Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

Liema tip ta’ kriminalità nista’ nikseb kumpens għaliha?

Jingħata kumpens finanzjarju lil persuni li jkunu sfaw vittma tar-reati li ġejjin: tentattiv ta' omiċidju u omiċidju involontarju skont l-Artikoli 188 u 189 tal-Kodiċi Kriminali, offiża fuq il-persuna skont l-Artikolu 194 tal-Kodiċi Kriminali, reat volontarju li jwassal għal offiża fuq il-persuna tal-vittma, stupru, konġunġiment karnali ma’ minorenni u attakk sesswali skont l-Artikoli 218-220 tal-Kodiċi Kriminali, traffikar tal-bnedmin u traffikar ta’ minorenni skont l-Artikoli 210 u 211 tal-Kodiċi Kriminali, terroriżmu, u kwalunkwe att kriminali volontarju ieħor imwettaq bi vjolenza.

Liema tip ta’ korriment nista’ nikseb kumpens għalih?

Kumpens finanzjarju jingħata:

  • lill-vittmi: għall-ispejjeż ta’ rikoveru fi sptar u kategoriji oħra ta’ spejjeż mediċi mġarrba mill-vittma; għad-dannu materjali bħala riżultat tal-qerda, tad-degradazzjoni jew tal-fatt li l-assi tal-vittma ma jkunux għadhom tajbin għall-użu, jew mid-deprivazzjoni tal-vittma minħabba t-twettiq tar-reat; għall-qligħ li minnu tkun ġiet imċaħħda l-vittma minħabba r-reat imwettaq;
  • lill-konjuġi, lit-tfal u lill-persuni li huma dipendenti finanzjarjament fuq il-persuni deċeduti: l-ispejjeż tad-dfin, il-manteniment li minnu tkun ġiet imċaħħda l-vittma bħala riżultat tar-reat imwettaq.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b’riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Skont dan il-Kapitolu, kumpens finanzjarju jingħata, fuq talba, lil dawn il-kategoriji ta’ vittmi:

  1. il-persuni li kontrihom ikunu twettqu r-reati li ġejjin: tentattiv ta' omiċidju u omiċidju involontarju skont l-Artikoli 188 u 189 tal-Kodiċi Kriminali, offiża fuq il-persuna skont l-Artikolu 194 tal-Kodiċi Kriminali, reat volontarju li jwassal għal offiża fuq il-persuna tal-vittma, stupru, konġunġiment karnali ma' minorenni u attakk sesswali skont l-Artikoli 218-220 tal-Kodiċi Kriminali, traffikar tal-bnedmin u traffikar ta’ minorenni skont l-Artikoli 210 u 211 tal-Kodiċi Kriminali, terroriżmu, u kwalunkwe att kriminali volontarju ieħor imwettaq bi vjolenza;
  2. il-konjuġi, it-tfal u l-persuni finanzjarjament dipendenti fuq il-persuna li tkun mietet bħala riżultat tar-reati msemmija hawn fuq.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens f’dan il-każ?

Iva, il-familja immedjata (il-werrieta) sal-qraba tat-tieni grad u sal-familji tar-rispett sat-tieni grad ta’ vittma li ma tkunx mietet, iżda li tkun ġarrbet korriment serju bħala konsegwenza diretta ta’ att vjolenti mwettaq b'mod volontarju, jistgħu jirċievu għajnuna finanzjarja.

Kumpens finanzjarju jingħata, fuq talba, lill-kategoriji ta’ vittmi li ġejjin:

  1. il-persuni li kontrihom ikunu twettqu r-reati li ġejjin: tentattiv ta' omiċidju u omiċidju involontarju skont l-Artikoli 188 u 189 tal-Kodiċi Kriminali, offiża fuq il-persuna skont l-Artikolu 194 tal-Kodiċi Kriminali, reat volontarju li jwassal għal offiża fuq il-persuna tal-vittma, stupru, konġunġiment karnali ma' minorenni u attakk sesswali skont l-Artikoli 218-220 tal-Kodiċi Kriminali, traffikar tal-bnedmin u traffikar ta’ minorenni skont l-Artikoli 210 u 211 tal-Kodiċi Kriminali, terroriżmu, u kwalunkwe att kriminali volontarju ieħor imwettaq bi vjolenza;
  2. il-konjuġi, it-tfal u l-persuni finanzjarjament dipendenti fuq il-persuni li jkunu mietu bħala riżultat tar-reati msemmija hawn fuq.

Kumpens finanzjarju jingħata lill-vittmi msemmija hawn fuq jekk ir-reat ikun twettaq fit-territorju tar-Rumanija u l-vittma tkun:

  1. ċittadina Rumena;
  2. ċittadina barranija jew persuna mingħajr Stat li tirrisjedi legalment fir-Rumanija;
  3. ċittadina ta’ Stat Membru tal-UE, li tkun preżenti b'mod legali fit-territorju tar-Rumanija fid-data meta twettaq ir-reat; jew
  4. ċittadina barranija jew persuna mingħajr Stat li tkun residenti fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE u li tkun preżenti b'mod legali fit-territorju tar-Rumanija fid-data meta twettaq ir-reat.

Għall-vittmi li mhumiex inklużi fil-kategoriji ta’ persuni msemmija hawn fuq, jingħata kumpens finanzjarju skont il-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ir-Rumanija hija parti.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva. Il-vittmi jingħataw kumpens finanzjarju jekk ir-reat ikun twettaq fit-territorju tar-Rumanija u l-vittma tkun:

  1. ċittadina Rumena;
  2. ċittadina barranija jew persuna mingħajr Stat li tkun residenti legalment fir-Rumanija;
  3. ċittadina ta’ Stat Membru tal-UE, li tkun preżenti b'mod legali fit-territorju tar-Rumanija fid-data meta twettaq ir-reat; jew
  4. ċittadina barranija jew persuna mingħajr Stat li tkun residenti fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE u li tkun preżenti b'mod legali fit-territorju tar-Rumanija fid-data meta twettaq ir-reat.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawn jew niġi minn hawnhekk (dan hu l-pajjiż ta’ residenza tiegħi jew tan-nazzjonalità) anki jekk l-att kriminali sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat? Jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Le. Kumpens finanzjarju jingħata lill-vittmi jekk ir-reat ikun twettaq fit-territorju tar-Rumanija.

Għandi nkun irrapportajt l-att kriminali lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?

Iva. Kumpens finanzjarju jingħata lill-vittma biss jekk tkun irrapportat lill-korpi tal-prosekuzzjoni jew lill-qorti fi żmien 60 jum mit-twettiq tar-reat jew, fil-każ tal-konjuġi, it-tfal u persuni dipendenti tal-persuni deċeduti, fi żmien 60 jum mid-data meta l-vittma tkun saret taf bit-twettiq tar-reat.

Jekk il-vittma ma setgħetx, fiżikament jew mentalment, tirrapporta lill-korpi tal-prosekuzzjoni, l-iskadenza ta’ 60 jum tiġi kkalkulata mid-data meta jkun intemm l-istat tal-inkapaċità.

Il-vittmi li ma jkunux għalqu t-18-il sena u dawk li jkunu tpoġġew taħt ordni ta’ projbizzjoni m'għandhomx l-obbligu li jagħmlu rapport lill-korpi tal-prosekuzzjoni b'rabta mat-twettiq tar-reat. Ir-rappreżentant legali tal-minorenni jew tal-persuna li tkun tpoġġiet taħt l-ordni ta’ projbizzjoni jista' jirreferi lill-korpi tal-prosekuzzjoni b'rabta mat-twettiq tar-reat.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċeduri kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le. Il-vittma tista' tirrikorri għand il-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati (Comisiei pentru acordarea de compensații financiare victimelor infracțiunilor) biex tingħata ħlas bil-quddiem mill-kumpens finanzjarju sa limitu ta’ ammont ekwivalenti għal għaxar salarji bażiċi minimi grossi nazzjonali, kif stabbilit għas-sena meta l-vittma tkun talbet il-ħlas bil-quddiem.

Il-ħlas bil-quddiem jista’ jintalab fit-talba għal kumpens finanzjarju jew f’talba separata li tista’ tiġi ppreżentata fi kwalunkwe ħin wara n-notifika lill-korpi ġudizzjarji jew lill-qorti, iżda mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tas-sottomissjoni tat-talba għal kumpens. Jekk il-ħlas bil-quddiem ikun intalab permezz ta' talba separata, fiha għandu jiġi indikat ukoll l-istadju tal-proċedimenti legali.

Il-ħlas bil-quddiem jingħata jekk il-vittma tkun f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja.

Id-deċiżjoni dwar it-talba tal-vittma għal ħlas bil-quddiem mill-kumpens finanzjarju tittieħed fi żmien 30 jum mid-data tas-sottomissjoni tat-talba minn żewġ imħallfin tal-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati.

Jekk it-talba għal kumpens finanzjarju tiġi miċħuda, il-vittma għandha tirrifondi l-ħlas bil-quddiem, ħlief f’każijiet meta t-talba għal kumpens finanzjarju tkun ġiet miċħuda biss minħabba li dak li wettaq ir-reat ma jkunx insolventi jew ma jkunx għeb.

Il-vittma li tkun ingħatat ħlas bil-quddiem mill-kumpens finanzjarju hija marbuta li tirrifondih jekk tkun naqset milli tippreżenta t-talba għal kumpens finanzjarju fil-limiti ta’ żmien stabbiliti.

Għandi għalfejn l-ewwel nitlob kumpens mingħand min wettaq ir-reat — jekk ikunu ġew identifikati?

Iva. Meta dak li wettaq ir-reat ikun magħruf, il-vittma tista’ tingħata kumpens finanzjarju jekk dan tal-aħħar ikun għamel talba; il-vittma tkun daħlet bħala parte civile fil-proċedimenti kriminali; dak li wettaq ir-reat ikun insolventi jew ikun għeb; il-vittma ma tkunx kisbet kumpens sħiħ għad-danni mġarrba minn kumpanija tal-assigurazzjoni.

Jekk dak li wettaq ir-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Iva. Meta dak li wettaq ir-reat ma jkunx magħruf, il-vittma tista' tippreżenta t-talba għal kumpens finanzjarju jekk il-vittma ma tkunx kisbet il-kumpens sħiħ għad-danni mġarrba minn kumpanija tal-assigurazzjoni.

Hemm limitu ta’ żmien li fih nista’ nitlob kumpens?

Meta dak li wettaq ir-reat ikun magħruf, il-vittma tista’ tingħata kumpens finanzjarju jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:

  • il-vittma tkun ippreżentat it-talba għal kumpens finanzjarju fi żmien sena, fejn applikabbli:
    1. mid-data tad-deċiżjoni definittiva tal-qorti kriminali li tkun tat sentenza ta' kundanna jew liberatorja u tat kumpens ċivili jew li tkun tat deċiżjoni liberatorja jew deċiżjoni biex jintemmu l-proċedimenti kriminali;
    2. mid-data li fiha l-prosekutur ikun ordna li tintemm il-prosekuzzjoni fir-rigward ta’ ċerti persuni jew li tintemm il-prosekuzzjoni;
    3. mid-data meta tittieħed deċiżjoni biex ma tinbediex prosekuzzjoni;
  • il-vittma tkun daħlet bħala parte civile fil-proċedimenti kriminali;
  • dak li wettaq ir-reat ikun insolventi jew ikun għeb;
  • il-vittma ma tkunx kisbet kumpens sħiħ għad-danni mġarrba minn kumpanija tal-assigurazzjoni.

Jekk dak li wettaq ir-reat ma jkunx magħruf, il-vittma tista' tippreżenta t-talba tagħha għal kumpens finanzjarju fi żmien tliet snin minn meta jkun twettaq ir-reat.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Kumpens finanzjarju jingħata:

  • lill-vittmi: għall-ispejjeż ta’ rikoveru fi sptar u kategoriji oħra ta’ spejjeż mediċi mġarrba mill-vittma; għad-dannu materjali bħala riżultat tal-qerda, tad-degradazzjoni jew tal-fatt li l-assi tal-vittma ma jkunux għadhom tajbin għall-użu, jew mid-deprivazzjoni tal-vittma minħabba t-twettiq tar-reat; għall-qligħ li minnu tkun ġiet imċaħħda l-vittma minħabba r-reat imwettaq;
  • lill-konjuġi, lit-tfal u lill-persuni li huma dipendenti finanzjarjament fuq il-persuni deċeduti: l-ispejjeż tad-dfin, il-manteniment li minnu tkun ġiet imċaħħda l-vittma bħala riżultat tar-reat imwettaq.

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti mensili?

L-għajnuna tingħata f’pagament wieħed.

B’liema mod tista’ l-imġiba tiegħi stess fir-rigward tar-reat, il-kondotta tiegħi jew nuqqas ta’ kooperazzjoni matul il-proċeduri ta’ kumpens jaffettwaw il-possibbiltà li nieħu kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Il-kumpens finanzjarju ma jingħatax jekk:

  • jiġi stabbilit li l-att ma seħħx jew mhuwiex kopert mil-liġi kriminali, jew li l-att twettaq f’difiża leġittima kontra attakk fuq il-vittma;
  • il-vittma tkun ġiet ikkundannata b’deċiżjoni definittiva għal parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali;
  • il-vittma tkun ġiet ikkundannata b’deċiżjoni definittiva għal xi wieħed mir-reati ta' omiċidju volontarju, omiċidju involontarju u omiċidju tal-ewwel grad, offiża gravi fuq il-persuna, reat volontarju li wassal għal offiża gravi fuq il-persuna tal-vittma, stupru, konġunġiment karnali ma' minorenni u perverżjoni sesswali;
  • il-qorti tiddeċiedi favur dak li wettaq ir-reat li kien hemm iċ-ċirkustanza mitiganti ta' eċċess tal-limiti ta’ difiża leġittima kontra l-attakk fuq il-vittma jew iċ-ċirkustanza mitiganti ta’ provokazzjoni.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa l-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja ma tiġix ikkunsidrata.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont?

L-ammonti mħallsa minn dak li wettaq ir-reat bħala kumpens ċivili u l-kumpens miksub mill-vittma minn kumpanija tal-assigurazzjoni għad-danni kkawżati mir-reat imwettaq jitnaqqsu mill-ammont tal-kumpens finanzjarju mogħti mill-Istat lill-vittma.

Kif jiġi kkalkolat il-kumpens?

Jingħata kumpens finanzjarju lill-vittma għas-segwenti kategoriji ta’ danni mġarrba bħala riżultat tar-reat imwettaq:

  1. għall-vittmi tar-reati li ġejjin: tentattiv ta' omiċidju u omiċidju involontarju, offiża fuq il-persuna, reat volontarju li jirriżulta f’offiża fuq il-persuna, stupru, konġunġiment karnali ma' minorenni u attakk sesswali, traffikar tal-bnedmin u traffikar ta’ minorenni, terroriżmu, u kwalunkwe att kriminali volontarju ieħor imwettaq bi vjolenza;
    1. għall-ispejjeż ta’ rikoveru fi sptar u kategoriji oħra ta’ spejjeż mediċi mġarrba mill-vittma;
    2. għad-dannu materjali bħala riżultat tal-qerda, tad-degradazzjoni jew tal-fatt li l-assi tal-vittma ma jkunux għadhom tajbin għall-użu, jew mid-deprivazzjoni tal-vittma minħabba t-twettiq tar-reat;
    3. għall-qligħ li minnu tkun ġiet imċaħħda l-vittma minħabba r-reat imwettaq;
  2. għall-vittmi li huma l-konjuġi, it-tfal u persuni li huma finanzjarjament dipendenti fuq il-persuni li mietu bħala riżultat tar-reati msemmija hawn fuq.
    1. spejjeż tad-dfin;
    2. il-manteniment li minnu tkun ġiet imċaħħda l-vittma bħala riżultat tar-reat imwettaq.

Il-kumpens finanzjarju għad-dannu materjali msemmi fil-punt 2(a) jingħata sa limitu ta’ ammont ekwivalenti għal għaxar salarji bażiċi minimi grossi nazzjonali, kif stabbilit għas-sena li fiha l-vittma tkun ippreżentat it-talba għal kumpens finanzjarju.

L-ammonti mħallsa minn dak li wettaq ir-reat bħala kumpens ċivili u l-kumpens miksub mill-vittma minn kumpanija tal-assigurazzjoni għad-danni kkawżati mir-reat imwettaq jitnaqqsu mill-ammont tal-kumpens finanzjarju mogħti mill-Istat lill-vittma.

Hemm xi limiti minimi/ammont massimu li jista’ jingħata?

Il-kumpens finanzjarju għad-dannu materjali jingħata sa limitu ta’ ammont ekwivalenti għal għaxar salarji bażiċi minimi grossi nazzjonali, kif stabbilit għas-sena li fiha l-vittma tkun ippreżentat it-talba għal kumpens finanzjarju.

Jien mistenni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nirċievi xi istruzzjonijiet dwar kif għandu jiġi kkalkulat jew dwar aspetti oħra?

Iva. It-talba għal kumpens finanzjarju għandha tinkludi:

  1. il-kunjom, l-isem, in-nazzjonalità, id-data u l-post tat-twelid, id-domiċilju jew ir-residenza tal-vittma;
  2. id-data, il-post u ċ-ċirkustanzi tar-reat li kkaġuna l-ħsara;
  3. il-kategoriji ta’ ħsara mġarrba minħabba r-reat imwettaq, li jaqgħu taħt l-Artikolu 27(1);
  4. fejn applikabbli, il-korp ta' prosekuzzjoni jew il-qorti u d-data tar-rinviju għalihom;
  5. fejn applikabbli, in-numru u d-data tad-deċiżjoni jew l-att tal-korp ta' prosekuzzjoni, kif previst fl-Artikolu 24(1)(a);
  6. il-kapaċità tal-vittmi msemmija fl-Artikolu 21(1)(b) bħala l-konjuġi, l-ulied jew id-dipendenti tal-persuna ddeċeduta;
  7. il-fedina penali;
  8. l-ammonti mħallsa bħala kumpens minn dak li wettaq ir-reat jew il-kumpens miksub mill-vittma minn kumpanija tal-assigurazzjoni għad-danni kkwżati mir-reat imwettaq;
  9. l-ammont tal-kumpens finanzjarju mitlub.

Kopji tad-dokumenti ta’ sostenn għall-informazzjoni mdaħħla fit-talba għal kumpens finanzjarju, kif ukoll kwalunkwe dokument ieħor fil-pussess tal-vittma, li huma utli biex tittieħed deċiżjoni dwar it-talba, għandhom jiġu annessi ma’ dik it-talba.

Hemm il-possibbiltà li tingħata gwida mhux mill-qorti, iżda mis-servizzi ta’ għajnuna għall-vittmi ta’ reati (stabbiliti fi ħdan id-direttorati ġenerali għall-assistenza soċjali u għat-tħaris tat-tfal skont il-Liġi Nru 211/2004 dwar ċerti miżuri li jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni, appoġġ u protezzjoni lill-vittmi ta’ reati), skont il-liġi wara valutazzjoni bil-għan li tiġi ddeterminata l-għajnuna meħtieġa mill-vittma.

Sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni lill-vittmi ta’ reati, fl-istruttura organizzazzjonali ta’ kull direttorat ġenerali għandu jitwaqqaf dipartiment li jagħti appoġġ iddedikat lill-vittmi ta' reati, li fi ħdanu jaħdmu ta’ mill-inqas tliet speċjalisti, jiġifieri: assistent soċjali, psikologu u konsulent legali.

Il-proċess ta’ informazzjoni, ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ reati jinkludi l-istadji li ġejjin:

  1. identifikazzjoni: id-determinazzjoni tal-kapaċità tal-vittma ta’ reat għall-finijiet ta’ din il-liġi;
  2. riferiment - l-iggwidar tal-vittma għas-Servizz ta’ Assistenza għall-Vittmi ta’ Reati u lid-dipartimenti u lill-fornituri tas-servizzi soċjali elenkati fl-Artikolu 3^1;
  3. informazzjoni inizjali - l-għoti ta’ informazzjoni ġenerali lill-vittma dwar id-drittijiet tagħha u s-servizzi li tista’ juża;
  4. valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-vittma mis-Servizz ta’ Assistenza għall-Vittmi ta’ Reati u mid-dipartimenti u mill-fornituri tas-servizzi soċjali skont l-Artikolu 3^1 sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri ta’ appoġġ u protezzjoni li huma intitolati għalihom;
  5. l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni;
  6. monitoraġġ u valutazzjoni tas-servizzi ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni.

Is-servizzi ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni jingħataw lill-vittma ta’ reat jew lill-membri tal-familja tagħha mid-direttorati ġenerali mingħajr ħlas, fuq talba tal-vittma jew tal-membri tal-familja tagħha, u jistgħu jingħataw ukoll mis-servizzi pubbliċi ta’ assistenza soċjali fil-livell ta’ lokalitajiet, muniċipalitajiet, u komuni kif ukoll minn fornituri privati ta' servizzi soċjali.

Applikazzjoni għal servizzi ta’ assistenza u ta’ protezzjoni tiġi indirizzata lid-direttorat ġenerali, iżda tista’ tiġi indirizzata wkoll lil fornitur privat jew pubbliku ta’ servizzi soċjali, f’liema każ il-fornitur għandu jinforma bil-miktub lid-direttorat ġenerali fil-ġurisdizzjoni fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu d-domiċilju jew ir-residenza tiegħu.

Il-vittmi jistgħu jiġu riferuti wkoll, skont l-eżiġenzi identifikati tagħhom, għal servizzi soċjali, edukattivi, tal-kura tas-saħħa jew servizzi oħra ta’ interess ġenerali fil-lokalità tagħhom, li jingħataw skont il-liġi.

Is-servizzi ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni mogħtija lill-vittmi ta’ reati u lill-membri tal-familja tagħhom jistgħu jkunu:

  1. informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittma;
  2. konsulenza psikoloġika, konsulenza dwar ir-riskji ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta jew ta’ intimidazzjoni u vendetta;
  3. pariri dwar kwistjonijiet finanzjarji u prattiċi sussegwenti għar-reat;
  4. servizzi ta’ integrazzjoni/riintegrazzjoni soċjali;
  5. appoġġ emozzjonali u soċjali għall-fini ta’ riintegrazzjoni soċjali;
  6. informazzjoni u konsulenza dwar ir-rwol tal-vittma fil-proċedimenti kriminali, inkluż tħejjija għall-parteċipazzjoni fil-proċedimenti. Dawn is-servizzi ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza ma jinkludux l-għajnuna legali bla ħlas għall-vittmi ta’ ċerti reati skont l-Artikoli 14-20 tal-Liġi Nru 211/2004 dwar ċerti miżuri li jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ reati jew għajnuna legali għall-persuna leża skont il-Liġi Nru 135/2010 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif sussegwentement emendata u supplimentata;
  7. l-iggwidar tal-vittma għal servizzi speċjalizzati oħrajn, fejn applikabbli: servizzi soċjali, servizzi tal-kura tas-saħħa, servizzi tal-impjieg, servizzi ta’ edukazzjoni jew servizzi oħra ta’ interess ġenerali pprovduti skont il-liġi.

Jekk nirċievi xi kumpens għat-telf minn sorsi oħra (bħal mingħand min iħaddimni jew skema ta’ assigurazzjoni privata), se jitnaqqsu mill-kumpens imħallas mill-awtorità/entità?

Iva. L-ammonti mħallsa minn dak li wettaq ir-reat bħala kumpens ċivili u l-kumpens miksub mill-vittma minn kumpanija tal-assigurazzjoni għad-danni kkawżati mir-reat imwettaq jitnaqqsu mill-ammont tal-kumpens finanzjarju mogħti mill-Istat lill-vittma.

1.18. Nista’ nieħu ħlas bil-quddiem mill-kumpens? Jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Le. Il-vittma tista' tirrikorri għand il-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati (Comisiei pentru acordarea de compensații financiare victimelor infracțiunilor) biex tingħata ħlas bil-quddiem mill-kumpens finanzjarju sa limitu ta’ ammont ekwivalenti għal għaxar salarji bażiċi minimi grossi nazzjonali, kif stabbilit għas-sena meta l-vittma tkun talbet il-ħlas bil-quddiem.

Il-ħlas bil-quddiem jista’ jintalab fit-talba għal kumpens finanzjarju jew f’talba separata li tista’ tiġi ppreżentata fi kwalunkwe ħin wara n-notifika lill-korpi ġudizzjarji jew lill-qorti, iżda mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tas-sottomissjoni tat-talba għal kumpens.

Il-ħlas bil-quddiem jingħata jekk il-vittma tkun f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja.

Jekk it-talba għal kumpens finanzjarju tiġi miċħuda, il-vittma għandha tirrifondi l-ħlas bil-quddiem, ħlief f’każijiet meta t-talba għal kumpens finanzjarju tkun ġiet miċħuda biss minħabba li dak li wettaq ir-reat ma jkunx insolventi jew ma jkunx għeb.

Il-vittma li tkun ingħatat ħlas bil-quddiem mill-kumpens finanzjarju hija marbuta li tirrifondih jekk tkun naqset milli tippreżenta t-talba għal kumpens finanzjarju fl-iskadenzi stabbiliti.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (eż. wara bidla fiċ-ċirkostanzi jew saħħa li tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Il-Liġi Nru 211/2004 dwar ċerti miżuri li jipprevedu l-għoti ta’ informazzjoni, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ reati ma timponi ebda limitazzjoni ħlief dik skont l-Artikolu 27(2), jiġifieri għaxar salarji bażiċi minimi grossi nazzjonali stabbiliti għas-sena li fiha l-vittma tkun ippreżentat it-talba tagħha għal kumpens finanzjarju.

Jekk il-valur tad-dannu jkun żdied, tista’ tiġi ppreżentata talba ġdida għal kumpens finanzjarju.

X’dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Kopji tad-dokumenti ta’ sostenn għall-informazzjoni mdaħħla fit-talba għal kumpens finanzjarju, kif ukoll kwalunkwe dokument ieħor fil-pussess tal-vittma, li huma utli biex tittieħed deċiżjoni dwar it-talba, għandhom jiġu annessi ma’ dik it-talba (eż. sentenzi, kwalunkwe rċevuta, fattura, jew dokument li jista’ jservi bħala prova ta’ ħlas, dokumenti mediċi, rapporti ta’ esperti).

It-talba għal kumpens finanzjarju għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja jew, fejn applikabbli, tkun akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn li juru l-informazzjoni li ġejja:

  1. il-kunjom, l-isem, in-nazzjonalità, id-data u l-post tat-twelid, id-domiċilju jew ir-residenza tal-vittma;
  2. id-data, il-post u ċ-ċirkustanzi tar-reat li kkaġuna l-ħsara;
  3. il-kategoriji ta’ ħsara mġarrba mir-reati li ġejjin: tentattiv ta' omiċidju u omiċidju involontarju, offiża fuq il-persuna, reat volontarju li jirriżulta f’offiża fuq il-persuna, stupru, konġunġiment karnali ma' minorenni u attakk sesswali, traffikar tal-bnedmin u traffikar ta’ minorenni, terroriżmu, u kwalunkwe att kriminali volontarju ieħor imwettaq bi vjolenza;
  4. fejn applikabbli, il-korp ġudizzjarju jew il-qorti u d-data tar-rinviju għalihom;
  5. fejn applikabbli, in-numru u d-data tas-sentenza jew id-dokument tal-korp ta' prosekuzzjoni, jekk dak li wettaq ir-reat ikun magħruf, il-vittma tkun ippreżentat it-talba għal kumpens finanzjarju fi żmien sena mid-data tad-deċiżjoni definittiva tal-qorti kriminali li tkun tat sentenza ta' kundanna jew liberatorja u tat kumpens ċivili jew li tkun tat deċiżjoni biex jintemmu l-proċedimenti kriminali, jew mid-data li fiha l-prosekutur ikun ordna l-għeluq tal-każ;
  6. il-kapaċità bħala l-konjuġi, l-ulied jew id-dipendenti tal-persuna ddeċeduta, għall-vittmi li huma l-konjuġi, l-ulied u d-dipendenti tal-persuni li mietu bħala riżultat tat-twettiq tar-reati li ġejjin: tentattiv ta' omiċidju u omiċidju involontarju, offiża fuq il-persuna, reat volontarju li jirriżulta f’offiża fuq il-persuna, stupru, konġunġiment karnali ma' minorenni u attakk sesswali, traffikar tal-bnedmin u traffikar ta’ minorenni, terroriżmu, u kwalunkwe att kriminali volontarju ieħor imwettaq bi vjolenza;
  7. il-fedina penali;
  8. l-ammonti mħallsa bħala kumpens minn dak li wettaq ir-reat jew il-kumpens miksub mill-vittma minn kumpanija tal-assigurazzjoni għad-danni kkawżati mir-reat imwettaq.

Hemm imposti amministrattivi jew oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tiġi riċevuta u pproċessata?

Le. It-talba għal kumpens finanzjarju u l-applikazzjoni għal ħlas bil-quddiem mill-kumpens finanzjarju huma eżentati mit-tariffa tal-boll.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet ta’ kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

F’każijiet nazzjonali, it-talba għal kumpens finanzjarju tiġi ppreżentata lill-qorti distrettwali li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun iddomiċiljata l-vittma u tiġi deċiża minn żewġ imħallfin tal-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati, li hija stabbilita f’kull qorti distrettwali.

F’każijiet transfruntiera, l-awtorità Rumena responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet maħtura skont l-Artikolu 3(2) hija l-Qorti Distrettwali ta’ Bucharest - il-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati:

Bulevardul UNIRII, nru. 37, Settur 3, Bucharest, kodiċi 030823
Tel. +40 214083600, +40 214083700
Fax +40 213187731
E-mail:  tribunalul.bucuresti@just.ro

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

F’każijiet nazzjonali, it-talba għal kumpens finanzjarju tiġi ppreżentata lill-qorti distrettwali li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun domiċiljata l-vittma u tiġi deċiża minn żewġ imħallfin tal-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati li hija stabbilita f’kull qorti distrettwali.

F’każijiet transfruntiera, jekk ir-reat ikun twettaq fit-territorju tar-Rumanija u l-vittma tkun ċittadina ta’ Stat Membru tal-UE, li tkun legalment preżenti fit-territorju tar-Rumanija fid-data meta twettaq ir-reat, jew ċittadina barranija jew persuna mingħajr Stat li tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE u li tkun legalment preżenti fit-territorju tar-Rumanija fid-data meta twettaq ir-reat, l-awtorità Rumena li tieħu d-deċiżjonijiet maħtura skont l-Artikolu 3(2) hija l-Qorti Distrettwali ta’ Bucharest - il-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati:

Bulevardul UNIRII, nru. 37, Settur 3, Bucharest, kodiċi 030823
Tel. +40 214083600, +40 214083700
Fax +40 213187731
E-mail:  tribunalul.bucuresti@just.ro

Għandi bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le. It-talba għal kumpens finanzjarju u t-talba għal ħlas bil-quddiem mill-kumpens finanzjarju jiġu deċiżi in camera, fejn il-vittma tissejjaħ tidher. Il-parteċipazzjoni tal-prosekutur hija obbligatorja.

Il-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati, li hija magħmula minn bord ta’ żewġ imħallfin, tista’ tisma’ persuni, titlob dokumenti u tieħu kwalunkwe evidenza oħra li tqis utli biex tiddeċiedi dwar it-talba.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Bejn sena u sentejn.

Jekk m’iniex sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Il-Kummissjoni tista’ tagħti waħda mis-soluzzjonijiet li ġejjin f’deċiżjoni:

  1. taċċetta t-talba, tiddetermina l-valur tal-kumpens finanzjarju jew, fejn applikabbli, tal-ħlas bil-quddiem minnha;
  2. tirrifjuta t-talba jekk ir-rekwiżiti previsti skont din il-liġi għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju jew, fejn applikabbli, il-ħlas bil-quddiem minnha ma jkunux ġew sodisfatti.

Il-vittma tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal kumpens finanzjarju jew dwar il-ħlas bil-quddiem mill-kumpens. Id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-appell fi żmien 15-il jum min-notifika.

Fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel talba?

Il-formola għall-applikazzjoni għal kumpens finanzjarju għal każijiet transfruntiera hija annessa Word (15 Kb) ro mad-Digriet Nru 1319/C/13 Mejju 2008 tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Hemm xi helpline speċjali jew xi sit web li nista’ nuża?

TBC

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Il-vittma tista' tingħata għajnuna legali bla ħlas fuq talba.

Ir-rikors għal għajnuna legali bla ħlas jiġi ppreżentat lill-qorti distrettwali li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun iddomiċiljata l-vittma u jiġi deċiż minn żewġ imħallfin tal-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati bħala konklużjoni fi żmien 15-il jum mid-data tas-sottomissjoni.

Kopji tad-dokumenti ta’ sostenn għall-informazzjoni li tinsab fir-rikors, kif ukoll kwalunkwe dokument ieħor fil-pussess tal-vittma, li huma utli biex tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikors, għandhom jiġu annessi mar-rikors għall-għajnuna legali bla ħlas.

Ir-rikors għal għajnuna legali bla ħlas jiġi deċiż in camera, fejn il-vittma tissejjaħ tidher.

Jekk il-vittma ma tkunx għażlet avukat, id-deċiżjoni favur l-aċċettazzjoni tar-rikors għall-għajnuna legali bla ħlas għandha tinkludi wkoll il-ħatra ta’ avukat ex officio skont il-Liġi Nru 51/1995 dwar l-organizzazzjoni u l-eżerċitar tal-professjoni ta’ avukat, ippubblikata mill-ġdid, kif sussegwentement emendata u supplimentata, u skont ir-Regolamenti dwar il-professjoni ta' avukat.

Il-vittma tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni dwar ir-rikors għall-għajnuna legali bla ħlas.

Il-konklużjoni li tiċħad ir-rikors għal għajnuna legali bla ħlas hija soġġetta għal stħarriġ mill-qorti distrettwali, li lilha tappartjeni l-Kummissjoni responsabbli għall-Għoti ta’ Kumpens Finanzjarju lill-Vittmi ta’ Reati, fuq talba tal-vittma, fi żmien 15-il jum min-notifika. L-istħarriġ isir minn bord magħmul minn żewġ imħallfin.

Għajnuna legali bla ħlas tingħata lil kull vittma għad-durata tal-proċedimenti sa limitu ta’ ammont ekwivalenti għal żewġ salarji bażiċi minimi grossi nazzjonali, kif stabbiliti għas-sena li fiha l-vittma tkun ippreżentat ir-rikors għal għajnuna legali mingħajr ħlas. Il-fondi meħtieġa għall-għoti ta’ għajnuna legali bla ħlas jingħataw mill-baġit tal-Istat, permezz tal-baġit tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq jiġu applikati wkoll kif xieraq għall-għoti tal-ammonti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza dwar l-għoti ta’ kumpens ċivili lill-vittma ta’ reat.

Barra minn hekk, il-Ministeru tal-Ġustizzja, bħala l-awtorità ta’ assistenza Rumena, li huwa maħtur skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE, jipprovdi lir-rikorrent l-informazzjoni meħtieġa dwar il-possibiltajiet li wieħed jitlob kumpens finanzjarju mill-Istat fit-territorju li fih sar ir-reat, il-formoli ta’ applikazzjoni meħtieġa, kif ukoll informazzjoni u indikazzjonijiet dwar kif għandha timtela l-formola ta’ applikazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa.

Ara d-Digriet Nru 1319/C/13 ta’ Mejju 2008 tal-Ministru tal-Ġustizzja. Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet, il-Ministeru tal-Ġustizzja jwettaq id-dmirijiet tiegħu bħala awtorità ta’ assistenza permezz tad-Direttorat tad-Dritt Internazzjonali u tat-Trattati, li jista’ jikkollabora ma’ strutturi oħra fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja fil-qasam. Id-dmirijiet tal-Ministeru tal-Ġustizzja, bħala l-awtorità ta’ assistenza, meta r-rikorrent jippreżenta talba għal kumpens finanzjarju fi Stat Membru ieħor, huma prinċipalment dawn li ġejjin: jirċievi u jikkonferma l-wasla tat-talba tar-rikorrent; jirrevedi t-talba u jgħarraf lir-rikorrent, fejn applikabbli, dwar ir-raġunijiet għar-rifjut tat-talba; jekk iqis li r-rekwiżiti ġew sodisfatti, jibgħat il-formola tal-applikazzjoni lir-rikorrent u jiggwidah dwar kif għandu jimla l-formola; jitlob lir-rikorrent biex jipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dokumenti meħtieġa biex jimla t-talba; jiffaċilita t-traduzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet fl-Istat li minnu jkun intalab kumpens finanzjarju minn traduttur awtorizzat u jara li tintbagħat malajr kemm jista’ jkun lir-rikorrent eċċ.

Hemm xi organizzazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Ir-rikors għal għajnuna legali bla ħlas u t-talba għall-ammont meħtieġ għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tagħti kumpens ċivili lill-vittma tar-reat jistgħu jiġu ppreżentati wkoll minn organizzazzjonijiet mhux governattivi li l-attività tagħhom tinvolvi l-protezzjoni tal-vittmi jekk ikunu ffirmati mill-vittma, jinkludu d-data prevista mil-liġi u jkunu akkumpanjati mid-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa.

L-aħħar aġġornament: 11/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.