L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Fil-Latvja kemm l-eżekuzzjoni mhux ikkontestata tal-obbligi (l-Artikoli 400 – 406, il-Kapitolu 50 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums), kif ukoll l-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika mill-qorti (l-Artikoli 406.1 – 406.10 tal-Kapitolu 50.1 tal-istess liġi) huma possibbli.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

L-eżekuzzjoni mhux ikkontestata tal-obbligi hija awtorizzata:

  1. skont ftehimiet dwar obbligi li jiġu garantiti b’ipoteka rreġistrata pubblikament jew rahan kummerċjali;
  2. skont ftehimiet b’terminu ċċertifikati minn nutar jew ftehimiet b’terminu b’effett legali ekwivalenti fir-rigward ta’ ħlasijiet ta’ flus jew ir-radd lura ta’ proprjetà mobbli;
  3. skont ftehimiet ta’ lokazzjoni ta’ proprjetà b’terminu jew ftehimiet ta’ kiri li huma ċċertifikati minn nutar jew imniżżla fir-Reġistru tal-Artijiet li jipprovdu li l-lokatarju jew inkwilin huwa obbligat, minħabba li jkun skada t-terminu jew ma tkunx tħallset il-lokazzjoni jew il-kera, li joħroġ mill-proprjetà mogħtija b’lokazzjoni jew mikrija u li jħallas il-pagamenti tal-lokazzjoni jew tal-kera;
  4. għaċ-ċedoli kkontestati li ma jkunux fil-forma ta’ att notarili.

L-obbligi indikati ma jistgħux jitwettqu skont eżekuzzjoni mhux ikkontestata jekk:

  1. l-eżekuzzjoni tirrigwarda proprjetà tal-Istat jew ta’ awtorità lokali;
  2. l-obbligu skada maż-żmien, meta t-tmiem tat-terminu jkun jidher b’mod inkontestabbli mill-att innifsu.

L-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti tista’ ssir għal obbligi ta’ ħlas li jkunu ssostanzjati minn dokument u li ż-żmien għall-eżekuzzjoni tagħhom ikun dovut, kif ukoll obbligi ta’ ħlas rigward il-ħlas ta’ kumpens previst f’kuntratt li jirrigwarda l-forniment ta’ prodotti, l-akkwist ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi, jekk dawn l-obbligi jkunu ssostanzjati b’dokument u li għalihom ma ġiex speċifikat terminu għall-eżekuzzjoni.

L-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti ma tistax issir:

  1. għal ħlasijiet relatati ma’ korrispettivi mhux imħallsa;
  2. jekk il-post ta’ residenza ddikjarat jew il-post ta’ residenza tad-debitur ma jkunx magħruf;
  3. jekk il-post ta’ residenza ddikjarat, il-post ta’ residenza, il-post fejn jinsab jew l-uffiċċju reġistrat tad-debitur ma jkunx fil-Latvja;
  4. jekk il-penali mitluba taqbeż l-ammont tad-dejn prinċipali;
  5. jekk l-imgħax mitlub jaqbeż l-ammont tad-dejn prinċipali;
  6. għal obbligi ta’ ħlas fejn l-ammont tad-dejn jaqbeż il-EUR 15 000;
  7. għall-obbligi ta’ ħlas konġunt.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

L-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti ma tistax issir għall-obbligi ta’ ħlas meta l-ammont ta’ dejn jaqbeż il-EUR 15 000.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċeduri ma huwiex obbligatorju.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

L-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti ma tistax issir jekk il-post ta’ residenza ddikjarat, il-post tar-residenza, il-post fejn jinsab jew l-uffiċċju reġistrat tad-debitur ma jkunx fil-Latvja.

1.2 Il-qorti kompetenti

Rikorsi għall-eżekuzzjoni mhux ikkontestata għandhom jiġu ppreżentati fl-uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt:

  1. tal-post ta’ residenza ddikjarat tad-debitur, jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-post ta’ residenza de facto tad-debitur, meta r-rikors jikkonċerna ħlasijiet ta’ flus, ir-restituzzjoni ta’ proprjetà mobbli, jew obbligi taħt kuntratti li huma garantiti b’rahan kummerċjali;
  2. tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, meta r-rikors għall-eżekuzzjoni mhux ikkontestata tal-obbligi tikkonċerna dokumenti li jagħmlu rahan ta’ proprjetà immobbli jew obbligu ta’ żgumbrament jew ir-restituzzjoni ta’ proprjetà immobbli mogħtija b’lokazzjoni jew mikrija. Jekk obbligu jkun garantit permezz ta’ diversi proprjetajiet immobbli, u r-rikorsi jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet ta’ diversi qrati distrettwali jew tal-belt, ir-rikors għandu jinstema’ mill-uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, skont l-għażla tar-rikorrent;
  3. tal-post tar-reġistrazzjoni tal-ipoteka tal-bastiment, jekk ir-rikors ikun ibbażat fuq obbligu ta’ ipoteka għall-bastiment.

Rikors għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti jrid jiġi ppreżentat lill-uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post ta’ residenza ddikjarat tad-debitur, jew fin-nuqqas ta’ dan, tal-post tar-residenza de facto jew l-uffiċċju reġistrat tad-debitur.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Ir-rikorsi għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti jistgħu jiġu ppreżentati biss b’mod elettroniku, bl-użu tal-formola online disponibbli fis-sistema tal-qrati online (il-portal tal-kawżi elettroniċi (e-lietas portāls)).

Id-debitur jista’ jwieġeb billi juża l-formola online disponibbli fis-sistema online jew ifassal ir-risposta tiegħu skont l-Anness 3 tar-Regolament tal-Kabinett Nru 792 tal-21 ta’ Lulju 2009 dwar il-formoli li għandhom jintużaw fl-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti. Il-formola hija disponibbli hawnhekk.

Ma tfasslet l-ebda formola għal rikorsi għal eżekuzzjoni ta’ obbligi mhux ikkontestata, li jridu jsiru skont l-Artikolu 404 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le, dan ma huwiex obbligatorju. Ir-regoli ġenerali dwar ir-rappreżentanza huma stabbiliti fil-Kapitolu 12 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili dwar ir-“Rappreżentanti”.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-rikorsi ma għandhomx għalfejn ikunu ssostanzjati fid-dettall.

Rikors għall-eżekuzzjoni mhux ikkontestata ta’ obbligi irid jindika l-obbligu, u l-att legali li minnu jirriżulta, li tiegħu l-kreditur ikun qed jitlob l-eżekuzzjoni permezz tal-proċedura mhux ikkontestata, filwaqt li jispeċifika d-dejn prinċipali, il-penali kuntrattwali u l-imgħax, u, għaċ-ċedoli, anke l-ispejjeż relatati mal-oġġezzjoni u l-kumpens stabbilit mil-liġi. Ir-rikorsi għall-proċedura mhux ikkontestata għandhom jinkludu l-att eżegwibbli u kopja tiegħu, u għaċ-ċedoli, anke l-oġġezzjoni ċċertifikata minn nutar, kif ukoll il-prova tan-notifika lid-debitur, sakemm ma jirriżultax mil-liġi li ma hija meħtieġa ebda notifika bħal din.

Ir-rikorsi għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti jiġu ppreżentati billi timtela l-formola online disponibbli fis-sistema tal-qrati online (portal tal-kawżi elettroniċi), li fiha tingħata informazzjoni dwar ir-rikorrent u d-debitur, l-obbligu ta’ ħlas, informazzjoni li tidentifika d-dokumenti li jissostanzjaw l-obbligu u t-termini għall-eżekuzzjoni tal-obbligu, l-ammont mitlub u kif ġie kkalkolat, kif ukoll dikjarazzjoni mir-rikorrent li t-talba ma tiddependix fuq it-twettiq ta’ xi kontroparti issa jew fil-passat.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Rikors għal eżekuzzjoni mhux ikkontestata ta’ obbligi trid tkun akkumpanjata mid-dokument li għandu jiġi eżegwit u kopja awtentika tiegħu, jew fil-każ ta’ ċedola, min-notifika tal-oġġezzjoni, u prova li d-debitur ikun ġie nnotifikat, sakemm il-liġi ma tgħidx li tali notifika ma hijiex meħtieġa (il-prova li n-notifika tkun twettqet tista’ tkun dikjarazzjoni miktuba minn uffiċjal ġudizzjarju awtorizzat jew mill-assistent tiegħu li tiddikjara li d-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta tali notifika).

Għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti, ma trid tiġi ppreżentata l-ebda prova bil-miktub tat-talba, iżda r-rikors irid jidentifika d-dokumenti li jissostanzjaw l-obbligu u t-terminu għat-twettiq tal-obbligu. Jekk id-debitur jikkontesta l-validità tal-obbligu ta’ ħlas fi żmien 14-il jum mill-wasla tan-notifika mibgħuta mill-qorti, il-proċedimenti tal-qorti għall-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti jiġu tterminati. Id-deċiżjoni biex jiġu tterminati l-proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti fuq oġġezzjoni tad-debitur ma tipprekludix li titressaq kawża skont proċedura ordinarja tal-qorti.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Għall-eżekuzzjoni mhux ikkontestata tal-obbligi, – imħallef li jippresjedi waħdu jieħu deċiżjoni fi żmien 7 ijiem mill-jum meta jiġi ppreżentat ir-rikors, abbażi tar-rikors u d-dokumenti mehmuża miegħu, mingħajr ma javża minn qabel lill-applikant u lid-debitur. L-imħallef jiċħad ir-rikors jekk ikun infondat jew jekk il-penali indikata fir-rikors tkun sproporzjonata għad-dejn prinċipali, jew jekk id-dokument li jrid jiġi eżegwit ikun fih klawżoli inġusti li jiksru d-drittijiet tal-konsumaturi.

Fil-każ tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti, jekk il-qorti tilqa’ r-rikors iżda fi żmien 14-il jum mill-wasla tan-notifika mibgħuta mill-qorti d-debitur iressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fejn jikkontesta l-validità tal-obbligu ta’ ħlas, l-imħallef itemm il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti.

1.5 Appell

Deċiżjoni tal-imħallef fuq rikors għall-eżekuzzjoni mhux ikkontestata ta’ obbligi jew għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti, ma tistax tiġi appellata.

Meta d-debitur isostni li t-talba tar-rikorrent tkun infondata fuq il-merti, huwa jista’ jippreżenta rikors kontra l-kreditur biex jikkontesta t-talba fi żmien 3 xhur mid-data meta tintbagħat id-deċiżjoni. Meta d-debitur jieħu tali azzjoni, huwa jista’ jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligi; jekk il-kreditur ikun diġà tħallas permezz tal-proċess ta’ eżekuzzjoni, id-debitur jista’ jressaq rikors biex it-talba tiegħu tiġi garantita.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

L-imħallef jiddeċiedi waħdu dwar rikors għall-eżekuzzjoni mhux ikkontestata ta’ obbligi, mingħajr ma jqis il-fehma tad-debitur.

Fil-każ ta’ rikors għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti, l-imħallef jinnotifika lid-debitur bi proposta biex iħallas l-ammont indikat fir-rikors jew jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni lill-qorti fi żmien 14-il jum minn meta tintbagħat in-notifika.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

L-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti – jekk id-debitur jikkontesta l-validità tal-obbligu ta’ ħlas fi żmien 14-il jum minn meta tintbagħat in-notifika, jintemmu l-proċedimenti tal-qorti għall-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti. Jekk id-debitur jaċċetta parti mir-rikors, ir-rikorrent jiġi nnotifikat bir-risposta tad-debitur u jiġi ffissat terminu sa meta r-rikorrent irid jinforma lill-qorti jekk ġietx irrinunzjata dik il-parti tal-obbligu li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet aċċettata. Jekk id-debitur jaċċetta parti mir-rikors, l-imħallef jadotta deċiżjoni dwar it-twettiq eżegwit tal-parti aċċettata, iżda l-proċedimenti tal-qorti għall-bqija jiġu tterminati.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Fir-rigward ta’ rikors għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti, jekk id-debitur ma jippreżentax dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni fit-terminu indikat fin-notifika, l-imħallef jieħu deċiżjoni fi żmien 7 ijiem mid-data ta’ skadenza taż-żmien permess għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni, u jordna l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas speċifikat fir-rikors u l-irkupru tal-ispejjeż tal-qorti.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

L-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti: id-deċiżjoni tal-imħallef dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas indikat fir-rikors issir effettiva minnufih; din hija dokument eżegwibbli li jista’ jiġi eżegwit skont ir-regoli dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

L-eżekuzzjoni mhux ikkontestata ta’ obbligi: l-imħallef, wara li jkun eżamina l-validità tar-rikors u jiddeċiedi li jista’ jintlaqa’, jieħu deċiżjoni dwar liema obbligu għandu jiġi eżegwit u sa liema punt. Id-deċiżjoni tal-imħallef tidħol fis-seħħ mal-ewwel; din hija dokument eżegwibbli li jista’ jiġi eżegwit skont ir-regoli dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Id-deċiżjoni tal-imħallef tiġi ppreżentata għall-eżekuzzjoni flimkien ma’ kopja awtentika tad-dokument li jkun qed jiġi eżegwit.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Deċiżjoni tal-imħallef fuq rikors għall-eżekuzzjoni mhux ikkontestata ta’ obbligi jew għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti, ma tistax tiġi appellata; madankollu, jekk id-debitur ikun tal-fehma li t-talba tar-rikorrent tkun infondata fuq il-mertu, huwa jista’ jiftaħ kawża kontra l-kreditur biex jikkontesta t-talba (f’każ ta’ eżekuzzjoni mhux ikkontestata tal-obbligi, fi żmien 6 xhur minn meta tintbagħat il-kopja awtentika tad-deċiżjoni tal-imħallef, u f’każ ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi fuq notifika tal-qorti, fi żmien 3 xhur mid-data meta tintbagħat il-kopja awtentika tad-deċiżjoni). Meta d-debitur jieħu tali azzjoni, huwa jista’ jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligi; jekk il-kreditur ikun diġà tħallas, id-debitur jista’ jressaq rikors biex it-talba tiegħu tiġi ggarantita.

L-aħħar aġġornament: 06/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.