Talbiet żgħar

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Italja

Proċeduri transfruntieri Ewropej - Talbiet żgħar


*input mandatarju

Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

Il-qrati jew it-tribunali b’ġurisdizzjoni fir-rigward tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar huma: il-Kummissarju tal-Ġustizzja (giudice di pace) jew inkella, fil-każijiet ta’ kompetenza esklużiva previsti mil-leġislazzjoni tal-Italja, il-qorti ordinarja (tribunale ordinario).

B’mod partikolari, il-qorti ordinarja tkun kompetenti f’każ ta’:

(1) talbiet ta’ ħlas ta’ somom ta’ flus fir-rigward ta’ kirjiet ta’ proprjetà immobbli u ta’ negozji (l-Artikolu 447(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

(2) talbiet rigward kuntratti agrikoli (l-Artikolu 9 tal-Att Nru 29 tal-14 ta’ Frar 1990, li b’mod speċifiku jagħti l-kompetenza lit-taqsimiet agrikoli speċjalizzati tal-qrati ordinarji);

(3) talbiet rigward privattivi u trademarks, materji ta’ liġi tal-kumpaniji u antitrust, jiġifieri li jkunu jirrigwardaw kuntratti pubbliċi ta’ xogħol, servizzi jew provvisti ta’ rilevanza Komunitarja (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 168 tas-26 ta’ Ġunju 2003, kif emendat b’L. 27 tal-2012, li b’mod speċifiku jagħti l-kompetenza lit-taqsimiet speċjalizzati fir-rigward tan-negozju tal-qrati ordinarji);

(4) it-talbiet skont id-dritt tan-navigazzjoni, b’mod partikolari għad-dannu f’rabta ma’ ħabtiet tal-bastimenti; id-danni kkawżati minn bastimenti meta jkun qed jankraw jew jirmiġġaw jew iwettqu manuvri oħra f’portijiet u postijiet oħra ta’ waqfien; dannu kkawżat mill-użu ta’ tagħmir tat-tagħbija u tal-ħatt u l-immaniġġar tal-oġġetti fil-portijiet; dannu kkawżat minn bastimenti lil xbieki u tagħmir ieħor tas-sajd; miżati u kumpens għal assistenza, salvataġġ u rkupru; rimborż ta’ nfiq u premji għall-irkupru ta’ tiġrif ta’ bastimenti skont l-Artikolu 589 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

Is-servizz tal-posta: hija permessa wkoll il-preżentata elettronika fil-proċedimenti quddiem il-Qorti ordinarja biss. Din trid issir minn avukat difensur. Fil-ħolqa segwenti hemm aktar informazzjoni teknika: https://pst.giustizia.it/PST/it/pst_1_2.wp.

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

ECC-NET Italia (https://ecc-netitalia.it/en/), li tipprovdi assistenza lill-konsumaturi biss, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha;

IL-MINISTERU tal-ĠUSTIZZJA, għal materji li ma jaqgħux fil-kompetenza ta’ ECC.NET Italia

Dipartimento per gli Affari di Giustizia

Direzione Generale degli Affari internazionali e della Cooperazione giudiziaria

Ufficio I - Cooperazione giudiziaria internazionale

Via Arenula 70 - 00186 Roma Tel. (+39) 06 68852480

Email: cooperation.dginternazionale.dag@giustizia.it

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

Mhumiex previsti għall-kawżi quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja. Madankollu hemm il-possibbiltà ta’ notifiki jew komunikazzjonijiet elettroniċi għall-kawżi quddiem il-Qrati ordinarji. Fil-ħolqa segwenti hemm aktar informazzjoni teknika dettaljata: https://pst.giustizia.it/PST/it/pst_1_7.wp.

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

L-avukati tal-partijiet fil-proċedimenti, iżda biss għall-kawżi li jinstemgħu mill-Qorti ordinarja.

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

It-tariffi tal-qorti li japplikaw huma rregolati mid-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 115 tat-30 ta’ Mejju 2002.

Huma magħmulin minn tliet partijiet: (A) tariffa standard; (B) pagament fiss antiċipat għall-ispejjeż; (C) pagament (għall-kawżi fil-Qorti tal-Kassazzjoni biss) ta’ tariffa fissa għar-reġistrazzjoni tal-atti ġudizzjarji.

(A) L-ammont tat-tariffa standard ivarja skont il-valur tal-kawża u skont jekk il-kawża tkunx qed tinstema’ fil-Qorti tal-Prim’Istanza jew tal-Appell. B’mod partikolari:

(a) għall-kawżi b’valur sa EUR 1 100: EUR 43 jekk il-proċedimenti ġudizzjarji jkunu fil-prim’istanza; EUR 64.50 jekk il-proċedimenti ġudizzjarji jkunu waslu fl-appell; EUR 86 jekk ikun appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni;

(b) għall-kawżi b’valur li jaqbeż l-EUR 1 100 u sa EUR 5 200: EUR 98 jekk il-proċediment ġudizzjarji jkunu fil-prim’istanza; EUR 147 jekk il-proċedimenti ġudizzjarji jkunu waslu fl-appell; EUR 196 jekk ikun appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni;

(B) Minbarra t-tariffa standard, ikun dovut l-ammont ta’ EUR 27 bħala pagament fiss antiċipat għall-ispejjeż.

Eċċezzjoni: għall-kawżi quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja u tentattivi ta’ soluzzjoni extraġudizzjarja li l-valur tagħhom ma jaqbiżx is-somma ta’ EUR 1 033.00, u l-atti u l-miżuri korrispondenti, titħallas biss it-tariffa standard (u b’hekk ikun eskluż il-pagament antiċipat imsemmi taħt il-punt (B)).

(C) Irrispettivament mill-valur tat-talba, jekk il-kawża tinstema’ quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, ikun dovut pagament ulterjuri ta’ EUR 200 li jkun daqs il-pagament previst tat-tariffa fissa għar-reġistrazzjoni tal-atti ġudizzjarji.

Fir-rigward tal-metodi ta’ pagament:

(A) il-pagament tat-tariffa standard jista’ jsir:

(a) fl-uffiċċji postali tal-Italja permezz ta’ formola ta’ kont kurrenti postali;

(b) fil-banek tal-Italja permezz tal-formola F23;

(c) għand il-bejjiegħa ta’ bolol tat-taxxa fl-Italja permezz tal-formola apposta għan-notifika tat-trasferiment;

(d) permezz ta’ trasferiment bankarju:

KODIĊI BIC: BITAITRRENT

IBAN: IT 04 O 01000 03245 350008332100

li huwa metodu disponibbli għall-persuni li mhumiex residenti fl-Italja u ma għandhomx kont kurrenti ma’ bank assoċjat mal-Aġenzija tad-Dħul (Agenzia delle Entrate).

(B) Il-pagament fiss antiċipat għall-ispejjeż jista’ jitħallas:

(a) għand il-bejjiegħa ta’ bolol tat-taxxa fl-Italja permezz tal-formola apposta għan-notifika tat-trasferiment

(b) b’mod elettroniku, għall-kawżi quddiem il-Qrati ordinarji biss;

(C) Il-pagament tat-tariffa fissa għar-reġistrazzjoni jista’ jsir:

(a) fil-banek tal-Italja permezz tal-formola F23;

(b) permezz ta’ trasferiment bankarju.

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissarju tal-Ġustizzja jistgħu jiġu kkontestati b’appell quddiem il-qorti ordinarja. Id-deċiżjonijiet tal-qorti ordinarja jistgħu jiġu kkontestati b’appell quddiem il-qorti tal-appell (corte di appello).

Jiġi applikat il-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum min-notifika tas-sentenza (l-Artikolu 325 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), inkella, f’każ li s-sentenza ma tkunx innotifikata, japplika l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur mill-pubblikazzjoni tagħha (l-Artikolu 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

Il-korpi kompetenti għar-ritrattazzjoni huma:

(a) għad-deċiżjonijiet tal-Kummissarju tal-Ġustizzja: il-qorti ordinarja;

(b) għad-deċiżjonijiet tal-qorti ordinarja: il-qorti tal-appell.

Fir-rigward tal-proċedura, ir-regoli li japplikaw huma dawk li jirregolaw l-appelli u l-kontestazzjonijiet legali (l-Artikoli 323 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

Il-lingwa aċċettata hija t-Taljan.

L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni

L-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni hija l-qorti ordinarja.

L-awtoritajiet kompetenti għas-sospensjoni jew għal-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament hija l-qorti ordinarja.

L-aħħar aġġornament: 11/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.