Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Latvjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Latvja

Din it-taqsima tipprovdilek informazzjoni ġenerali dwar ir-reġistru kummerċjali tal-Latvja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

X’joffri r-reġistru kummerċjali tal-Latvja?

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja (Latvijas Republikas Uzņēmumu reģistrs) hu korp pubbliku Latvjan li jirreġistra negozji (kumpaniji), kummerċjanti, il-fergħat u l-uffiċċji rappreżentattivi tagħhom u tibdiliet fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, u jwettaq attivitajiet oħra previsti fil-leġiżlazzjoni. Ir-Reġistru tal-Intrapriżi jirreġistra wkoll media tal-massa, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet, rahan kummerċjali, interessi kontrollanti, ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali, ftehimiet ta’ sħubija pubblika-privata, partiti politiċi, tribunali tal-arbitraġġ, trade unions, organizzazzjonijiet reliġjużi u istituzzjonijiet reliġjużi, u proċedimenti ta’ insolvenza.

Jeħtieġ li tħallas biex tikkonsulta r-reġistru kummerċjali?

Iva, fil-Latvja ma jeżisti l-ebda reġistru kummerċjali online mingħajr ħlas.

Madankollu, bl-użu tal-funzjonijiet tat-tfittxija disponibbli fuq is-sit web tar-Reġistru tal-Intrapriżi, tista’ tinkiseb mingħajr ħlas l-informazzjoni bażika li ġejja dwar l-entitajiet legali mdaħħla fir-reġistri miżmuma mir-Reġistru tal-Intrapriżi:

  • it-tip ta’ entità legali;
  • l-uffiċċju reġistrat;
  • l-isem jew l-isem kummerċjali ġdid jew attwali u l-isem jew l-isem storiku jew l-isem kummerċjali rreġistrat qabel;
  • in-numru ta’ reġistrazzjoni;
  • Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-benefiċjarju taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (jekk allokat);
  • id-data tar-reġistrazzjoni;
  • id-data tat-tħassir tal-entità legali mir-reġistru (jew id-data tar-riorganizzazzjoni jekk ir-raġuni għat-tħassir tkun riorganizzazzjoni);
  • l-iskadenza għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reliġjużi li jerġgħu jirreġistraw;
  • u jistgħu jsiru verifiki fuq uffiċjali intitolati jirrappreżentaw entità legali partikolari.

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi tal-Latvja jippermetti li l-informazzjoni li ġejja dwar l-entitajiet legali reġistrati kollha tinkiseb mingħajr ħlas bħala data miftuħa:

  • in-numru ta’ reġistrazzjoni;
  • l-isem jew l-isem kummerċjali tal-entità;
  • it-tip ta’ entità legali;
  • f’liema reġistru tinsab irreġistrata l-entità;
  • id-data tar-reġistrazzjoni;
  • informazzjoni rigward it-tħassir tal-entità legali mir-reġistru jew ir-riorganizzazzjoni tagħha;
  • id-data tat-tħassir tal-entità legali mir-reġistru (jew id-data tar-riorganizzazzjoni jekk ir-raġuni għat-tħassir tkun riorganizzazzjoni);
  • l-uffiċċju reġistrat;
  • il-qasam ta’ attività tal-assoċjazzjonijiet, tal-fondazzjonijiet, u tat-trade unions.

Din l-informazzjoni tingħata f’formati tad-data .csv, .txt jew .xlsx u l-aċċess għaliha huwa hawn. L-utent jista’ jagħżel il-format tad-data f’konformità mal-użu intenzjonat tagħha. Id-data tiġi aġġornata kuljum.

L-entrati kollha fir-reġistru kummerċjali jiġu ppubblikati elettronikament fuq is-sit web tal-gazzetta uffiċjali Latvijas Vēstnesis. L-istess proċedura tapplika għall-pubblikazzjoni ta’ dokumenti ppreżentati separatament.

Kif titlob informazzjoni mir-reġistru kummerċjali tal-Latvja

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-entitajiet legali kollha rreġistrati u dwar l-atti legali.

L-informazzjoni tista’ tinkiseb mir-Reġistru tal-Intrapriżi tal-Latvja mingħajr ħlas, mis-sit web ta’ informazzjoni tar-Reġistru, fejn hija disponibbli d-data kurrenti kollha mingħajr il-ħtieġa ta’ awtentikazzjoni, filwaqt li d-dokumenti reġistrati, id-dokumenti mehmużin mal-fajls tar-reġistrazzjoni u r-rekords storiċi kollha jistgħu jiġu aċċessati wara l-awtentikazzjoni b’karta ta’ e-identifikazzjoni nazzjonali tal-Latvja, b’firma elettronika, b’apparati ta’ identifikazzjoni tal-banek jew b’servizzi ta’ awtentikazzjoni tal-EIDAS (għaċ-ċittadini tal-UE).

Meta jkun hemm bżonn li tinkiseb dikjarazzjoni mir-Reġistru tal-Intrapriżi dwar entità legali reġistrata, fatt legali (kuntratt) jew persuna fiżika, formola għat-talba ta’ informazzjoni jew applikazzjoni tiġi ppreżentata personalment, bil-posta, jew fuq l-indirizz tal-posta elettronika uffiċjali tar-Reġistru pasts@ur.gov.lv bħala dokument elettroniku b’firma elettronika u bi kronogramma diġitali siguri. It-talba trid tagħti dettalji tal-pagament magħmul lir-Reġistru tal-Intrapriżi (dokument li jiċċertifika li jkun sar il-pagament, kopja ta’ tali dokument, jew verżjoni stampata tat-tranżazzjoni elettronika bl-internet). Meta titlob informazzjoni, jekk jogħġbok indika l-mezz li tippreferi biex tirċeviha (bil-posta jew bil-posta elettronika).

Ir-Reġistru joħroġ dokumenti mingħand entitajiet legali (kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata (SIA), assoċjazzjonijiet, partiti politiċi, eċċ.) jew minn fajls ta’ reġistrazzjoni jew ta’ rekord ta’ fatt legali (rahan kummerċjali jew kuntratt). Dokumenti mill-parti pubblika tal-fajl ta’ reġistrazzjoni (skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 415 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja jistgħu jinkisbu online fuq is-sit web ta’ informazzjoni tar-Reġistru tal-Intrapriżi mingħajr ċertifikat ta’ awtentiċità, mingħajr ħlas u immedjatament, jekk ikunu mehmużin mal-fajl jew skennjati fih.

Biex tinkiseb kopja tad-dokument b’ċertifikat ta’ awtentiċità, trid tiġi sottomessa formola mimlija għat-talba ta’ informazzjoni jew trid issir sottomissjoni mingħajr format partikolari. Il-ħruġ ta’ kopji ta’ dokumenti b’ċertifikat ta’ awtentiċità hu servizz soġġett għall-ħlas ta’ tariffa. Dan is-servizz jista’ jiġi pprovdut bil-posta jew bil-posta elettronika.

Biex tikseb dokumenti mhux imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 415 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja, minbarra dawn ta’ hawn fuq, it-talba bil-miktub trid tiddikjara r-raġuni għat-talba u l-iskop tal-użu tal-informazzjoni.

Lista tat-tariffi tinstab fuq l-internet.

Kemm huma affidabbli d-dokumenti li hemm fir-reġistru?

Mill-1 ta’ Awwissu 2021, l-entrati kollha fir-reġistru kummerċjali u d-dokumenti kollha mehmużin mal-fajl ta’ reġistrazzjoni li jinsabu fir-reġistru kummerċjali u, f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 415 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja, fil-parti pubblika tal-fajl ta’ reġistrazzjoni jiġu ppubblikati elettronikament mingħajr ħlas fuq is- sit web tal-informazzjoni tar-Reġistru tal-Intrapriżi, u b’hekk tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku online mill-ewwel. L-entrati kollha magħmula fir-reġistru kummerċjali qabel il-31 ta’ Lulju 2021 u kwalunkwe informazzjoni dwar dokumenti speċifiċi ġew ippubblikati fil-gazzetta uffiċjali Latvijas Vēstnesis.

L-entrati jitqiesu li ġew ippubblikati fil-jum (jiġifieri wara nofsillejl) wara li jsiru fih, u d-dokumenti jitqiesu li ġew ippubblikati fil-jum (jiġifieri wara nofsillejl) li jaħbat l-għada tal-jum li fih jithemżu mal-fajl ta’ reġistrazzjoni. L-entrati fir-reġistru kummerċjali jsiru vinkolanti fuq partijiet terzi biss wara l-pubblikazzjoni tagħhom, sakemm l-informazzjoni rilevanti ma tkunx magħrufa mill-parti terza qabel il-pubblikazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk parti terza tista’ turi li ma kinitx konxja u ma setgħetx tkun konxja dwar l-informazzjoni ppubblikata, dik l-informazzjoni ma tistax tkun invokata fir-rigward ta’ passi legali meħuda fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni.

Jekk l-informazzjoni li għandha tiddaħħal fir-reġistru kummerċjali tiġi rreġistrata jew ippubblikata b’mod żbaljat, parti terza tista’ tinvoka l-informazzjoni ppubblikata fir-rigward tal-parti li fl-interessi tagħha tkun ġiet ippubblikata l-informazzjoni, iżda mhux jekk il-parti terza kienet konxja li l-informazzjoni ppubblikata fir-reġistru kummerċjali ma kinitx tikkorrispondi għas-sitwazzjoni legali attwali. Għal informazzjoni aktar dettaljata, jekk jogħġbok ara l-Artikoli 11 u 12 tal-Liġi Kummerċjali.

Kif tikkuntattja r-reġistru kummerċjali tal-Latvja

Id-dettalji ta’ kuntatt:

Register of Enterprises of the Republic of Latvia
Pērses iela 2
Riga
Latvia
LV 1011

Numru tat-telefown għall-informazzjoni: 67031703 (Jekk jogħġbok kun af li ma jingħatawx pariri legali)

Indirizz tal-posta elettronika: pasts@ur.gov.lv

Il-viżitaturi għandhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-kap tal-istituzzjoni, bil-kundizzjoni li jispeċifikaw il-mistoqsija jew il-problema li trid tiġi indirizzata, il-ħin li fih jixtiequ jżuru, u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

L-istorja tar-reġistru kummerċjali tal-Latvja

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja twaqqaf fl-1 ta’ Diċembru 1990.

Links

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja
Ir-Reġistru Kummerċjali Ewropew (aċċess ipprovdut minn Lursoft)

L-aħħar aġġornament: 20/09/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.