Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Spejjeż

Olanda

Din il-paġna tipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż legali fin-Netherlands.

Il-kontenut ipprovdut minn
Olanda
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Ir-regoli dwar it-tariffi għall-professjonijiet legali

Bl-eċċezzjoni tat-tariffi pagabbli lil dawk li joffru għajnuna legali sussidjata, it-tariffi fin-Netherlands ma humiex irregolati.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fil-proċedimenti ċivili

Skont l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Kawżi Ċivili) (Wet griffierechten in burgerlijke zaken), il-partijiet f’kawżi ċivili huma meħtieġa jħallsu t-tariffi tal-qorti. It-tariffi tal-qorti huma tariffi li jridu jitħallsu lir-reġistru tal-qorti (l-uffiċċju amministrattiv tal-qorti) meta jibdew il-proċedimenti tiegħek.

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fil-proċedimenti kriminali

Skont il-liġi kriminali Netherlandiża, ma hemmx spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti kriminali. Ma hemmx tariffi tal-qorti fi proċedimenti kriminali.

Spejjeż fissi għall-partijiet f’kawża fi proċedimenti kostituzzjonali

Skont is-sistema legali Netherlandiża, ma hemm l-ebda dispożizzjoni biex kwistjonijiet kostituzzjonali jiġu rrinvjati lill-qrati.

L-istadju tal-proċedimenti ċivili meta jridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

F’kawżi ċivili, kull rikorrent u intimat irid iħallas l-ispejjeż fissi. Ir-rikorrenti jridu jħallsu t-tariffi tal-qorti hekk kif il-kawża tagħhom tiġi riferita lil qorti, filwaqt li l-intimati jridu jħallsu t-tariffi tal-qorti wara li jkunu dehru l-qorti.

L-istadju tal-proċedimenti kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Ma hemmx tariffi tal-qorti fi proċedimenti kriminali.

Informazzjoni li għandha tingħata minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

Il-liġi Netherlandiża ma tgħid xejn dwar dan is-suġġett. Id-drittijiet u l-obbligi jistgħu, madankollu, jiġu derivati mill-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2018 (Gedragsregels 2018). Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati tan-Netherlands (Nederlandse Orde van Advocaten), speċjalment ir-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. Ara wkoll il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Avukati Ewropej, li jiddikjara li l-avukati għandhom f’kull ħin jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-iktar riżoluzzjoni kosteffettiva tat-tilwima tal-klijent u jagħtu parir lill-klijent fl-istadju xieraq dwar ix-xewqa li jfittxu soluzzjoni u/jew li jirrikorru għal proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim. Jekk il-klijenti huma eliġibbli biex jirċievu assistenza legali mingħajr ħlas jew b'rata mnaqqsa, l-avukati jridu jgħarrfuhom b’dan.

Spejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa

F'każijiet ċivili, il-parti rebbieħa tista’ ġġarrab l-ispejjeż li ġejjin:

  • l-assistenza legali (eż. tariffi tal-avukati);
  • ir-remunerazzjoni jew il-kumpens tax-xhieda jew l-esperti;
  • l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni; u
  • spejjeż legali u mhux legali oħra.

Spejjeż imġarrba mill-parti telliefa

Il-parti telliefa ġġarrab l-istess spejjeż bħall-parti rebbieħa, iżda tista’ wkoll tiġi ordnata mill-imħallef biex tħallas l-ispejjeż imġarrba mill-parti rebbieħa.

Spejjeż – bażi legali

Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż fin-Netherlands?

Tista’ ssib informazzjoni dwar kemm jiswew il-proċedimenti fuq is-sit web iddedikat għall-ġudikatura Netherlandiża (De Rechtspraak) – din il-paġna tipprovdi aktar dettalji dwar l-ispejjeż ta’ kawża fil-qorti. Is-sit web tal-Help Desks legali (Het Juridisch Loket) fih ukoll informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti.

B’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni dwar l-ispejjeż fin-Netherlands?

Din l-informazzjoni hija disponibbli biss bl-Olandiż.

Minn fejn nista’ insib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Tista’ ssib informazzjoni dwar il-medjazzjoni fuq is-sit web tal-ġudikatura Netherlandiża u s-sit web tal-Help Desks Legali. L-informazzjoni hija disponibbli wkoll fuq is-siti web tal-Federazzjoni tal-Medjaturi Netherlandiżi (Mediatorsfederatie Nederland) u tal-Bord tal-Għajnuna Legali (Raad voor Rechtsbijstand).

Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Siti web b’informazzjoni dwar l-ispejjeż

Tista’ ssib l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Kawżi Ċivili) u leġiżlazzjoni Netherlandiża oħra fuq is-sit web tal-Gvern Netherlandiż, fost postijiet oħrajn.

Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju li jieħdu proċedimenti differenti?

Ir-rapport annwali tal-Kunsill għall-Ġudikatura (Raad voor de rechtspraak) jagħti ċifri dwar iż-żmien meħud biex il-kawżi jiġu konklużi. Ir-rapport huwa disponibbli online fuq is-sit web tal-ġudikatura Netherlandiża.

Taxxa fuq il-valur miżjud

Kif tinkiseb din l-informazzjoni?

Fejn tiġi ppubblikata l-informazzjoni dwar l-ispejjeż, iċ-ċifri mogħtija ma jinkludux il-VAT (fejn applikabbli).

Liema huma r-rati li japplikaw?

Ir-rata ġenerali tal-VAT applikata għal oġġetti u servizzi hija ta’ 21 %.

Għajnuna legali

Limitu ta’ dħul f’kawżi ċivili

Jekk ma tiflaħx tħallas l-ispejjeż kollha ta’ avukat jew medjatur inti stess, tista’, taħt ċerti ċirkostanzi, tkun eliġibbli għal assistenza legali sussidjata – jiġifieri għajnuna legali.

L-għajnuna legali tingħata biss lil persuni li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 27 300 (għal persuni waħedhom) jew EUR 38 600 (għal persuni miżżewġin jew li jikkoabitaw jew familji b’ġenitur wieħed b’wild minorenni). L-għajnuna legali ma tingħatax lil xi ħadd li għandu assi li jaqbżu l-limitu tal-kapital eżenti mit-taxxa. Ara l-Artikoli 12 u 34 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (Wet op de rechtsbijstand).

Limitu ta’ dħul għall-imputati f’kawżi kriminali

L-għajnuna legali hija mingħajr ħlas fejn rappreżentant legali jiġi assenjat mill-qorti (l-Artikolu 43 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali). F’każijiet oħra, il-Bord tal-Għajnuna Legali jista’ jassenja avukat lil persuni eliġibbli biex jirċievu rappreżentanza skont il-Kodiċi Kriminali (Wetboek van Strafrecht) jew il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Wetboek van Strafvordering) (ara l-Artikolu 44 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali). Skont l-Artikolu 35 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali, kull min huwa assenjat l-għajnuna legali jrid iħallas kontribuzzjoni fi proporzjon mad-dħul tiegħu.

Limitu ta’ dħul għall-vittmi f’kawżi kriminali

Skont l-Artikolu 44 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali, l-assistenza legali għal vittmi ta’ reati sesswali jew reati vjolenti hija bla ħlas, irrispettivament mill-kapaċità tal-vittma li tħallas, jekk tinġieb kawża u jekk il-vittma tkun eliġibbli għal kumpens skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar il-Fond għal Kumpens għal Offiżi Vjolenti (Wet schadefonds geweldsmisdrijven).

Ir-rappreżentanza legali hija obbligatorja?

L-intimati ma għandhomx għalfejn ikunu rrappreżentati minn avukat f’kawżi li għandhom jinstemgħu minn qorti subdistrettwali jew minn tribunal tal-kirjiet. Madankollu, ir-rappreżentanza legali hija obbligatorja fil-kawżi ċivili l-oħra kollha, bħal kawżi li għandhom jinstemgħu minn qorti distrettwali (rechtbank) jew qorti tal-appell (gerechtshof).

Meta trid tħallas l-ispejjeż il-parti telliefa lill-parti rebbieħa?

Id-deċiżjoni dwar liema parti għandha tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri tittieħed mill-qorti. L-ispejjeż huma kkalkulati abbażi ta’ rata fissa (jiġifieri mhux abbażi tal-ispejjeż attwalment imġarrba).

Tariffi tal-esperti

It-tariffi tal-esperti jvarjaw. L-ammonti huma stabbiliti fid-Digriet tas-16 ta’ Awwissu 2003 li jistabbilixxi r-rati ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikoli 3, 4, 6, 7, 17 u 18 tal-Att dwar il-Kawżi Kriminali (Tariffi) (Digriet tal-2003 dwar il-Kawżi Kriminali (Tariffi)Besluit tarieven in strafzaken 2003).

It-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti

It-tariffi għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni huma spjegati hawn taħt.

  • L-interpreti jitħallsu b’rata ta’ EUR 43.89 fis-siegħa.
  • It-tradutturi jitħallsu għal kull linja li jittraduċu. Traduzzjonijiet minn jew għall-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma remunerati b’rata ta’ EUR 0.79 għal kull linja. Ir-rata għal lingwi komuni Ewropej oħra hija ta’ EUR 1.20 għal kull linja. Ir-rata għal lingwi Ewropej oħra u għal lingwi mhux Ewropej komuni hija ta’ EUR 1.51, filwaqt li r-rata għal lingwi oħra mhux Ewropej hija ta’ EUR 1.69 għal kull linja.

Għal aktar informazzjoni dwar it-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti, ara d-Digriet tal-2003 dwar il-Kawżi Kriminali (Tariffi).

Links relatati

Il-Federazzjoni tal-Medjaturi Netherlandiżi

Help Desks Legali

Il-ġudikatura Netherlandiża

L-ispejjeż ta’ kawża l-qorti

L-Att dwar l-Għajnuna Legali

L-Att dwar il-Kawżi Kriminali (Tariffi)

Digriet tal-2003 dwar il-Kawżi Kriminali (Tariffi)

L-aħħar aġġornament: 07/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.