Manteniment tal-familja

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-manteniment huwa mifhum li jfisser dak kollu meħtieġ f’termini ta’ ikel, akkomodazzjoni, ħwejjeġ, u kura medika.

Il-manteniment jinkludi wkoll l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-kreditur tal-manteniment waqt li jkun minorenni u anke wara dan jekk ikun għadu qed jistudja għal raġunijiet mhux attribwibbli lilu. Fil-każ ta’ tkissir taż-żwieġ, matul il-proċess ta’ separazzjoni legali jew divorzju, il-manteniment jista’ jintalab għal tfal li jgħixu fid-dar li mhumiex finanzjarjament indipendenti.

L-ispejjeż tat-tqala u tat-twelid għandhom jiġu inklużi fil-manteniment, sakemm ma jkunux koperti mod ieħor.

Hemm obbligu reċiproku li jiġi pprovdut manteniment sħiħ bejn:

1. - Konjuġi;

2. - Axxendenti u dixxendenti.

L-aħwa għandhom jirċievu biss l-assistenza meħtieġa għall-għajxien, fejn meħtieġ għal kwalunkwe raġuni mhux attribwibbli għall-kreditur tal-manteniment, inkluża, fejn meħtieġ, l-assistenza meħtieġa għall-edukazzjoni tagħhom.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Għat-tfal, sakemm jilħqu l-età maġġuri, li fi Spanja hija 18-il sena, ħlief jekk il-minorenni jkollu introjtu biżżejjed tiegħu stess. Lil hinn mill-età maġġuri, l-obbligu jkompli fir-rigward tat-tfal sakemm ma jkunux għadhom finanzjarjament indipendenti, ma jkunux lestew l-edukazzjoni tagħhom jew ma jkollhomx impjieg mingħajr xi ħtija tagħhom. Għall-minorenni, iridu jitqiesu wkoll l-Artikoli fil-Kodiċi Ċivili (Código Civil) dwar l-effetti konġunti tal-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni u d-divorzju (l-Artikoli 90 u ta’ wara).

Waqt li t-tfal huma minorenni, l-allowance ta’ manteniment hija prijorità u obbligu inevitabbli.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Ir-rikorsi għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-ġustizzja, il-Qrati tal-Ewwel Istanza (Juzgados de Primera Instancia) li għandhom ġuriżdizzjoni.

X’inhuma l-elementi ewlenin ta’ din il-proċedura?

L-applikazzjonijiet jiġu pproċessati permezz ta’ seduta orali (juicio verbal). Jekk il-manteniment jintalab bħala miżura kumplimentari għas-separazzjoni legali jew id-divorzju, jew miżuri ta’ ġenitur u wild fil-każ ta’ qsim tal-koppja, dan jiġi pproċessat flimkien mal-proċedimenti msemmija, permezz ta’ seduta orali b’xi karatteristiċi speċjali.

Meta fi Spanja ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza (permezz tad-Digriet Irjali 463/20 tal-14 ta’ Marzu 2020 dwar il-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa kkawżata mill-COVID-19), u b’mod partikolari bl-adozzjoni tad-Digriet Irjali 16/20 tat-18 ta’ April 2020 dwar miżuri proċedurali u organizzattivi fis-sistema tal-ġustizzja biex jiġi indirizzat il-COVID-19, ġew stabbiliti proċedimenti sommarji speċjali biex jittrattaw kwistjonijiet tal-familja matul l-istat ta’ emerġenza (ara l-Artikoli 3, 4 u 5). Din il-proċedura speċjali tapplika għal każijiet fejn ikun meħtieġ li jintalab rieżami tal-miżuri permanenti adottati skont l-Artikolu 774 tal-Liġi 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000 dwar il-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) dwar l-ispejjeż domestiċi, l-allowances finanzjarji bejn il-konjuġi u l-obbligi rikonoxxuti ta’ manteniment lejn it-tfal, fejn dan ir-rieżami jintalab għar-raġuni li s-sitwazzjoni ekonomika tal-konjuġi u tal-ġenituri tkun inbidlet b’mod sinifikanti bħala riżultat tal-kriżi tas-saħħa kkawżata mill-COVID-19. Dan japplika wkoll għal tilwim li jikkonċerna talbiet biex jiġi stabbilit jew rieżaminat obbligu li jsiru pagamenti ta’ manteniment fejn din it-talba ssir għar-raġuni li s-sitwazzjoni ekonomika tal-membru tal-familja meħtieġ li jagħmel pagamenti ta’ manteniment tkun inbidlet b’mod sinifikanti bħala riżultat tal-kriżi tas-saħħa kkawżata mill-COVID-19.

Għall-kwistjonijiet kollha mhux koperti f’dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000 dwar il-Proċedura Ċivili se japplikaw għall-arranġamenti għas-seduta orali fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċjali.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

It-talba trid tiġi sottomessa personalment mill-parti konċernata, ħlief fejn din tal-aħħar tkun minorenni, f’liema każ ir-rikors irid isir mill-persuna legalment responsabbli għall-minorenni, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (el Fiscal) jew l-aġenzija għall-protezzjoni tal-minorenni. Madankollu, it-talba tista’ tiġi ppreżentata minn rappreżentant, jekk huwa jkun ingħata prokura fil-preżenza ta’ nutar, skrivan tal-qorti jew ta’ konslu preżenti f’xi missjoni diplomatika Spanjola barra l-pajjiż.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Ir-regola ġenerali hija li l-qorti b’ġuriżdizzjoni hija l-qorti tal-post ta’ residenza tad-debitur tal-manteniment. Jekk ikun hemm aktar minn debitur wieħed (l-omm u l-missier), il-qorti b’ġuriżdizzjoni hija l-qorti tal-post ta’ residenza ta’ xi ħadd fosthom. Jekk id-debitur mhux residenti Spanja, għandhom ġuriżdizzjoni l-qrati tal-post tal-aħħar residenza tiegħu fi Spanja. F’każijiet oħra, għandhom ġuriżdizzjoni l-qrati tal-post ta’ residenza tal-kreditur tal-manteniment.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Ir-rikorrenti għandhom jiġu difiżi minn avukat (abogado) u rrappreżentati minn rappreżentant legali jew solicitor (procurador).

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Fi Spanja ma hemmx spejjeż tal-qorti involuti f’talbiet maħsuba biss għall-ħlas tal-manteniment, ħlief għat-tariffi tal-avukati, ir-rappreżentanza legali u l-esperti, jekk jitqabbdu.

It-tariffi mitluba mill-avukati u r-rappreżentanti legali huma bbażati fuq l-ammont tat-talba Hija disponibbli għajnuna finanzjarja biex tkopri l-ispejjeż tal-qorti fejn ir-rikorrent jew il-persuna mitluba tħallas il-manteniment ma jkollhomx mezzi finanzjarji, u jkollhom dritt għall-għajnuna legali mingħajr ħlas skont l-iskali stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Liġi 1/1996 tal-10 ta’ Jannar 1996 dwar l-Għajnuna Legali mingħajr Ħlas. L-għajnuna tikkonsisti fil-forniment ta’ servizzi ta’ avukat imqabbad mill-qorti jew ta’ rappreżentant legali biex imexxi t-talba legali, u l-ispejjeż tal-qorti bħall-ħlas lix-xhieda esperti jew l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni tad-digrieti li jitħallsu wkoll mill-Istat.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, jiġu stabbiliti pagamenti regolari li, skont il-liġi, iridu jitħallsu kull xahar bil-quddiem. Mhuwiex komuni li jsiru arranġamenti sabiex il-pagamenti jsiru f’daqqa f’darba waħda; dan iseħħ biss meta jkunu jridu jitħallsu l-arretrati tal-manteniment, meta d-debitur ikun individwu mingħajr assi fissi u dan ikun l-aħjar mod kif jitħarsu pagamenti futuri, jew bi ftehim bejn il-partijiet. Fil-kalkolazzjoni tal-ammonti reali ta’ pagamenti li jridu jsiru, il-qorti tuża regola ġuridika astratta bbażata fuq il-proporzjonalità fi tliet aspetti: il-bżonnijiet tal-kreditur tal-manteniment; il-mezzi finanzjarji tad-debitur tal-manteniment; u l-mezzi finanzjarji ta’ persuni oħra li wkoll għandhom l-obbligu li jħallsu l-manteniment (kodebituri) fl-istess ammont daqs id-debitur prinċipali. Id-deċiżjoni tal-qorti li tistabbilixxi l-ammont ta’ manteniment trid tistabbilixxi wkoll il-bażi li fuqha jsiru aġġornamenti futuri. Dan l-aġġornament isir awtomatikament, mal-mogħdija taż-żmien, u l-ammont aġġornat jiġi implimentat mill-persuna responsabbli għall-ħlas. Jekk id-debitur tal-manteniment jonqos milli jaġġorna l-pagamenti tal-manteniment, dan tagħmlu l-qorti, wara talba mill-kreditur tal-manteniment. L-ammont tal-manteniment jista’ jiġi aġġustat (għal darba oħra fuq talba mill-parti konċernata) jekk ikun hemm xi tibdil sostanzjali fil-fatti li ntużaw oriġinarjament biex jiġi stabbilit l-ammont: l-ammonti jridu jiżdiedu meta jkun hemm titjib fil-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur tal-manteniment jew deterjorazzjoni f’dik tal-kreditur tal-manteniment u tkun meħtieġa kontribuzzjoni akbar (pereżempju, fejn marda tmur għall-agħar); l-ammonti jridu jitnaqqsu fejn ikun hemm deterjorazzjoni fil-pożizzjoni tad-debitur tal-manteniment jew titjib fil-mezzi tal-kreditur tal-manteniment. Fl-aħħar nett, il-manteniment ma jibqax dovut jekk ma jibqgħux validi r-raġunijiet għall-ħlas tiegħu.

Il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial, CGPJ) fassal tabelli għall-kalkolu tal-allowances tal-manteniment. Dawn ġew aġġornati l-aħħar f’Mejju 2019. Dawn huma linji gwida, ibbażati fuq il-ħtiġijiet tat-tfal, li jqisu d-dħul tal-ġenituri u n-numru ta’ tfal fil-familja. Il-kost tal-akkomodazzjoni u tal-edukazzjoni ġie eskluż mill-kalkolu u għalhekk l-allowance finali trid tiġi aġġustata filwaqt li jitqiesu dawn l-ispejjeż f’kull każ. Wieħed jista’ jara t-tabelli hawnhekk:

http://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Servicios/Utilidades/Calculo-de-pensiones-alimenticias/

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-mezz ta’ ħlas l-aktar komuni huwa fi flus. Madankollu, hemm żewġ eċċezzjonijiet: id-debitur jista’ jagħżel li jissodisfa l-obbligu tiegħu billi jipprovdi ikel u akkomodazzjoni lill-kreditur tal-manteniment f’daru stess; din l-għażla hija ristretta ħafna fil-ġurisprudenza fejn ma jkunx hemm garanzija ta’ relazzjonijiet tajba; il-ħlas permezz tat-trasferiment ta’ oġġetti jew drittijiet huwa l-eċċezzjoni u huwa xieraq biss sabiex jitħallsu l-arretrati, meta jkun hemm riskju illi l-oġġetti jisparixxu jew meta d-debitur tal-manteniment ma jkollux assi. Il-manteniment jitħallas direttament lill-kreditur. L-aktar metodu użat huwa permezz ta’ trasferiment bankarju. Jekk il-kreditur tal-manteniment ikun minorenni jew ma jkollux kapaċità ġuridika, il-ħlas isir lir-rappreżentant legali tiegħu.

Fi proċedimenti relatati mat-tkissir taż-żwieġ jew tar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, il-qrati jippermettu bħala forom ta’ ħlas ta’ manteniment, ħlas dirett lill-kreditur għal ċerti spejjeż li jappartjenu għal wild minorenni (eż. edukazzjoni, assigurazzjoni medika, eċċ.).

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

F’dan il-każ, il-kreditur tal-manteniment jista’ jressaq talba għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġuridika li tkun iddikjarat li hemm dritt għall-manteniment. Fi Spanja jeżistu l-mezzi li ġejjin għall-eżekuzzjoni: is-sekwestru tas-salarju (minbarra ammont minimu għall-għajxien kif ordnat mill-qorti); iż-żamma tar-rifużjonijiet tat-taxxa; is-sekwestru tal-kontijiet bankarji; iż-żamma tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali; is-sekwestru ta’ oġġetti u l-bejgħ bis-subbasta tagħhom; f’ċerti każijiet fejn il-manteniment ma jitħallasx, dan jista’ jikkostitwixxi reat kriminali u l-awtur jista’ jeħel piena ta’ priġunerija.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Għall-ħlas tal-manteniment dovut, ma hemmx limiti kwantitattivi fuq is-sekwestru tal-kontijiet tad-debitur jew tal-beni tiegħu, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni għal dejn ieħor. Il-proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi huma preskritti wara terminu ta’ ħames snin.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

F’każ ta’ talbiet għall-manteniment għal minorenni jew persuni li ma għandhomx kapaċità ġuridika, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jista’ joffri li jirrappreżentahom.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Il- “Fond ta’ Garanzija għall-Ħlas tal-Manteniment”, maħluq mil-Liġi 42/2006 tat-28 ta’ Diċembru 2006, u rregolat mid-Digriet Irjali 1618/2007 tas-7 ta’ Diċembru 2007, huwa fond mingħajr personalità ġuridika li għandu l-għan li jiggarantixxi li t-tfal minorenni jirċievu pagamenti ta’ manteniment rikonoxxuti mhux imħallsa, dovuti skont ftehim approvat mill-qorti jew deċiżjoni tal-qorti fi proċedimenti għal separazzjoni legali, divorzju, dikjarazzjoni ta’ annullament taż-żwieġ, filjazzjoni jew manteniment, permezz tal-ħlas ta’ ammont li jitqies bħala avvanz.

Biex wieħed ikun eliġibbli għal ħlas bil-quddiem minn dan il-Fond, huwa essenzjali li d-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-manteniment tkun ingħatat minn qorti Spanjola.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Iva, skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-ħlas tal-manteniment li Spanja rratifikat, kreditur tal-manteniment jista’ jitlob l-għajnuna tal-awtorità ċentrali ta’ Spanja, ibbażata fil-Ministeru tal-Ġustizzja.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

B’kull mezz ta’ kuntratt, mad-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Ġuridika Internazzjonali (Subdirección General de Cooperación Jurídica Internacional), fil-Ministeru tal-Ġustizzja. Calle San Bernardo No 62, 28071 Madrid. Tel.: +34 91 3902228/2295/4437. Faks: +34 91 3904457.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Kreditur residenti fi Stat Membru ieħor jista’ jikkuntattja lill-awtorità ċentrali ta’ dak l-Istat, iressaq provi li ngħata d-dritt għall-manteniment, u jitlob lill-awtorità ċentrali biex tikkuntattja lill-awtorità ċentrali ta’ Spanja u li din tal-aħħar tibda proċedimenti ta’ eżekuzzjoni fi Spanja. Dan għandu jsir skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-ħlas tal-manteniment li rratifikat Spanja.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet fl-Istat rilevanti.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva, l-Unjoni Ewropea (u għalhekk Spanja) rratifikat il-protokoll fit-8 ta’ April 2010.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, il-partijiet involuti fi kwistjoni koperta minn dak ir-Regolament għandhom aċċess effettiv għall-ġustizzja fi Stat Membru ieħor, inkluża l-eżekuzzjoni u l-appell jew proċeduri ta’ rieżaminazzjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kapitolu rilevanti. Barra minn hekk, l-Istat Membru rikjest għandu jipprovdi għajnuna legali b’xejn għat-talbiet kollha ta’ kreditur skont l-Artikolu 56 rigward obbligi ta’ manteniment ta’ ġenitur lejn it-tfal tiegħu, jiġifieri persuni taħt il-21 sena.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Spanja żiedet ukoll fil-Liġi 1/1996 tal-10 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna legali Kapitolu VIII bl-isem “għajnuna legali b’xejn fi kwistjonijiet transfruntieri tal-Unjoni Ewropea”, li jirregola dak id-dritt għal persuni fiżiċi, kemm jekk ikunu ċittadini tal-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk ikunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu legalment residenti f’wieħed mill-Istati Membri.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 16/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.