Spejjeż

Greċja

Din il-paġna tipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż legali fil-Greċja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonijiet legali

Avukati

It-tariffi tal-avukati huma stabbiliti fl-Artikolu 58 et seq. tal-Liġi 4194/2013 «Kodiċi tal-Avukati» (Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 208). F’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, it-tariffa ta’ avukat tiġi ddeterminata liberament permezz ta’ ftehim bil-miktub mal-prinċipal jew ir-rappreżentant tiegħu u tkopri l-proċedimenti kollha jew parti minnhom jew atti aktar speċifiċi tal-proċedimenti jew kompiti legali ta’ kwalunkwe natura, kemm ġudizzjarji kif ukoll ekstraġudizzjarji.

Jekk ma jkun hemm l-ebda ftehim bil-miktub rilevanti li jiddetermina l-ammont tat-tariffa, dak l-ammont jiġi ddeterminat abbażi tal-valur tas-suġġett tal-kawża (l-Artikolu 63(1)) u, fejn is-suġġett tal-kawża ma jistax ikun stmat fi flus, it-tariffa tiġi kkalkulata f’konformità mal-Anness I tal-Kodiċi tal-Avukati (l-Artikolu 63(2)), li jirreferi għall-«ANNESS Ι / Tabella tat-Tariffi tal-Avukati Mġarrba fi Proċedimenti Legali».

Konsulenti legali

Ma hemmx distinzjoni bejn il-membri ta’ dawn il-professjonijiet u l-avukati.

Uffiċjali ġudizzjarji

It-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji huma determinati b’mod speċifiku. It-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji huma determinati skont l-Artikolu 50 tal-Liġi 2318/1995 «Kodiċi tal-Uffiċjali Ġudizzjarji» (Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 126), kif emendat mill-Artikolu 2 tal-Liġi 4336/2015 (Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 94). F’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, it-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji huma stabbiliti f’deċiżjoni konġunta tal-Ministri għall-Finanzi u għall-Ġustizzja. Id-deċiżjoni fis-seħħ bħalissa hija d-Deċiżjoni Nru 21798 tal-11 ta’ Marzu 2016 (Gazzetta tal-Gvern, Serje II, Nru 709/2016). It-tariffi jistgħu, madankollu, jiżdiedu bi ftehim, skont il-kumplessità tal-kompitu.

Nutara

It-tariffi tan-nutara huma stabbiliti f’dispożizzjonijiet speċjali; b’mod aktar speċifiku, fl-Artikolu 40 tal-Liġi 2830/2000, kif emendata u attwalment fis-seħħ.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet f’kawża fi proċedimenti kriminali

It-tariffi tal-avukati f’kawżi kriminali huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Avukati (l-Artikolu 58 et seq.).

Stadju tal-proċedimenti kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

L-avukati jaqblu mal-klijenti tagħhom dwar meta jitħallsu t-tariffi tagħhom. Ġeneralment, dawn it-tariffi jitħallsu bin-nifs hekk kif javvanzaw il-proċedimenti.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet f’kawża fi proċedimenti kostituzzjonali

It-tariffi tal-professjonisti legali huma regolati kif deskritt hawn fuq għal tilwim amministrattiv ukoll.

Stadju tal-proċedimenti kostituzzjonali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi għall-partijiet f’kawża

L-avukati jaqblu mal-klijenti tagħhom dwar meta jitħallsu t-tariffi tagħhom. Ġeneralment, dawn it-tariffi jitħallsu bin-nifs hekk kif javvanzaw il-proċedimenti.

Informazzjoni li għandha tingħata minn konsulenti legali bil-quddiem

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

Il-kodiċi ta’ kondotta għall-avukati fih obbligi speċifiċi dwar kif l-avukati għandhom iwettqu dmirijiethom lejn il-klijenti tagħhom. Kull ksur ta’ dawk l-obbligi jikkostitwixxi reat dixxiplinari. It-tariffi ma humiex imsemmija espliċitament fost dawk l-obbligi.

Sorsi ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż fil-Greċja?

L-informazzjoni dwar it-tariffi tal-avukati tinsab fil-Kodiċi tal-Avukati jew tista’ tinkiseb mill-kmamar tal-avukati.

L-informazzjoni dwar it-tariffi tan-nutara tista’ tinkiseb mid-Dipartiment għal kwistjonijiet relatati mal-Uffiċċji tan-Nutara u mal-Uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet (Tmima Symvolaiografeion kai Ypothikofilakeion) tal-Ministeru għall-Ġustizzja, jew mill-assoċjazzjonijiet tan-nutara (Symvolaiografiki Syllogoi) (persuni ġuridiċi rregolati mil-liġi pubblika).

F’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż fil-Greċja?

Informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż hija disponibbli biss bil-Grieg.

Fejn nista’ nikseb informazzjoni dwar il-medjazzjoni/konċiljazzjoni?

Ara l-informazzjoni pprovduta fil-paġna rilevanti tal-Portal, b’mod partikolari fir-rigward tal-medjazzjoni fil-Greċja.

Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Sit web disponibbli b’informazzjoni dwar l-ispejjeż

Ma hemm l-ebda sit web b’tali informazzjoni.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-tul medju ta’ proċedimenti differenti?

Ma ssib l-ebda informazzjoni bħal din fil-Greċja.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja aggregata għal proċediment partikolari?

Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar l-ispejjeż aggregati għall-proċedimenti fil-Greċja.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif tingħata din l-informazzjoni?

Is-servizzi tal-avukati huma suġġetti għall-VAT. Tista’ tikseb l-informazzjoni rilevanti mid-Dipartiment tat-Tassazzjoni kompetenti (Τmima Forologias) tal-Ministeru għall-Finanzi u mill-kmamar tal-avukati.

X’inhuma r-rati applikabbli?

24 %.

Għajnuna legali

Limitu ta’ introjtu applikabbli għall-għajnuna legali f’kawżi ċivili

Skont l-Artikolu 194 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-għajnuna legali tingħata lil persuni li jagħtu prova tal-inkapaċità tagħhom li jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti legali mingħajr ma jipperikolaw is-sussistenza tagħhom jew tal-familji tagħhom.

Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk l-Artikoli, l-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll lil ċittadini barranin u lil persuni mingħajr Stat.

F’kawżi ċivili, l-għajnuna legali tingħata lil ċittadini b’introjtu baxx f’konformità mal-Artikolu 41 et seq. tal-Liġi 4689/2020. (Iċ-ċittadini b’introjtu baxx intitolati għall-għajnuna legali f’kawżi ċivili jew kummerċjali huma dawk li l-introjtu annwali tal-familja tagħhom ma jaqbiżx iż-żewġ terzi tal-introjtu personali annwali minimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.) Il-vittmi tad-delitti msemmija fl-Artikolu 41(3) tal-Liġi msemmija hawn fuq huma intitolati wkoll għal għajnuna legali fir-rigward ta’ kwalunkwe talba kriminali jew ċivili li jippreżentaw.

L-għajnuna legali tinkludi l-ispejjeż tal-proċedimenti, it-tariffi tan-nutara u tal-uffiċjali ġudizzjarji u t-tariffi tal-avukati (l-Artikolu 199 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi 4055/2012).

Limitu ta’ introjtu applikabbli għall-għajnuna legali għall-imputati f’kawżi kriminali

Skont l-Artikolu 340 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, imputat mingħajr konsulent legali huwa assenjat avukat mil-lista rilevanti tal-kamra tal-avukati lokali.

F’kawżi kriminali, l-għajnuna legali tingħata lil ċittadini b’introjtu baxx f'konformità mal-Liġi 4689/2020.

Limitu ta’ introjtu applikabbli għall-għajnuna legali għall-vittmi f’kawżi kriminali

Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 4689/2020 jippermettu li tingħata għajnuna legali lil ċittadini b’introjtu baxx tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi u lil persuni mingħajr Stat b’introjtu baxx jekk ikunu legalment jew abitwalment residenti fl-UE.

Kundizzjonijiet oħra għall-għoti ta’ għajnuna legali lill-vittmi

L-għajnuna legali tingħata lil ċittadini b’introjtu baxx tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi u lil persuni mingħajr Stat b’introjtu baxx jekk ikunu legalment jew abitwalment residenti fl-UE. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal kundizzjonijiet oħra.

Kundizzjonijiet oħra għall-għoti ta’ għajnuna legali lill-imputati

Xejn.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr ħlas

Xejn.

Il-parti telliefa meta tkun trid tħallas l-ispejjeż lill-parti rebbieħa?

Ladarba qorti tagħti deċiżjoni, l-ispejjeż legali u l-ispejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa ġeneralment isiru pagabbli mill-parti telliefa, skont kemm kull parti tkun rebħet jew tilfet. Il-qorti trid wkoll tagħmel din il-parti tad-deċiżjoni eżegwibbli. L-ispejjeż u l-kostijiet huma kkalkulati skont ir-regoli ta’ hawn fuq, b’kunsiderazzjoni partikolari għad-dispożizzjonijiet dwar it-tariffi tal-professjonisti legali u l-ispejjeż fissi possibbli għall-partijiet f’kawża fi proċedimenti ċivili. L-ammont ikkalkulat ġeneralment ikun inqas mill-ispejjeż attwali.

Tariffi tal-esperti

L-esperti jistabbilixxu t-tariffi tagħhom stess, li, jekk jiġu mitluba, ikunu inklużi fl-ispejjeż legali mogħtija mill-qorti.

Tariffi tat-tradutturi u tal-interpreti

It-tradutturi u l-interpreti jistabbilixxu t-tariffi tagħhom stess, li, jekk jiġu mitluba, ikunu inklużi fl-ispejjeż legali mogħtija mill-qorti.

Links relatati

Plenarja tal-Kmamar tal-Avukati Griegi

Kamra tal-Avukati ta’ Ateni

Kamra tal-Avukati ta’ Piraeus

Kamra tal-Avukati ta’ Tessaloniki

Assoċjazzjoni tan-Nutara ta’ Tessaloniki

Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Kmamar tan-Nutara tal-Greċja

Federazzjoni tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Griegi

Dokumenti relatati

Ir-Rapport tal-Greċja dwar l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż  PDF (849 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 25/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.