Qrati ordinarji nazzjonali

Italja

Din it-taqsima tipprovdilek informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji fl-Italja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Il-qrati ordinarji – introduzzjoni

Il-ġurisdizzjoni ordinarja hija maqsuma bejn:

  • Il-ġurisdizzjoni ċivili, li l-għan tagħha hija l-protezzjoni legali tad-drittijiet f’relazzjonijiet bejn suġġetti privati, jew bejn suġġetti privati u l-amministrazzjoni pubblika – f’ċirkostanzi fejn, fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha, l-amministrazzjoni tippreġudika id-drittijiet suġġettivi ta’ persuna.
  • Il-ġurisdizzjoni kriminali, meta l-imħallfin jissejħu sabiex jiddeċiedu dwar jekk il-proċeduri kriminali stabbiliti minn prosekutur pubbliku kontra individwu partikolari humiex fondati biżżejjed.

Il-proċeduri ċivili u kriminali huma rregolati minn żewġ sensiliet separati ta’ regoli proċedurali: il-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili u l-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali.

Il-proċeduri kriminali jiġu stabbiliti minn membru tal-ġudikatura ordinarju, li jeżerċita l-uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku (ara l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 107 tal-Kostituzzjoni).

Il-proċeduri ċivili jistgħu jsiru minn kwalunkwe entità pubblika jew privata (magħruf bħala l-attur) kontra suġġett ieħor li kontrieh l-ilment huwa indirizzat (magħruf bħala l-konvenut).

Ġurisdizzjoni ċivili

Il-Kummissarji tal-Ġustizzja [Giudici di Pace] huma mħallfin onorarji li jkollhom il-kompetenza fi kwistjonijiet ta’ importanza minuri.

Il-qrati [Tribunali] huma qrati tal-ewwel istanza f’kull tilwim ieħor, u jisimgħu wkoll appelli kontra deċiżjonijiet li jittieħdu mill-kummissarji tal-ġustizzja.

Il-qrati tal-minorenni u d-diviżjonijiet tal-minorenni tal-qorti tal-appell [Tribunali per i Minorenni e Sezione per i Minorenni delle Corti di Appello] ikollhom il-kompetenza fi kwistjonijiet li jinvolvu l-minorenni meta l-qrati ordinarji ma jkunux kompetenti.

Id-diviżjonijiet tal-qrati u l-qrati tal-appell jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet relatati max-xogħol [Sezione dei Tribunali e delle Corti di Appello specializzata per le controversie in materia di lavoro].

Il-qrati tal-appell [Corti di Appello] huma qrati tat-tien’istanza.

Il-Qorti tal-Kassazzjoni [Corte di Cassazione], li hija bbażata f'Ruma, hija l-Qorti Suprema fis-sistema ġudizzjarja, u tqis jekk il-ġudizzji ta’ qrati sarux f’konformità mal-liġi. .

Ġurisdizzjoni kriminali

Il-Kummissarji tal-Ġustizzja [Giudici di Pace] huma mħallfin onorarji li għandhom il-kompetenza f’reati minuri.

Il-qrati [Tribunali] huma qrati tal-ewwel istanza fil-kwistjonijiet kriminali kollha lil jmorru lil hinn mill-kompetenza tal-kummissarji tal-ġustizzja jew tal-qrati tal-assiżi, u jkunu wkoll qrati tal-appell kontra sentenzi li jkunu ngħataw mill-kummissarji tal-ġustizzja.

Il-qrati u d-diviżjonijiet tal-minorenni tal-qrati tal-appell [Tribunali per i Minorenni e Sezione per i Minorenni delle Corti di Appello] ikunu qrati tal-ewwel u tat-tien’istanza għar-reati kollha li jsiru mill-minorenni.

Il-qrati tal-assiżi [Corti di Assise] ikunu qrati tal-ewwel istanza li jkollhom il-kompetenza sabiex jisimgħu l-aktar reati serji.

Il-qrati tal-appell [Corti di Appello] ikunu qrati tat-tien’istanza.

Il-qrati tal-assiżi tal-appell [Corti di Assise di Appello] ikunu qrati tat-tien’istanza għall-appelli kontra sentenzi li jkunu ngħataw mill-qrati tal-assiżi.

Il-qrati u l-uffiċċju tas-sorveljanza (Tribunale di Sorveglianza e Ufficio di Sorveglianza] jirregolaw l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ priġunerija u ta’ multi u l-implementazzjoni tal-liġi penali.

Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni [Corte di Cassazione] hija l-Qorti Taljana li tittratta l-ksur tal-liġi. Din għandha l-kompetenza li tisma’ kwalunkwe talba li timpunja kwalunkwe deċiżjoni li tkun ittieħdet minn kwalunkwe qorti – mingħajr appell quddiem imħallef tat-tien’istanza – kemm fi kwistjonijiet ċivili kif ukoll kriminali, jew kontra xi restrizzjoni fuq il-libertà tal-individwu.

Il-Corte di Cassazione hija l-qorti suprema fis-sistema ġudizzjarja. Skont il-liġi ewlienija dwar il-Ġudikatura tat-30 ta’ Jannar 1941 Nru. 12 (Artikolu 65), din għandha, fost il-funzjonijiet ewlenin tagħha, id-dover "li tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi u l-interpretazzjoni uniformi tagħha, flimkien mal-unità tad-dritt oġġettiv nazzjonali u l-ħarsien tal-limiti bejn il-ġurisdizzjonijiet differenti". Għaldaqstant, waħda mill-karatteristiċi ewlenin tar-rwol tagħha hija li tgħaqqad il-liġijiet: jiġifieri, li jkollha l-għan li tforni ċ-ċertezza fil-bini tal-liġijiet.

Rigward is-smigħ ta’ każijiet fit-tielet istanza, ir-regoli eżistenti jippermettu li l-Qorti Suprema tinvestiga l-fatti ta’ każ meta dawn ikunu ġew trattati diġà fi proċeduri preċedenti, u biss meta jkun meħtieġ sabiex jiġu kkunsidrati r-raġunijiet awtorizzati bil-liġi sabiex jappoġġjaw talba quddiem il-Qorti Suprema.

L-aħħar aġġornament: 18/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.