Dwar in-Networks

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Attwalment ir-Repubblika Ċeka għandha sitt punti ta' kuntatt tan-network Ġudizzjarju Ewropew: ħamsa fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja fir-Repubblika Ċeka u wieħed fi Brussell (ir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Ċeka fl-UE).

Il-punti ta' kuntatt tan-network Ġudizzjarju Ewropew fir-Repubblika Ċeka jikkomunikaw mal-punti ta' kuntatt fl-Istati Membri l-oħra, jittrattaw mistoqsijiet mill-qrati u nutara li jridu informazzoni dwar il-liġijiet tal-pajjiżi l-oħra u tfakkiriet dwar l-ipproċessar tat-talbiet, b'mod partikolari skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 dwar il-kumpilazzjoni ta' xhieda u r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 dwar is-servizz ta' dokumenti u kwistjonijiet oħra.

Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, fl-2004 ir-Repubblika Ċeka stabbiliet in-network Ġudizzjarju Intern ("in-network") għal kooperazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali, li għandu r-responsabbiltà li jiżgura illi r-Repubblika Ċeka tkun involuta b'mod effettiv fin-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali.

Il-membri tan-network jinkludu mħallfin, rappreżentanti tal-Kamra tal-Avukati tar-Repubblika Ċeka, rappreżentanti tal-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka, rappreżentanti tal-Kamra tal-Eżekuturi tar-Repubblika Ċeka, rappreżentanti tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni Internazzjonali Legali tat-Tfal, rappreżentanti taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi, rappreżentanti mill-Fakultà tal-Liġi tal-Università Charles u persunal nominat mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Il-membri tan-network jieħdu sehem b'mod partikolari fl-attivitajiet tan-network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali u fit-twettiq tal-kompiti ġejjin minnu, u fl-attivitajiet tal-gruppi ta' ħidma u l-kumitati tal-Kunsill tal-UE u tal-Kummissjoni dwar materji ċivili u kummerċjali. Il-membri tan-network jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq abbozzi ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u proposti oħra marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali.

In-network illum għandu madwar 130 membru. Il-laqgħat tal-membri kollha tan-network jiġu organizzati mill-Ministeru għall-Ġustizzja darba fis-sena. L-aġenda tal-laqgħat tinkludi temi attwali li jikkonċernaw b'mod partikolari in-network Ġudizzjarju Ewropew, il-ħidma tal-portal Ewropew tal-e-Ġustizzja u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F'dawn il-laqgħat il-membri tan-network għandhom opportunità unika biex jiltaqgħu personalment u jaqsmu l-esperjenza prattika tagħhom fl-applikazzjoni tal-istrumenti tal-UE.

Il-kompendja u pubblikazzjonijiet oħra ippreparati min-network Ġudizzjarju Ewropew jitqassmu lill-membri tan-network.

Il-membri jistgħu jikkomunikaw b'mod informali permezz tal-posta elettronika. In-network għandu lista ta' distribuzzjoni bil-posta elettronika tiegħu stess fejn u li permezz tagħha l-membri tan-network jistgħu jibagħtu l-mistoqsijiet u jaqsmu l-esperjenza tagħhom. Permezz ta' dan il-mezz ta' komunikazzjoni l-Ministeru tal-Ġustizzja jista' javża malajr lill-membri tan-network b'aħbarijiet marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE.

L-aħħar aġġornament: 25/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.