- X’joffri s-Servizz tal-Insolvenza (Is-Servizz) tal-Ingilterra u Wales?
- L-aċċess għar-reġistru tal-Insolvenza Individwali tal-Ingilterra u Wales huwa mingħajr ħlas?
- Kif tfittex fir-Reġistru tal-Insolvenza Individwali għall-Ingilterra u Wales
- L-istorja tas-Servizz tal-Insolvenza tal-Ingilterra u Wales
Sib informazzjoni għal kull reġjun
X’joffri s-Servizz tal-Insolvenza (Is-Servizz) tal-Ingilterra u Wales?
Is-Servizz ta' Insolvenza tal-Ingilterra u Wales huwa obbligat mil-liġi li jżomm ir-reġistri tal-insolvenza individwali, ir-restrizzjonijiet tal-fallimenti u r-restrizzjonijiet tal-ħelsien mid-dejn. Ir-"Reġistru ta' Insolvenza Individwali" huwa amalgamazzjoni ta' dawn ir-reġistri u fih dettalji dwar:
- il-fallimenti li għadhom għaddejjin u dawk li ntemmu fl-aħħar tliet xhur
- l-ordnijiet ta' ħelsien mid-dejn li għadhom għaddejjin u dawk li ntemmu fl-aħħar tliet xhur
- l-arranġamenti volontarji individwali li għadhom għaddejjin u l-arranġamenti volontarji rapidi, inklużi dawk li ntemmu fl-aħħar tliet xhur
- ordnijiet jew impenji ta' restrizzjonijiet ta' falliment li għadhom għaddejjin u ordnijiet ta' restrizzjonijiet ta' falliment interim
- ordnijiet ta' restrizzjonijiet ta' ħelsien mid-dejn li għadhom għaddejjin u ordnijiet ta' restrizzjonijiet ta' ħelsien mid-dejn interim.
L-aċċess għar-reġistru tal-Insolvenza Individwali tal-Ingilterra u Wales huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess għar-reġistru huwa mingħajr ħlas.
Kif tfittex fir-Reġistru tal-Insolvenza Individwali għall-Ingilterra u Wales
Ir-reġistru jinsab fis-sit tas-Servizz tal-Insolvenza, u tista' ssibu taħt "Find someone". Billi tikklikkja l-ħolqa għar-Reġistru ta' Insolvenza Individwali, tista’ tfittex fir-reġistru b’isem l-individwu jew l-isem kummerċjali.
L-istorja tas-Servizz tal-Insolvenza tal-Ingilterra u Wales
Is-Servizz tal-Insolvenza huwa aġenzija eżekuttiva tad-Dipartiment għan-Negozju, l-Innovazzjoni u l-Ħiliet u permezz tar-riċevitur uffiċjali huwa:
- jamministra u jinvestiga l-affarijiet tal-fallimenti, individwi suġġetti għal ordnijiet ta' ħelsien mid-dejn, u kumpaniji u soċjetajiet stralċati mill-qorti u jistabbilixxi għalfejn spiċċaw insolventi
- jaġixxi bħala fiduċjarju/likwidatur meta ma jinħatarx prattikant fl-insolvenza mis-settur privat
- jaġixxi bħala nominat u superviżur f'arranġamenti volontarji individwali rapidi.
Barra minn hekk is-Servizz:
- jimxi fuq rapporti dwar imġiba ħażina minn falluti u individwi suġġetti għal ordnijiet ta' ħelsien mid-dejn, u diretturi
- jittratta l-iskwalifika ta' diretturi mhux xierqa fil-fallimenti kollha tal-kumpaniji
- jittratta l-ordnijiet u l-impenji tal-falliment, u ordnijiet u impenji ta' ħelsien mid-dejn
- jawtorizza u jirregola l-professjoni tal-insolvenza
- jevalwa u jħallas l-intitolamenti statutorju għall-ħlasijiet tas-sensji meta impjegatur ikun legalment insolventi
- jipprovdi servizzi ta' investiment u ta' kontabbiltà tal-patrimonju għall-falliment u l-likwidazzjoni tal-fondi tal-patrimonju
- imexxi investigazzjonijiet kunfidenzjali fil-kumpaniji biex jiskopri l-fatti meta dawn ikunu ta' interess pubbliku
- jagħti pariri lill-Ministri u d-dipartimenti u aġenziiji governattivi dwar l-insolvenza, is-sensji u kwistjonijiet relatati oħrajn
- jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku dwar kwistjonijiet relatati mal-insolvenza, is-sensji u l-investigazzjoni permezz tas-sit elettroniku u l-pubblikazzjonijiet tiegħu u l-Linja Telefonika għall-Mistoqsijiet dwar l-Insolvenza.
Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà tar-reġistru tal-insolvenza Individwali tal-Ingilterra u Wales
Id-dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà testwali fuq is-sit elettroniku tgħid:
“Filwaqt li sar kull sforz sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni provduta hija preċiża, xi kultant jistgħu jsiru żbalji. Jekk tidentifika informazzjoni li tidher inkorretta jew tidher li tħalliet barra, jekk jogħġbok għarrafna billi tuża l-ħoloq li jinsabu f’dan is-sit, biex inkunu nistgħu ninvestigaw il-kwistjoni u nikkoreġu l-bażi ta' dejta kif meħtieġ.
Is-Servizz tal-Insolvenza ma jistax jaċċetta responsabbiltà għal żbalji jew omissjonijiet b’riżultat ta’ negliġenza jew xi ħaġa oħra. Innota li s-Servizz tal-Insolvenza u r-riċevituri uffiċjali ma jistgħux jipprovdu pariri legali jew finanzjarji. Għandek tfittex dan mingħand l-Uffiċċju għall-Pariri għaċ-Ċittadini, avukat, kontabilista kwalifikat, prattikant awtorizzat tal-insolvenza, konsulent finanzjarju magħruf jew ċentru tal-pariri.
Ir-Reġistru tal-Insolvenza Individwali huwa reġistru disponibbli pubblikament u s-Servizz tal-Insolvenza ma jaċċettax, jew ma jagħmel ebda rappreżentazzjoni dwar, kwalunkwe użu li jsir mid-dejta fuq ir-reġistru minn partijiet terzi”.
Ħoloq relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.