jkun kopert minn ftehim ta’ lokazzjoni, jew il-ftehim ta’ lokazzjoni jew dikjarazzjoni mis-sid li tagħti l-kunsens għall-użu tal-bini bħala uffiċċju reġistrat trid tiġi pprovduta bħala r-raġuni legali għall-użu tal-bini.

Ċerti fatti li jridu jiġu rreġistrati jistgħu jiġu ddokumentati biss permezz ta’ affidavit. Dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà relatati mal-korpi kostitwenti ta’ persuna ġuridika.

B’mod ġenerali, id-dokumenti li jintużaw biex jissostanzjaw id-data rreġistrata jridu jiġu ppreżentati fil-forma oriġinali tagħhom jew bħala kopja tagħhom awtentikata uffiċjalment. Id-dokumenti li huma meħtieġa bil-liġi li jiġu ddepożitati fil-ġa tad-dokumenti ma għandhomx għalfejn jiġu awtentikati. Dawn id-dokumenti huma sempliċiment sottomessi f’forma elettronika f’Portable Document Format (pdf.) b’saff ta’ test, jew f’Extensible Hypertext Markup Language (XHTML).

Għal kull entrata fir-reġistru jintalbu t-tariffi tal-qorti li ġejjin:

  • CZK 12 000 għar-reġistrazzjoni inizjali ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata f’reġistru pubbliku
  • CZK 6 000 għar-reġistrazzjoni inizjali ta’ persuna f’reġistru pubbliku, bl-eċċezzjoni ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata
  • CZK 2 000 għal bidliet jew żidiet f’reġistrazzjoni.

Tariffi għar-reġistrazzjoni minn nutar:

  • CZK 8 000 għar-reġistrazzjoni inizjali ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata f’reġistru pubbliku
  • CZK 2 700 għar-reġistrazzjoni inizjali ta’ persuna f’reġistru pubbliku, bl-eċċezzjoni ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata
  • CZK 1 000 għal bidliet jew żidiet f’reġistrazzjoni.

Jistgħu jitħallsu t-tariffi tal-qorti sa CZK 5,000 permezz ta’ taxxa tal-boll jew bi trasferiment fil-kont bankarju rilevanti tal-qorti. It-tariffi tal-qorti li jaqbżu CZK 5 000 iridu jitħallsu esklussivament permezz ta’ trasferiment fil-kont bankarju rilevanti tal-qorti. It-tariffi għar-reġistrazzjoni minn nutar jistgħu jitħallsu direttament lin-nutar.

Il-proċedimenti f’materji relatati ma’ reġistru pubbliku huma eżentati mit-tariffi jekk:

  1. ir-reġistrazzjoni tikkonċerna entità fiżika jew ġuridika li hija suġġetta għal proċediment ta’ insolvenza, li permezz tiegħu l-insolvenza jew l-insolvenza imminenti tagħha tkun qed tiġi ttrattata u tkun diġà nħarġet deċiżjoni li tiddikjara l-insolvenza, jew
  2. ir-reġistrazzjoni tikkonċerna assoċjazzjoni, assoċjazzjoni sussidjarja, trade union, trade union internazzjonali, organizzazzjoni tal-impjegaturi jew organizzazzjoni internazzjonali tal-impjegaturi, fondazzjoni, dotazzjoni, istitut jew organizzazzjoni tal-karità mdaħħla f’reġistru pubbliku, jew bidliet f’dak ir-reġistru.

Il-proċedimenti li fihom l-applikant ikun trade union, trade union internazzjonali, organizzazzjoni tal-impjegaturi jew organizzazzjoni internazzjonali tal-impjegaturi (jew fergħa tagħhom) huma eżentati minn tariffi meta tali korpi jiġu rreġistrati fir-reġistru pubbliku bħala li ġew inkorporati, immodifikati b’xi mod jew likwidati.

L-istess kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mit-tariffi japplikaw fil-każ ta’ reġistrazzjoni minn nutar. Ir-reġistrazzjoni minn nutar abbażi ta’ att notarili li jikkonċerna l-kostituzzjoni ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata li jkun fih biss id-dettalji meħtieġa preskritti mill-Kodiċi Ċivili u mill-Att dwar il-Korporazzjonijiet u li jiddikjara li l-obbligu li tingħata kontribuzzjoni jrid jiġi ssodisfat bil-ħlas fi flus hija wkoll eżentata mit-tariffi.

Personalment

L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku jistgħu jiġu ppreżentati personalment lid-dipartiment tas-sottomissjonijiet tal-qorti tar-reġistru kompetenti jew lil nutar.

Online

L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jistgħu jiġu ppreżentati b’mod elettroniku. L-applikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jiġu ppreżentati primarjament permezz tal-kaxxa tad-data, fl-indirizz elettroniku tad-dipartiment tas-sottomissjonijiet tal-qorti jew permezz tal-applikazzjoni fuq l-internet tal-ePodatelna. L-applikazzjoni fuq il-web tar-reġistri pubbliċi tista’ tintuża għas-sottomissjoni ta’ dokumenti li jridu jiġu ddepożitati fil-ġabra ta’ dokumenti. Id-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fuq CDs u fuq DVDs portabbli. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni f’forma elettronika jridu jiġu ffirmati b’firma elettronika rikonoxxuta sakemm ma jintbagħtux permezz tal-kaxxa tad-data tal-applikant.

Kif jiġu rrieżaminati l-applikazzjonijiet sottomessi?

Il-qorti tar-reġistru l-ewwel teżamina jekk il-persuna li tippreżenta l-applikazzjoni hijiex intitolata tagħmel dan; jekk ġietx ippreżentata bil-mod preskritt, jekk fihiex id-dettalji kollha meħtieġa, jekk tkunx tinftiehem u speċifika, jekk tkunx akkumpanjata minn dokumenti li jsostnu l-fatti li jridu jiġu rreġistrati, u jekk l-għan segwit mill-persuna ġuridika huwiex legali.

Il-qorti mbagħad teżamina jekk id-data li trid tiġi rreġistrata abbażi tal-applikazzjoni hijiex fil-fatt sostnuta mid-dokumenti mehmuża. Huwa importanti li jiġi nnotat li l-fatti kollha li jridu jiġu rreġistrati jridu jkunu sostnuti mid-dokumenti mehmuża mal-applikazzjoni.

Il-qorti tivverifika wkoll li l-isem tal-persuna ġuridika (l-isem tal-kumpanija) li trid tiġi rreġistrata ma jiġix konfuż ma’ isem ieħor (l-isem tal-kumpanija) ta’ persuna diġà reġistrata u li l-isem (l-isem tal-kumpanija) li jrid jiġi rreġistrat ma jkunx qarrieqi.

L-effetti legali tar-reġistrazzjoni

L-effett tar-reġistrazzjoni fuq partijiet terzi skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2017/1132

L-istat tar-reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku huwa stat legalment validu għall-persuni kollha li ma jkunux jafu li l-istat tar-reġistrazzjoni ta’ entità rreġistrata partikolari ma jikkorrispondix għas-sitwazzjoni legali reali. Dan ifisser li l-persuni reġistrati jkunu marbuta b’atti legali implimentati abbażi ta’ fatti reġistrati f’reġistru pubbliku, anke jekk ma jikkorrispondux għas-sitwazzjoni reali. Pereżempju, il-bord maniġerjali ta’ kumpanija jista’ jirrikjedi li l-kumpanija timplimenta atti legali anke wara li ma jkunx għadu l-bord maniġerjali, jekk dan il-fatt ma jkunx iddaħħal fir-reġistru pubbliku u parti terza ma tkunx taf b’dan il-fatt. Dan isir biex tiġi protetta l-bona fide tal-partijiet terzi.

Jekk fatt ma jkunx iddaħħal f’reġistru pubbliku (anke jekk kellu jiddaħħal), il-persuna reġistrata ma tistax tikkwota s-sitwazzjoni reali bħala oġġezzjoni kontra parti terza li aġixxiet in bona fide fir-rigward tas-sitwazzjoni reġistrata. Madankollu, dan ma japplikax jekk il-persuna reġistrata turi li l-parti terza kienet taf bis-sitwazzjoni reali.

Diskrepanzi bejn l-entrata f’reġistru u l-forma ppubblikata tagħha

Is-sitwazzjoni rreġistrata f’reġistru pubbliku hija effettiva fil-konfront ta’ partijiet terzi mid-data meta ssir pubblika. Madankollu, persuna rreġistrata tista’ toġġezzjona li parti terza kienet diġà taf il-fatti rreġistrati. Id-data u l-kontenut tad-dokumenti ddepożitati fil-ġabra tad-dokumenti ma jistgħux jiġu ċċitati mill-persuna reġistrata bħala raġunijiet għal oġġezzjoni kontra partijiet terzi sas-16-il jum wara li jkunu saru pubbliċi, iżda biss jekk il-parti terza turi li ma setgħetx issir taf bil-fatti reġistrati f’dak il-perjodu ta’ żmien. Dan ifisser li l-oneru tal-prova li l-parti terza ma setgħetx tkun taf dwar il-fatti reġistrati jaqa’ fuq il-parti terza.

Min huwa responsabbli għall-akkuratezza tal-entrati?

Il-persuni reġistrati huma meħtieġa jiżguraw li d-data mdaħħla fir-reġistru tan-negozji tkun aġġornata. Barra minn hekk, il-persuni reġistrati għandhom inċentiv biex jiżguraw li d-data fir-reġistru tan-negozji tkun aġġornata u korretta, peress li l-istat ta’ reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku huwa stat legalment validu għall-persuni kollha li ma jkunux jafu li l-istat tar-reġistrazzjoni ta’ entità reġistrata partikolari ma jikkorrispondix għas-sitwazzjoni legali reali. Dan ifisser li l-persuni reġistrati jkunu marbuta b’atti legali implimentati abbażi ta’ fatti reġistrati f’reġistru pubbliku, anke jekk ma jikkorrispondux għas-sitwazzjoni reali. Pereżempju, il-bord maniġerjali ta’ kumpanija jista’ jirrikjedi li l-kumpanija timplimenta atti legali anke wara li ma jkunx għadu l-bord maniġerjali, jekk dan il-fatt ma jkunx iddaħħal fir-reġistru pubbliku u parti terza ma tkunx taf b’dan il-fatt. Dan isir biex tiġi protetta l-bona fide tal-partijiet terzi.

Multa amministrattiva tista’ tiġi imposta wkoll fuq persuna reġistrata jekk din tal-aħħar tonqos milli twieġeb għal sejħa minn qorti tar-reġistru biex tiżvela fatti jew tissottometti dokumenti meħtieġa għal deċiżjoni fi proċedimenti mibdija fuq inizjattiva proprja tal-qorti jew biex tissottometti dokumenti li, skont din il-liġi jew kwalunkwe liġi oħra, iridu jiġu ddepożitati fil-ġabra tad-dokumenti; il-multi amministrattivi jistgħu jammontaw għal CZK 100 000. Jekk il-persuna reġistrata tonqos ripetutament milli tikkonforma ma’ tali rekwiżiti jew jekk in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkollu konsegwenzi serji għal partijiet terzi u jekk jeżisti interess legali korrispondenti, il-qorti tar-reġistru tista’ (inkluż fuq inizjattiva proprja) tibda proċedimenti bil-għan li tillikwida persuna ġuridika. Il-qorti tar-reġistru tagħti parir lill-persuna reġistrata dwar dan il-fatt u tagħtiha perjodu ta’ żmien raġonevoli biex tirrimedja n-nuqqasijiet.

Il-qrati tar-reġistru jiġġieldu b’mod attiv ukoll l-eżistenza ta’ kumpaniji inattivi, jiġifieri korporazzjonijiet li ma jiġġeneraw l-ebda attività ekonomika u li jeżistu biss formalment. Ir-raġuni ewlenija għall-penalizzazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ korporazzjonijiet inattivi hija r-riskju li dawn jistgħu jservu bħala kurrieri ta’ flus għall-frodi finanzjarja (speċjalment tat-taxxa); huwa aktar faċli li jintużaw korporazzjonijiet eżistenti għal attivitajiet illegali. Qorti tista’ xxolji korporazzjoni li (1) tkun naqset milli tiddepożita r-rapporti finanzjarji tagħha fil-ġabra ta’ dokumenti għal mill-inqas sentejn fiskali, minkejja li tkun meħtieġa tagħmel dan bil-liġi; (2) ma setgħetx tiġi kkuntattjata. Korporazzjoni titqies li ma tistax tiġi kkuntattjata jekk ma tkunx tista’ tiġi nnotifikata b’sejħa biex tippreżenta rapporti finanzjarji neqsin fil-ġabra tad-dokumenti. Jekk korporazzjoni tkun sempliċiment naqset milli tiddepożita r-rapporti finanzjarji tagħha (minkejja li tkun meħtieġa tagħmel dan bil-liġi) iżda tista’ tiġi nnotifikata b’sejħa, il-qorti timponi multa amministrattiva bħala inċentiv għall-persuna reġistrata biex tissottometti d-dokumenti meħtieġa.

Jekk fatt ma jkunx iddaħħal f’reġistru pubbliku (anke jekk kellu jiddaħħal), il-persuna reġistrata ma tistax tikkwota s-sitwazzjoni reali bħala oġġezzjoni kontra parti terza li aġixxiet in bona fide fir-rigward tas-sitwazzjoni reġistrata. Madankollu, dan ma japplikax jekk il-persuna li trid tiġi rreġistrata turi li l-parti terza kienet taf bis-sitwazzjoni reali.

Barra minn hekk, tista’ tiġi imposta penali għal reat amministrattiv skont §l-Artikolu 37a(1)(h) tal-Att Nru 563/1991 dwar il-kontabilità, fil-forma ta’ multa sa 3 % tal-valur tal-assi; l-awtorità tat-taxxa kompetenti hija responsabbli biex tittratta reati amministrattivi. In-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti relatati ma’ reġistru pubbliku jista’ jiġi ppenalizzat ukoll bħala reat amministrattiv skont §l-Artikolu 9(2) tal-Att Nru 251/2016 dwar ċerti reati amministrattivi; l-awtorità kompetenti għal każijiet bħal dawn hija muniċipalità b’kompetenza estiża. F’ċerti ċirkostanzi, tali reati jistgħu jikkostitwixxu reat kriminali (§l-Artikolu 254 tal-Att Nru 40/2009 – il-Kodiċi Kriminali).

Proċeduri għall-protezzjoni tad-data

Proċeduri relatati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data rigward il-pubblikazzjoni u l-ħżin tad-data personali tiegħu

Mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data (ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data – GDPR)), il-bażi ġuridika għal tali pproċessar hija l-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR (jiġifieri l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur) u (e) tal-GDPR (l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fil-kontrollur) flimkien mal-Artikolu 6(3) tal-GDPR, jiġifieri huwa mod ta’ pproċessar li huwa stabbilit direttament mil-liġi.

Ir-raġunijiet li għalihom id-data personali ta’ persuni fiżiċi – inkluża d-data dwar ir-residenza (il-post ta’ soġġorn) – tiġi ppubblikata fir-reġistri pubbliċi jirriżultaw mill-prinċipju ta’ divulgazzjoni kemm formali (§l-Artikoli 3 sa 6 tal-Att dwar ir-Reġistri Pubbliċi) kif ukoll materjali (§l-Artikoli 8 u 9 tal-Att dwar ir-Reġistri Pubbliċi), li jfisser li l-Istat jippermetti lill-persuni kollha jkollhom aċċess ġenerali għad-data ta’ entitajiet individwali mdaħħla fir-reġistru u, fl-istess ħin, iżomm il-prinċipju ta’ bona fide (fiduċja pubblika) fil-fatti reġistrati, sabiex id-data personali mir-reġistru tan-negozji tkun tista’, pereżempju, tintuża biex tiġi vverifikata l-korrettezza tad-data ta’ identifikazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali, biex jitwasslu dokumenti uffiċjali lill-membri tal-bordijiet maniġerjali, eċċ.).

Barra minn hekk, id-divulgazzjoni tal-identità tal-membri tal-bordijiet maniġerjali ilha meħtieġa skont id-dritt Ewropew (ara b’mod partikolari l-Artikolu 14(d) u l-Artikolu 30(1)(e) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji, li fih ukoll emenda għad-Direttiva preċedenti tal-Kunsill 68/151/KEE); fil-kuntest tal-liġi Ċeka, ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva japplikaw ukoll għall-entitajiet reġistrati fir-reġistri pubbliċi.

Fir-rigward tad-data reġistrata fir-reġistri pubbliċi, is-suġġetti tad-data personali jgawdu d-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-Artikoli 12 sa 22 tal-GDPR, bl-eċċezzjonijiet elenkati fihom. Pereżempju, skont l-Artikolu 17(3)(b) tal-GDPR, talba għat-tħassir ma tistax tingħata peress li “l-ipproċessar ikun meħtieġ għal konformità ma’ obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur”; dan l-obbligu legali jirriżulta direttament mill-Att Nru 304/2013 dwar ir-reġistri pubbliċi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi u dwar ir-reġistrazzjoni ta’ fondi fiduċjarji.

Is-suġġetti tad-data affettwati jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom direttament mal-qrati tar-reġistru kompetenti jew mal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data.

Informazzjoni ta’ kuntatt

Dettalji ta’ kuntatt għall-qrati tar-reġistru

Prague City Court

Slezská 2000/9, 120 00 Praha

podatelna@msoud.pha.justice.cz

Tel: 224 172 111

Kaxxa tad-data: snkabbm

České Budějovice Regional Court

Zátkovo nábř. 10/2, 370 84 České Budějovice

podatelna@ksoud.cbu.justice.cz

Tel: 389 018 111

Kaxxa tad-data: 832abay

Plzeň Regional Court

Veleslavínova 21/40, 306 17 Plzeň

podatelna@ksoud.plz.justice.cz

sbirkalistin@ksoud.plz.justice.cz

Tel: 377 869 611

Kaxxa tad-data: yaraba4

Ústí nad Labem Regional Court

Národního odboje 1274/26, 400 92 Ústí nad Labem

podatelna@ksoud.unl.justice.cz

Tel: 475 247 111 – switchboard

Kaxxa tad-data: phgaba8

Hradec Králové Regional Court

Československé armády 218/57, 502 08 Hradec Králové

podatelna@ksoud.hrk.justice.cz

Tel: 498 016 111

Kaxxa tad-data: ep7abae

Brno Regional Court

Husova 353/15, 601 95 Brno

podatelna@ksoud.brn.justice.cz

Tel: 546 511 111 – switchboard

Kaxxa tad-data: 5wwaa9j

Il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava

Havlíčkovo nábřeží 1835/34, 728 81 Ostrava

podatelna@ksoud.ova.justice.cz

Tel: 596 153 111

Kaxxa tad-data: jhyaeqv

Referenzi utli

Applikazzjoni tar-reġistru pubbliku bbażata fuq l-internet: https://or.justice.cz/ias/ui/rejstrik

Sottomissjonijiet lir-reġistri pubbliċi: https://or.justice.cz/ias/ui/podani

Informazzjoni dwar is-sottomissjonijiet lir-reġistri pubbliċi fuq il-Portal tal-Amministrazzjoni Pubblika: https://portal.gov.cz/sluzby-verejne-spravy/rejstriky-katastry-evidence-vypisy-overeni-a-statistika-KAT-419/rejstriky-pravnickych-a-fyzickych-osob-KAT-642

Informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni fir-reġistri pubbliċi fuq is-sit web tal-Kamra Ċeka tan-Nutara: https://www.nkcr.cz/casopis-ad-notam/detail/39_254-zapis-do-verejneho-rejstriku-notarem

Informazzjoni dwar ir-reġistri pubbliċi fuq il-portal Businessinfo.cz portal: https://www.businessinfo.cz/navody/verejne-rejstriky-ppbi/2/

L-aħħar aġġornament: 04/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.