Spejjeż

Rumanija

F’din il-paġna tista’ ssib informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji fir-Rumanija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

Liġi tal-familja – divorzju

Liġi tal-familja – kustodja tat-tfal

Liġi tal-familja – manteniment

Liġi kummerċjali – kuntratt

Liġi kummerċjali – responsabbiltà

Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali

Avukati

Ġeneralitajiet

Id-drittijiet tal-avukati jvarjaw u jiġu ddeterminati skont il-livell ta’ diffikultà, id-daqs u kemm iddum il-kawża. Jista’ jintlaħaq ftehim bil-libertà kollha bejn l-avukat u l-klijent tiegħu dwar il-livell tad-drittijiet, imma dan irid isir fil-limiti tal-liġi u tal-Istatut tal-professjoni.

Il-livell tad-drittjiet li jistgħu jitħallsu jista’ jkun ibbażat fuq:

  • Rata fis-siegħa mitluba b’relazzjoni għas-sigħat maħduma;
  • Somma fissa;
  • Ammont li jiddependi minn eżitu pożittiv: minbarra somma fissa, l-avukat jista’ jitlob somma addizzjonali, fissa jew varjabbli li titħallas jekk tintrebaħ il-kawża. (Madankollu, huwa assolutament ipprojbit li d-dritt tal-avukat ikun ibbażat esklużivament fuq l-eżitu ġudizzjarju).
  • Kemm drittijiet fis-siegħa kif ukoll drittijiet fissi, irrispettivament mir-riżultat miksub.

Huwa kważi impossibli li tagħti stima tad-drittijiet għaliex din l-informazzjoni tista’ tinkiseb biss wara li l-każ jiġi ppreżentat lill-avukat, li mbagħad se jikkalkula d-drittijiet li għandhom jitħallsu billi jikkunsidra l-aspetti kollha neċessarjament relatati mal-każ, u prinċipalment l-ammont ta’ xogħol involut, il-valur tal-kawża u anki n-natura tal-parti għall-kawża.

Bailiffs (Eżekuturi ġudizzjarji)

Ġeneralitajiet

L-ammont tat-tariffa jiddependi mill-attività meħtieġa għat-twettiq tal-eżekuzzjoni wara li tkun ingħatat sentenza tal-qorti jew ordni ta' eżekuzzjoni skont il-liġi. Il-lista tat-tariffi ġiet stabbilita mill-Ministeru tal-Ġustizzja b'koperazzjoni mal-Unjoni Nazzjonali ta’ Eżekuturi Ġudizzjarji. L-eżekutur ġudizzjarju jitħallas mill-parti li tkun talbet l-eżekuzzjoni ta’ xi proċedura. B’mod ġenerali, l-eżekuturi ġudizzjarji jitħallsu għal kull att ta’ eżekuzzjoni individwali.

Fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ talbiet marbuta ma' ammonti ta’ flus, it-tariffi massimi huma kif ġej:

Fil-każ ta’ talbiet sa RON 50 000 inklużiv

It-tariffa massima hija ta’ 10% tal-valur tat-talba (pereżempju jekk il-valur tat-talba jkun RON 40 000, it-tariffa ma tistax tkun iktar minn RON 400 jew EUR 100).

Fil-każ ta’ talbiet bejn RON 50 000 u RON 80 000 inklużiv

It-tariffa massima hija ammont fiss ta’ RON 5 000 u 3% tal-ammont li jeċċedi RON 50 000.

Fil-każ ta’ talbiet bejn RON 80 000 u RON 100 000 inklużiv

It-tariffa massima hija ammont fiss ta’ RON 5 900 u 2% tal-ammont li jeċċedi RON 80 000.

Fil-każ ta’ talbiet għal iktar minn RON 100 000

It-tariffa massima hija ammont fiss ta’ RON 6 300 u 1% tal-ammont li jeċċedi RON 100 000.

Informazzjoni dettaljata rigward it-tariffi minimi u massimi skont it-tip ta' att ta' eżekuzzjoni

Drittijiet mitlubin qabel is-sentenza (qabel ma tiġi ppreżentata t-talba)

Notifika u komunikazzjoni ta’ dokumenti proċedurali

Bejn RON 20 (EUR 5) u RON 400 (EUR 100).

Aċċertament ta’ sitwazzjoni fattwali u kompilazzjoni ta’ inventarju tal-beni (l-Artikolu 239 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

Bejn RON 100 (EUR 25), u RON 2,200 (EUR 550) għal debitur li jkun persuna naturali jew RON 5,200 (EUR 1300) għal debitur li jkun persuna legali.

Nota ta’ offerta reali

Bejn RON 50 (EUR 12.5) u RON 350 (EUR 87.5).

Konfiski

10% tal-valur attwali

Qbid

Bejn RON 100 (EUR 25), u RON 1,200 (EUR 300) għal debitur li jkun persuna naturali jew RON 2,200 (EUR 550) għal debitur li jkun persuna legali.

Konsulenza legali marbuta mal-kostituzzjoni ta’ dokumenti eżekutorji

Bejn RON 20 (EUR 5) u RON 200 (EUR 50).

 

Drittjiet mitluba waqt il-proċedimenti

Sekwestru

It-tariffa minima għal talba sa massimu ta’ RON 60 (EUR 15) hija RON 60 (EUR 15)

Fil-każ ta’ talbiet għal iktar minn RON 1 000, RON 60 u 2% tal-ammont li jeċċedi RON 1 000

Għal somom sa RON 50,000 (EUR 12,500) id-dritt jista’ jlaħħaq sa 10% tal-valur tat-talba;

Għal somom bejn RON 50,001 u RON 80,000 (EUR 20,000) id-dritt huwa ta’ 3% tal-valur tat-talba;

Għal somom bejn RON 80,001 u RON 100,000 (EUR 25,000) id-dritt huwa ta’ 2% tal-valur tat-talba; u

Għal somom ta’ iktar minn RON 100,000 id-dritt huwa ta’ 1% tal-valur tat-talba.

Protest f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ drafts, promissory notes jew ċekkijiet

Dritt minimu ta’ RON 150 (EUR 37.5)

Massimu ta’ RON 400 (EUR 100).

Qbid ġudizzjarju

Dritt minimu ta’ RON 100 (EUR 25)

Massimu ta’ RON 1,200 (EUR 300) għal debitur li jkun persuna naturali jew RON 2,200 (EUR 550) għal debitur li jkun persuna legali.

Drittijiet mitlubin wara l-proċedimenti (wara li l-qorti tkun qatgħet is-sentenza)

It-tqegħid ta’ tifel/tifla (minuri) jew l-istabbiliment tar-residenza tat-tifel/tifla (minuri)

Bejn RON 50 (madwar EUR 12.5) u RON 1,000 (EUR 250).

Kuntatt mat-tifel/tifla/Żjarat lit-tifel/tifla (minuri)

Bejn RON 50 (madwar EUR 12.5) u RON 500 (EUR 125).

Fil-każ ta’ rkupru ta’ djun

L-irkupru ta’ dejn/talbiet permezz tal-prosekuzzjoni/eżekuzzjoni ta' proprjetà mobbli

Tariffi minimi

RON 60 (EUR 15) f’każ ta’ talbiet sa massimu ta’ RON 1 000 (EUR 250)

Fil-każ ta’ talbiet għal iktar minn RON 1 000, RON 60 u 2% tal-ammont li jeċċedi RON 1 000

Drittijiet massimi

Sa 10% għas-somom sa RON 50,000 (EUR 12,500);

3% għal somom bejn RON 50,001 u RON 80,000 (EUR 20,000);

2% għal somom bejn RON 80,001 u RON 100,000 (EUR 25,000); u

1% għal somom ta’ iktar minn RON 100,000.

L-irkupru ta’ dejn/talbiet permezz tal-prosekuzzjoni/eżekuzzjoni ta' proprjetà immobbli

Drittijiet minimi

RON 150 (EUR 37.5) f’każ ta’ talbiet sa massimu ta’ RON 1 000 (EUR 250)

Fil-każ ta’ talbiet għal iktar minn RON 1 000, RON 150 (EUR 37.5) u 2% tal-ammont li jeċċedi RON 1 000

Drittijiet massimi

Sa 10% għas-somom ta’ mhux iktar minn RON 50,000 (EUR 12,500);

3% għas-somom ta’ bejn RON 50,001 u RON 80,000 (EUR 20,000);

2% għas-somom ta’ bejn RON 80,001 u RON 100,000 (EUR 25,000); u

1% għas-somom ta’ iktar minn RON 100,000.

 

Esperti ġudizzjarji tekniċi

It-drittijiet tal-esperti ġudizzjarji tekniċi jvarjaw. It-tariffa għal perizja teknika ġudizzjarja tiġi stabbilita mill-korp li jkun ordna l-perizja, billi jqis il-kumplessità tal-perizja, il-kwantità ta’ xogħol li tinvolvi u l-grad professjonali jew xjentifiku ta’ espert ġudizzjarju tekniku.

  • il-perizja ġudizzjarja teknika titwettaq b’ordni tal-qrati, tal-entitajiet li jwettqu l-prosekuzzjoni kriminali jew ta’ korpi oħrajn li xogħolhom huwa marbut mad-determinazzjoni tal-fatti jew iċ-ċirkostanzi tal-każ, billi jaħtru esperti ġudizzjarji tekniċi awtorizzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja;
  • il-parti interessata għandha d-dritt li titlob li l-perizja ssir mill-espert ġudizzjarju tekniku maħtur flimkien ma' espert ġudizzjarju tekniku jew speċjalist, li jservi ta’ konsulent għall-parti, magħżul mill-parti stess u mħallas minnha, u approvat mill-korp ġudizzjarju li jkun ordna li ssir il-perizja. It-tariffa tal-espert ġudizzjarju tekniku magħżul tiġi stabbilita mill-parti u l-espert, permezz ta’ ftehim komuni msejjes fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ bejniethom, u titħallas mill-parti li tkun għażlet dak l-espert.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

Spiża fissa biex jitressaq rikors il-qorti: id-drittijiet tal-qorti u t-taxxa tal-boll

It-talbiet imressqa quddiem il-qrati li huma suġġetti għad-drittijiet tal-qorti jridu jingħataw il-boll ġudizzjarju.

Drittijiet tal-qorti

Id-drittijiet tal-qorti jistgħu jvarjaw bejn madwar EUR 0.5 sa iktar minn EUR 1,500.

Għal talbiet finanzjarjament kwantifikabbli (eż. applikabbli fil-kawżi għal alimenti, f’kawżi kummerċjali), id-drittijiet tal-qorti jvarjaw skont il-valur tat-talba:

Valur tat-talba

Ammont tad-dritt tal-qorti

Sa RON 39

RON 2

RON 39.01 - RON 388

RON 2 flimkien ma’ 10% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 39

RON 388.01 - RON 3,879

RON 37 flimkien ma’ 8% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 388

RON 3,879.01 - RON 19,395.00

RON 316 flimkien ma’ 6% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 3,879

RON 19,395.01 - RON 38,790.00

RON 1,247 flimkien ma’ 4% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 19,395

RON 38,790,01 - RON 193,948.00

RON 2,023 flimkien ma’ 2% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 38,790

Iktar minn RON 193,948.00

RON 5,126 flimkien ma’ 1% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 193,948

 

Għal talbiet relatati mal-liġi tal-familji, id-drittijiet tal-qorti huma:

Għal divorzju kkawżat minn deterjorament fir-relazzjonijiet familjari jew minn divorzju bi qbil bejn il-konjuġi (il-Kodiċi tal-Familja Rumen, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 38)

RON 39 (EUR 10)

Għal divorzju kkawżat mill-fatt li konjuġi ma jistax iwettaq l-obbligi familjari tiegħu jew tagħha minħabba mard serju (il-Kodiċi tal-Familja Rumen, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 38) u għal divorzju kkawżat minn dħul baxx (inqas mis-salarju gross minimu nazzjonali) jew minn nuqqas ta’ dħul min-naħa ta’ wieħed mill-konjuġi

RON 8 (EUR 2)

Għall-kustodja tat-tfal, għall-istabbiliment tad-domiċilju tal-wild minuri, għar-rikonoxximent tal-ulied sabiex ikunu jistgħu jużaw kunjom il-ġenitur

RON 6 (EUR 2.5)

  • Taxxa tal-boll (madwar EUR 1) – tvarja bejn RON 1.5 u RON 5
  • Deċiżjonijiet tal-qorti – Spiża ta’ deċiżjoni (madwar EUR 1)

Id-deċiżjonjiet ġudizzjarji, iċ-ċitazzjonijiet u n-notifiki jiġu kkomunikati lill-partijiet, lix-xhieda, lill-esperti jew lil kwalunkwe persuna jew istituzzjoni oħra involuta fil-kawża mingħajr ħlas.

Il-konsultazzjoni jew l-ikkoppjar ta’ dokumenti mill-proċess (fajl) tal-qorti u ta’ ċertifikati mill-uffiċċju tal-iskrivani tal-qorti huma bi ħlas (massimu ta’ RON 4).

  • Spiża biex tinkiseb deċiżjoni awtentikata (inqas minn EUR 1)

Talbiet lill-qrati sabiex jiġu kkonsenjati kopji ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ddikjarati bħala finali u irrevokabbli

Ittimbrati, bi dritt tal-qorti li jlaħħaq RON 2

Proċedimenti oħrajn: spejjeż fissi

Drittijiet li jitħallsu lit-tradutturi jew lill-interpreti

1. Drittijiet tat-tradutturi jew tal-interpreti

Dawn jiġu ddeterminati mill-qorti fid-deċiżjoni li taħtar lill-interpretu jew lit-traduttur. It-tariffa minima ta’ RON 20 tiżdied bi:

  • 50% għal traduzzjonijiet minn jew f’ilsien orjentali (il-Ġappuniż, iċ-Ċiniż) jew ilsien li rari jintuża; jew għal traduzzjonijiet urġenti (fi żmien 24-48 siegħa);
  • 100% għal interpretazzjoni simultanja; jew għal servizzi waqt tmiem il-ġimgħa, btajjel legali jew jiem mhux tax-xogħol, jew bejn l-10pm u s-6am.

Il-livelli preċiżi tat-tariffi huma:

Għal interpreti awtorizzati

RON 23.15 (madwar EUR 6) fis-siegħa jew, jekk ikun applikabbli, għal inqas minn siegħa (frazzjonijiet ta’ siegħa)

Għal traduzzjonijiet

RON 33.56 (madwar EUR 8) għal kull paġna

Il-VAT tiġi miżjuda ma’ dawn l-ammonti fejn ikun legalment meħtieġ.

2. Drittijiet tal-Bailiffs (Eżekuturi Ġudizzjarji)

Jekk jogħġbok irreferi għall-kapitolu dwar id-Drittijiet tal-Bailiffs ta’ iktar ’il fuq.

Appelli

L-ispejjeż ta’ kawża tal-prim’istanza huma simili għal dawk li jitħallsu għal proċedura ta’ appell, imma jammontaw għal 50% ta’ dawk li jsiru waqt il-proċess.

L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

1. Drittijiet tal-qorti

Dawn jitħallsu bil-quddiem, qabel ma tiġi riċevuta, ipproċessata jew tinħareġ id-dokumentazzjoni rilevanti jew jitwettaq is-servizz mitlub. Fil-prattika, l-applikant iħallas id-dritt tal-qorti li huwa jistma li huwa korrett meta jressaq it-talba tiegħu. Fl-ewwel seduta, il-qorti tiddetermina d-drittijiet tal-qorti legali li għandhom jitħallsu u titlob kif inhu xieraq lill-parti biex tħallas kwalunkwe nuqqas.

2. Drittijiet tal-Eżekuturi Ġudizzjarji

L-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni jridu jitħallsu bil-quddiem mill-parti li tkun talbitha. Il-ħlas bil-quddiem tad-drittijiet tal-eżekuturi ġudizzjari madankollu ma jistax ikun kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti.

3. Drittijiet ta’ interpretazzjoni

Il-parti li tkun talbet servizzi ta’ interpretazzjoni trid tħallas id-dritt iffissat mill-qorti, l-ispejjeż uffiċjali tal-ivvjaġġar jew id-dritt tal-interpretu fi żmien ħamest (5) ijiem minn meta jiġi ffissat id-dritt.

4. Drittijiet tal-esperti

L-ammont stabbilit bħala tariffa provviżorja u l-ħlas bil-quddiem għall-ispejjeż tal-ivjaġġar, meta jkun hemm, għandhom jitħallsu mill-parti li tkun talbet li ssir il-perizja fi żmien ħamest ijiem wara l-ħatra tal-espert ġudizzjarju tekniku, f’kont speċjali li jkun infetaħ għal dan il-għan mill-uffiċċju lokali tal-perizji tekniċi ġudizzjarji u tal-kontabilità. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li dawk l-ispejjeż għandhom jinqasmu bejn il-partijiet.

It-tariffa għal perizja teknika ġudizzjarja tiġi stabbilita mill-korp li jkun ordna l-perizja, billi jqis il-kumplessità tal-perizja, il-kwantità ta’ xogħol li tinvolvi u l-grad professjonali jew xjentifiku tal-espert jew tal-ispeċjalist.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali

M’hemm l-ebda spiża fissa għall-partijiet relatata ma’ proċedimenti kriminali.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali

M’hemm l-ebda spiża fissa relatata ma’ proċedimenti kostituzzjonali.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

Fir-Rumanija, ir-rappreżentanti legali m’għandhomx obbligu dirett li jagħtu lill-partijiet informazzjoni minn qabel dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, il-prospetti li għandhom li jirbħu l-kawża u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti. Madankollu,skont l-Istatut tal-professjoni legali, l-avukat għandu d-dmir li jagħti pariri fil-pront, b’mod kuxjenzjuż, korrett u diliġenti lill-klijent tiegħu.

Sorsi tal-ispejjeż

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fir-Rumanija?

Mhux faċli li ssib informazzjoni li tispjega d-diversi sorsi tal-ispejjeż peress li din ma tiġix ippubblikata fis-siti elettroniċi tal-istituzzjonijiet pubbliċi, u lanqas tissemma’ fil-fuljetti. L-informazzjoni tista’ tinkiseb direttament mill-persuni li jaħdmu f’dan il-qasam jew mil-liġijiet li ġejjin li għandhom x’jaqsmu mal-ispejjeż ġudizzjarji.

  1. Id-drittijiet tal-qorti u t-taxxa tal-boll huma rregolati mil-Liġi Nru. 146/1997 dwar id-drittijiet tal-qorti u mill-Ordinanza tal-Gvern Nru. 32/1995 dwar it-taxxa tal-boll.
  2. id-drittijiet tal-avukati huma rregolati mill-Att Nru 188/2000 dwar l-eżekuturi ġudizzjarji u l-Ordni Nru 2550/C tal-14 ta' Novembru 2006 li tapprova t-tariffi minimi u massimi għal servizzi mogħtija minn eżekuturi ġudizzjarji.
  3. id-drittijiet tal-esperi ġudizzjarji huma rregolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u mill-Ordinanza tal-Gvern Nru. 2/2000 dwar l-organizzazzjoni tal-attività tal-għarfien espert tekniku ġudizzjarju jew mhux ġudizzjarju.
  4. Id-drittijiet tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni huma rregolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, mil-Liġi Nru. 1781997 u mill-Ordni Nru. 772 tal-5 ta' Marzu 2009 dwar l-istabbiliment tad-drittijiet għal interpreti u tradutturi awtorizzati.

B’liema ilsna nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fir-Rumanija?

Il-liġijiet li jirregolaw l-ispejjeż huma disponibbli biss bir-Rumen.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni hija rregolata mil-Liġi Nru. 192/2006 dwar il-medjazzjoni u dwar l-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ medjatur. Din il-liġi tipprovdi li l-medjatur ikun intitolat għall-ħlas ta’ dritt li jiġi miftiehem mal-partijiet, kif ukoll għar-rifużjoni tal-ispejjeż li jagħmel b’konnessjoni mal-medjazzjoni.

Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?

Tista’ ssib informazzjoni statistika dwar it-tul ta’ żmien medju tal-kawżi fir-rapport annwali dwar l-attività ġudizzjarja Rumena, disponibbli bir-Rumen mis-siti elettroniċi pubbliċi tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (ara l-Kapitolu 3.4 intitolat Indikaturi tal-kwalità tal-attività ġudizzjarja, paġni 155-162).

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Il-VAT la tapplika għad-drittijiet tal-qorti, la għat-taxxa tal-boll u lanqas għad-drittijiet tal-avukati inklużi fil-kuntratt tal-assistenza legali.

Għat-traduzzjoni tad-dokumenti, il-VAT tiġi miżjuda mat-tariffa fejn dan ikun legalment meħtieġ.

Għajnuna Legali

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

Dħul medju nett fix-xahar għal kull membru tal-familja

Kundizzjonijiet għall-għotja

Inqas minn RON 500 (madwar EUR 125)

Il-livell tad-dħul għandu jkun taħt il-limitu għal mill-inqas xahrejn qabel mar-rikors jitressaq quddiem il-qorti, f’liema każ l-ispejjeż tal-kawża jħallashom kollha l-Istat.

Inqas minn RON 800 (madwar EUR 200)

Il-livell tad-dħul għandu jkun taħt il-limitu għal mill-inqas xahrejn qabel ma r-rikors jitressaq quddiem il-qorti, f’liema każ 50% tal-ispejjeż iħallashom l-Istat.

L-għajnuna legali tingħata wkoll:

  • Meta l-ispejjeż fissi jew l-ispejjeż ikkalkulati globali tal-kawża jistgħu jirrestrinġu d-dritt kostituzzjonali tal-applikant għal aċċess effettiv għall-ġustizzja; jew
  • Meta d-dritt tal-applikant biex ikollu aċċess għall-ġustizzja jista’ jkun ristrett minħabba differenzi fil-livelli tal-għajxien bejn l-Istat Membru ta’ residenza u r-Rumanija.
  • Irrispettivament mid-dħul tad-destinatarju tal-għajnuna, meta liġi speċjali tipprovdi d-dritt għal għajnuna legali jew għal għajnuna legali mingħajr ħlas bħala miżura protettiva għad-destinatarju tal-għajnuna legali (jekk id-destinatarju tal-għajnuna legali jkun minuri, jew persuna b’diżabbiltà, jew f’sitwazzjoni speċjali oħra).

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati

Il-kunċett ta’ limitu huwa applikabbli biss fi kwistjonijiet ċivili. Fi kwistjonijiet kriminali, id-dispożizzjonijiet legali prinċipali li jirregolaw dan il-qasam huma inklużi fl-Artikolu 171 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. L-għajnuna legali tingħata lill-akkużat meta:

  1. ikun minuri;
  2. ikun intbagħat f’ċentru ta’ riedukazzjoni jew f’istituzzjoni medika edukattiva;
  3. diġà jkun ġie arrestat jew inżamm f’kustodja fil-kuntest ta’ każ/ijiet kriminali ieħor/oħrajn;
  4. ikun ġie internat f’istituzzjoni medika jew irċieva trattament mediku obbligatorju;
  5. l-awtorità tal-investigazzjonijiet kriminali jew il-qorti tikkunsidra li l-akkużat mhux kapaċi jmexxi d-difiża tiegħu;
  6. il-piena prevista mil-liġi għall-allegat delitt hija sentenza ta’ ħabs għal għomru jew sentenza ta’ ħabs għal mill-inqas ħames (5) snin.

Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi

Il-kunċett ta’ limitu ma japplikax għall-vittmi fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Id-dispożizzjonijiet legali rilevanti li jirregolaw dan il-qasam huma inklużi fl-Artikolu 173 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż

It-talbiet li ġejjin huma legalment eżentati minn kwalunkwe spiża tal-qorti:

  • It-talbiet kollha relatati ma’: (1) il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal (irregolati mil-Liġi Nru. 272/2004 rigward il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal), (2) it-tutela, (3) il-kurazija, (4) l-assistenza mogħtija lil persuni b’mard mentali serju;
  • Talbiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment legali u kuntrattwali u t-talbiet kollha marbuta mal-adozzjoni (irregolati mil-Liġi Nru. 273/2004 dwar l-adozzjoni);
  • Talbiet oħrajn kif inhu pprovdut mid-diversi liġijiet.

Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?

Fi kwistjonijiet ċivili, ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-għotja tal-ispejjeż jew mal-kumpens għall-ispejjeż huma rregolati mill-Artikoli 274-276 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Fil-prinċipju,

  • Il-parti li titlef hija obbligata (jekk issir talba għal dan) tħallas l-ispejjeż tal-kawża;
  • L-imħallef ma jistax inaqqas id-dritt tal-qorti jew kwalunkwe spiża oħra mħallsa mill-parti li tirbaħ;
  • Konvenut li ammetta l-pretensjoni tar-rikorrent fl-ewwel seduta m’hemmx għalfejn iħallas l-ispejjeż ġudizzjarji, sakemm ma kienx uffiċjalment innotifikat mill-bailiff permezz tal-proċedura speċjalizzata ta’ qabel is-sentenza, li ssemmiet iktar ’il fuq.

Fi kwistjonijiet kriminali, ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-għotja tal-ispejjeż jew mal-kumpens għall-ispejjeż huma rregolati mill-Artikoli 189-193 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Fil-prinċipju,

  • L-ispejjeż meħtieġa għat-twettiq tal-atti proċedurali, għall-amministrazzjoni tal-evidenza, għaż-żamma f’kundizzjoni tajba tal-mezzi materjali tal-evidenza, għar-remunerazzjoni tal-avukati, kif ukoll kwalunkwe spiża oħra relatata mal-kawżi kriminali jiġu koperti mis-somom li jgħaddi l-Istat jew li jħallsu l-partijiet.
  • F’każ li l-akkużat jinstab ħati, huwa jrid ikopri l-ispejjeż ġudizzjarji li għamel l-Istat, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għall-interpreti maħtura mill-entitajiet ġudizzjarji, u f’każijiet fejn ingħatat għajnuna legali mingħajr ħlas.
  • F’każ li l-akkużat jiġi lliberat mill-akkuża jew il-kawża kriminali fil-qorti titwaqqaf, l-ispejjeż ġudizzjarji tal-Istat jitħallsu kif ġej:

F’każ li l-akkużat jiġi lliberat mill-akkuża, minn: (a) il-vittma, sa fejn kienu kkawżati minnha; (b) mill-parti ċivili li t-talbiet ċivili tagħha ġew miċħuda fl-intier tagħhom, sa fejn l-ispejjeż kienu kkawżati minn din il-parti; (c) l-akkużat, li anki meta jiġi lliberat, huwa obbligat iħallas id-danni.

F’każ ta’ abbandun tal-kawża kriminali, minn (a) l-akkużat, jekk tkun ġiet ordnata s-sostituzzjoni tar-responsabbiltà kriminali jew ikun hemm raġuni għat-tnaqqis tal-piena; (b) iż-żewġ partijiet, f’każ ta’ rikonċiljazzjoni; (c) il-vittma, f’każ li l-ilment jiġi rtirat jew jitressaq tardivament quddiem il-qorti.

  • F’każ ta’ amnestija, preskrizzjoni jew irtirar tal-ilment, kif ukoll fil-każ li jkun hemm raġuni għat-tnaqqis tal-piena, jekk l-akkużat jitlob li l-kawża kriminali tibqa’ għaddejja, l-ispejjeż ġudizzjarji jistgħu jiġu koperti mill-vittma jew mill-akkużat, jiddependi minn dispożizzjonijiet ta’ liġijiet konnessi oħrajn.
  • Fil-każijiet l-oħra kollha, l-Istat iħallas għall-ispejjeż ġudizzjarji tiegħu.

Drittijiet tal-esperti

L-Artikolu 274 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistipula li l-parti li titlef il-kawża għandha l-obbligu li fuq talba tħallas l-ispejjeż legali, inklużi d-drittijiet tal-esperi ġudizzjarji tekniċi, li tkun ħallset il-parti li tirbaħ il-kawża.

Dokumenti relatati

Ir-rapport tar-Rumanija rigward l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż PDF (544 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 03/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.