Għajnuna legali

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

Jekk inti tkun qed tingħata parir u tkun irrappreżentat minn avukat, dan ikun intitolat għal remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, li l-livell tiegħu jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-valur inkwistjoni fil-kawża. L-ispejjeż tal-qorti jiġġarrbu wkoll jekk titressaq kawża quddiem qorti. Dawn jinkludu mhux biss it-tariffi u l-ispejjeż tal-qorti, iżda wkoll l-ispejjeż li parti fil-bżonn ta’ għajnuna legali trid tħallas biex tikkonforma ma’ azzjoni mitluba minn qorti jew li huma meħtieġa biex tittieħed azzjoni legali xierqa jew biex titressaq difiża xierqa. Parti li ma teħtieġx għajnuna legali normalment ikollha tħallas dawn l-ispejjeż. Jekk il-qorti tiddeċiedi favur dik il-parti, din tiġi rrimborżata mill-parti opposta.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

Fil-Ġermanja ssir distinzjoni bejn l-assistenza konsultattiva (Beratungshilfe) u l-għajnuna legali (Prozesskostenhilfe).

L-assistenza konsultattiva u r-rappreżentanza legali barra l-proċedimenti tal-qorti (assistenza konsultattiva) tingħata lil persuni fil-bżonn skont l-Att dwar il-pariri u r-rappreżentanza legali għaċ-ċittadini b’introjtu baxx (Gesetz über Rechtsberatung und Vertretung für Bürger mit geringem Einkommen (Beratungshilfegesetz)).

Sabiex jieħdu sehem fi proċedimenti legali, il-persuni fil-bżonn jingħataw għajnuna legali skont ir-regolamenti li jirregolaw l-għajnuna legali.

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

L-assistenza għall-konsultazzjoni jew l-għajnuna legali tingħata jekk il-persuna li tkun teħtieġ servizzi legali ma tkunx tista’ tiġbor il-fondi meħtieġa minħabba ċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji (ħtieġa) tagħha u ma jkollha l-ebda opportunità raġonevoli oħra biex tikseb assistenza (eż. assigurazzjoni fuq l-ispejjeż legali, pariri mill-assoċjazzjoni tal-inkwilini jew trade union, eċċ.).

Barra minn hekk, l-azzjoni maħsuba biex tipproteġi d-drittijiet tal-persuna m'għandhiex tkun frivola. Jekk tingħata għajnuna legali, l-azzjoni jew id-difiża legali maħsuba għandu jkollhom ukoll prospett suffiċjenti ta’ suċċess. Il-qorti li tiddeċiedi dwar ir-rikors għall-għajnuna legali għandha tikkunsidra l-pożizzjoni legali tar-rikorrent bħala korretta jew tal-inqas dibattibbli fuq il-bażi tal-preżentazzjoni tiegħu tal-fatti u tad-dokumenti disponibbli, u għandha tkun konvinta, fir-rigward tal-fatti, li huwa se jkunu jista’ jipprovdi l-evidenza. Jekk ir-rekwiżiti legali jiġu sodisfatti, il-persuna inkwistjoni tkun intitolata għal assistenza konsultattiva jew għajnuna legali.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

Fil-Ġermanja ssir distinzjoni bejn assistenza konsultattiva u għajnuna legali (ara l-mistoqsija 2 hawn fuq).

L-assistenza konsultattiva (li tkopri l-pariri u, jekk meħtieġ, ir-rappreżentanza) tingħata f’materji ta’ dritt ċivili, inkluża l-liġi dwar l-impjiegi, il-liġi amministrattiva, il-liġi kostituzzjonali u l-liġi soċjali. Fi kwistjonijiet tal-liġi kriminali u tal-liġi regolatorja jingħata parir biss. Fi kwistjonijiet li fihom għandha tiġi applikata l-liġi ta’ stati oħra, tingħata assistenza konsultattiva jekk il-fatti tal-każ ikollhom konnessjoni mal-Ġermanja. L-ebda assistenza konsultattiva ma tingħata għal każijiet fil-qasam tal-liġi dwar it-taxxa.

L-għajnuna legali tingħata għat-tipi kollha ta’ proċedimenti relatati ma’ tilwim ċivili, għal proċedimenti mhux kontenzjużi, u għal proċedimenti quddiem qorti tax-xogħol, amministrattiva, soċjali jew fiskali (Arbeitsgericht, Verwaltungsgericht, Sozialgericht jew Finanzgericht). L-imputati fi proċedimenti kriminali u d-debituri fi proċedimenti ta' insolvenza ma jingħatawx għajnuna legali. Ir-regolamenti dwar il-konsulenti tad-difiża maħtura mill-qorti fihom regoli speċjali eżawrjenti għall-imputati fi proċedimenti kriminali. Id-debituri fi proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jiksbu differiment tal-ispejjeż tal-proċedimenti.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

M’hemmx proċeduri speċjali bħal dawn; l-għażliet eżistenti biex jinkisbu assistenza konsultattiva u għajnuna legali jkopru wkoll każijiet ta’ bżonn.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-formoli ta’ rikors għall-assistenza konsultattiva u għall-għajnuna legali jistgħu jinkisbu mill-qrati lokali (Amtsgerichten) u mingħand l-avukati.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Id-dettalji tal-introjtu meħtieġa jridu jiġu ppruvati b’mod kredibbli billi jiġu ppreżentati d-dokumenti rilevanti (eż. id-dikjarazzjoni tas-salarju jew, fil-każ ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, l-aħħar valutazzjoni tat-taxxa).

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Fil-Ġermanja ssir distinzjoni bejn l-assistenza konsultattiva u l-għajnuna legali (ara l-mistoqsija 2 hawn fuq).

Ir-rikors għal assistenza konsultattiva għandu jiġi ppreżentat lill-qorti lokali tad-distrett fejn il-persuna li tkun teħtieġ is-servizzi legali jkollha d-domiċilju legali ġenerali tagħha (il-post ta’ residenza). Jekk il-persuna m’għandhiex domiċilju legali ġenerali fil-Ġermanja, għandha tissottometti r-rikors lill-qorti lokali kompetenti fid-distrett fejn tinħoloq il-ħtieġa ta’ assistenza konsultattiva. Huwa possibbli wkoll li wieħed javviċina avukat direttament għal din il-forma ta’ assistenza. F’dak il-każ ir-rikors meħtieġ jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti lokali wara.

Ir-rikors għall-għajnuna legali għandu jiġi ppreżentat lill-qorti li quddiemha jkunu qed isiru jew ser jitressqu l-proċedimenti li għalihom tkun qed tintalab l-għajnuna. Dik il-qorti (u mhux awtorità ta’ protezzjoni soċjali, pereżempju) teżamina r-rikors u tiddeċiedi jekk ir-rekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna legali ġewx sodisfatti.

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

L-informazzjoni dwar l-assistenza konsultattiva u l-għajnuna legali hija disponibbli mill-qrati lokali u mingħand l-avukati.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Jekk inti intitolat għal assistenza konsultattiva jew għajnuna legali, għandek timla l-formola korrispondenti, tehmeż id-dokumenti meħtieġa u tissottomettiha lill-korp imsemmi taħt il-punt 8.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Fil-Ġermanja ssir distinzjoni bejn l-assistenza konsultattiva u l-għajnuna legali (ara l-mistoqsija 2 hawn fuq).

Persuna li tfittex servizzi legali tista’ tirċievi assistenza konsultattiva mingħand avukat tal-għażla tagħha. Fl-istati federali ta’ Bremen u ta’ Hamburg, l-assistenza konsultattiva tinkiseb permezz ta’ ċentri pubbliċi ta’ pariri legali. L-avukati huma obbligati li jipprovdu assistenza konsultattiva; talba għal din il-forma ta’ assistenza legali tista’ tiġi miċħuda biss f’każijiet speċifiċi għal raġunijiet importanti.

Inti għandek ukoll għażla libera ta’ avukat fil-każ ta’ għajnuna legali. Il-litigant għandu jagħżel avukat li jkun awtorizzat jirrappreżentah quddiem il-qorti. Il-president tal-qorti jassenja biss avukat jekk il-parti kkonċernata ma tkunx tista’ ssib avukat li jkun lest jirrappreżentaha.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

Fil-Ġermanja ssir distinzjoni bejn l-assistenza konsultattiva u l-għajnuna legali (ara l-mistoqsija 2 hawn fuq).

L-avukat huwa intitolat għal ħlas ta’ €10 mingħand il-persuna li jkun qed jassisti bil-konsulenza tiegħu, u dan il-ħlas jista’ jiġi rrinunzjat skont iċ-ċirkostanzi tal-persuna kkonċernata. Ftehimiet diverġenti relatati mar-remunerazzjoni huma nulli u bla effett. L-avukat jirċievi l-bqija tar-remunerazzjoni mit-teżor pubbliku.

Fil-każ tal-għajnuna legali, l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti huma koperti, ħlief għal dawk l-ispejjeż tal-parti fil-kawża li ma kinux meħtieġa biex jipproteġu d-drittijiet tagħha. L-ebda spejjeż ulterjuri ma huma mġarrba mill-parti li tkun teħtieġ l-għajnuna legali.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Jekk ir-rekwiżiti għall-għajnuna legali ġew sodisfatti, ma hemm l-ebda spiża oħra għall-parti fil-kawża. L-għoti ta’ għajnuna legali jfisser li l-ispejjeż kollha meħtieġa tal-proċedimenti huma koperti. Madankollu, jekk il-parti fil-kawża jkollha l-kapaċità finanzjarja li tikkontribwixxi parti mill-introjtu tagħha għall-ispejjeż tal-proċedimenti, hija tkun obbligata li tirrimborża l-ammont korrispondenti f'pagamenti rateali lit-teżor pubbliku li jkun ġarrab dawk l-ispejjeż.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

L-għoti ta’ għajnuna legali ma jkoprix awtomatikament l-appelli. Dan jintemm bid-deċiżjoni finali tal-qorti li quddiemha jkunu tressqu l-proċedimenti. Madankollu, huwa possibbli li terġa’ tressaq rikors għall-għajnuna legali għal proċedimenti tal-appell. Il-qorti tal-appell tivvaluta jekk il-parti għadhiex teħtieġ l-għajnuna u jekk l-appell huwiex frivolu u jekk għandux prospett ta’ suċċess. Jekk dawn ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti, il-parti fil-kawża hija intitolata għall-għajnuna legali.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Fil-Ġermanja ssir distinzjoni bejn l-assistenza konsultattiva u l-għajnuna legali (ara l-mistoqsija 2 hawn fuq).

L-assistenza konsultattiva tista’ tiġi rtirata jekk tkun ibbażata fuq informazzjoni falza pprovduta mill-parti li tkun teħtieġ is-servizzi legali.

L-għajnuna legali tista’ tiġi rrevokata biss fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  1. jekk l-għajnuna tkun inkisbet bil-qerq fuq il-bażi ta’ informazzjoni żbaljata dwar it-tilwima,
  2. jekk tkun ġiet ippreżentata informazzjoni mhux korretta li tissodisfa r-rekwiżiti soġġettivi għall-għoti tal-għajnuna u d-dikjarazzjonijiet ma jkunux ġew ipprovduti,
  3. jekk iċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji mitluba ma japplikawx,
  4. jekk il-persuna għadha ma ħalsitx l-arretrati tal-pagamenti parzjali.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Fil-Ġermanja ssir distinzjoni bejn l-assistenza konsultattiva u l-għajnuna legali (ara l-mistoqsija 2 hawn fuq).

Huwa possibbli li titressaq oġġezzjoni (Erinnerung) kontra deċiżjoni ta’ qorti lokali li tiċħad rikors għall-assistenza konsultattiva.

Jekk rikors għall-għajnuna legali jiġi miċħud, ir-rikorrent jista’ jressaq appell immedjat (sofortige Beschwerde) kontra dik id-deċiżjoni tal-qorti fi żmien xahar, jekk il-valur tat-tilwima fil-proċedimenti prinċipali jaqbeż is-€600. Jekk il-valur tat-tilwima fil-proċedimenti ewlenin ma jaqbiżx is-€600, appell huwa permess biss jekk il-qorti tkun ċaħdet l-għoti ta’ għajnuna legali biss fuq il-bażi tar-rekwiżit relatat maċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq https://www.bmjv.de/DE/Startseite/startseite_metaNav_node.html.

L-aħħar aġġornament: 22/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.