Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Divorzju u separazzjoni legali

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fl-Iskozja divorzju jrid jinkiseb permezz tal-qorti. Il-qorti tista' tikkonċedi d-divorzju biss jekk tistabbilixxi li jew:

  • iż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli, jew
  • wara d-data taż-żwieġ ikun inħareġ ċertifikat interim ta' rikonoxximent tal-ġeneru skont l-Att tal-2004 dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru lil waħda mill-partijiet.

It-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ jista' jkun stabbilit b'wieħed mill-erba' modi elenkati fil-lista 2 ta' hawn taħt.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1 hawn fuq. It-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ jista' jkun stabbilit bil-modi li ġejjin:

  • l-adulterju tal-konvenut
  • l-imġiba irraġonevoli tal-konvenut
  • in-nuqqas ta' koabitazzjoni tal-partijiet għal sena, bil-kunsens tal-konjuġi l-ieħor
  • in-nuqqas ta' koabitazzjoni tal-partijiet għal sentejn.

Hija disponibbli proċedura simplifikata għal ċerti każijiet li jagħmlu parti mill-aħħar żewġ kategoriji.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Il-liġi ma tagħmel l-ebda dispożizzjonijiet speċjali għal relazzjonijiet personali bejn eksmiżżewġin. Dwar il-kunjomijiet, kull wieħed mill-miżżewġin jista' jżomm kunjomu meta jiżżewweġ. Bl-istess mod, huma intitolati jżommu kunjom l-ekskonjuġi tagħhom wara d-divorzju.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

L-Att tal-1985 dwar il-Liġi tal-Familja (l-Iskozja) jistipula dwar il-qsim tal-proprjetà matrimonjali wara d-divorzju. Il-proprjetà matrimonjali hija ġeneralment il-proprjetà kollha miksuba mill-miżżewġin matul iż-żwieġ, kif ukoll il-proprjetà miksuba għall-użu fid-dar matrimonjali - jew apparat domestiku għal dik id-dar - qabel iż-żwieġ. Il-proprjetà matrimonjali ma tinkludix proprjetà oħra miksuba qabel iż-żwieġ, proprjetà miksuba minn konjuġi wara li l-miżżewġin jkunu waqfu jgħixu flimkien, jew proprjetà mogħtija lilhom jew li jkunu wirtu mingħand terzi matul iż-żwieġ.

Kull parti għaż-żwieġ tista' titlob ordni mingħand il-qorti skont l-Att tal-1985. Il-qorti tista' tagħmel ordnijiet għall-ħlas ta' somma kapitali, it-trasferiment ta' proprjetà, il-ħlas ta' benefiċċji perjodiċi, ordnijiet relatati mal-pensjonijiet u kumpens għall-pensjoni, u ordnijiet inċidentali oħrajn.

Meta l-qorti toħroġ ordni, trid tkun iggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

  • Il-valur nett tal-proprjetà matrimonjali għandu jinqasam b'mod ġust.
  • Il-qorti tqis il-vantaġġ ekonomiku derivat minn kull parti mill-kontribuzzjonijiet mingħand il-parti l-oħra, u l-iżvantaġġ ekonomiku miġrub minn kull parti fl-interess tal-parti l-oħra jew tal-familja. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu ma jkunux finanzjarji, u speċifikament jinkludu li tieħu ħsieb id-dar jew il-familja kif ukoll kontribuzzjonijiet finanzjarji.
  • Il-piż ekonomiku tal-indukrar tat-tfal taż-żwieġ li jkollhom inqas minn 16-il sena għandu jinqasam ġustament bejn il-partijiet.
  • Parti li kienet sostanzjalment finanzjarjament dipendenti fuq il-parti l-oħra fiż-żwieġ għandha tingħata manteniment finanzjarju biex tkun tista' taġġusta ruħha għat-telf għall-appoġġ li tkun tilfet. Dan il-manteniment jista' jdum jingħata sa tliet snin.
  • Jekk parti fid-divorzju x'aktarx li ġġarrab diffikultajiet finanzjarji serji minħabba d-divorzju, għandu jkun hemm provvediment raġonevoli biex tgħinha toħroġ minn dik id-diffikultà, tul perjodu ta' żmien raġonevoli.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Kif intqal fit-tweġiba 3.2 hawn fuq, il-piż ekonomiku tal-indukrar tat-tfal taż-żwieġ għandu jkun maqsum b'mod ugwali. Ara wkoll il-fuljett informattiv tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) għall-Iskozja dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Ara wkoll il-fuljett informattiv tan-NĠE għall-Iskozja dwar it-talbiet għal manteniment.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Fl-Iskozja, skont l-Att tal-1976 dwar id-Divorzju (l-Iskozja), il-qorti tista' tagħti digriet ta' separazzjoni. Dan jissejjaħ separazzjoni ġudizzjarja. Dan jista' jingħata lil miżżewġin li jkunu jopponu d-divorzju imma li jkunu jixtiequ jieqfu jgħixu flimkien. Il-miżżewġin jibqgħu miżżewġin, u jridu jkomplu jalimentaw lil xulxin - jiġifieri, xorta jridu jmantnu finanzjarjament lil xulxin bħal kull koppja miżżewġa oħra.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja huma identiċi għal dawk għal divorzju. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1 iktar 'il fuq.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4 iktar 'il fuq. Ta' min jinnota li separazzjoni ġudizzjarja ma tipprekludix lil konjuġi separat milli jitlob divorzju.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Għalkemm annullament taż-żwieġ mhuwiex terminu ġuridiku użat fl-Iskozja, jekk żwieġ ikun null, kull parti interessata tista' titlob lill-qorti għal dikjarazzjoni ta' nullità. Dikjarazzjoni ta' nullità tfisser li ż-żwieġ jitqies, għall-parti l-kbira tal-finijiet, bħala li qatt ma eżista. Żwieġ fl-Iskozja jkun null jekk:

  • Waħda mill-partijiet kienet taħt l-età ta' 16-il sena fil-mument taż-żwieġ.
  • Il-partijiet ikunu jiġu minn xulxin mill-qrib wisq - il-gradi ta' relazzjoni mhux permessi huma stabbiliti fl-Iskeda 1 tal-Att tal-1977 dwar iż-Żwieġ (l-Iskozja).
  • Tal-inqas waħda mill-partijiet kienet diġà miżżewġa.
  • Tal-inqas waħda mill-partijiet kienet inkapaċi li tagħti l-kunsens tagħha għaż-żwieġ.
  • Parti li kienet kapaċi tagħti l-kunsens tagħha għaż-żwieġ imma għamlet dan minħabba ġegħil jew żball.

Żwieġ annullabbli huwa wieħed li jeżisti biss sakemm waħda mill-partijiet għaż-żwieġ jitlob għal dikjarazzjoni ta' nullità. L-unika raġuni għal żwieġ annullabbli hija li waħda mill-partijiet tkun permanentement u inkurabbilment impotenti fil-mument li fih daħlet għaż-żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Kull parti interessata tista' titlob lill-qorti għal dikjarazzjoni ta' nullità ta' żwieġ null, u kull konjuġi jista' jitlob lill-qorti għal dikjarazzjoni ta' nullità għal żwieġ annullabbli. Ara n-Nru 7 fuq għal iktar dwar żwiġijiet nulli u annullabbli.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Żwieġ null jiġi ttrattat daqslikieku qatt ma kien, għalhekk jaf ma jkunx hemm bżonn titlob dikjarazzjoni. Jekk il-qorti tagħmel dikjarazzjoni ta' nullità, tista' tagħmel ukoll ordnijiet dwar manteniment finanzjarju bejn il-partijiet fiż-żwieġ null. Żwieġ annullabbli ukoll jiġi ttrattat daqslikieku qatt ma kien jekk il-qorti tagħmel dikjarazzjoni ta' nullità.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Relationships Scotland, għaqda volontarja sostnuta b'finanzjament mill-Gvern Skoċċiż tipprovdi medjazzjoni familjari permezz ta' netwerk ta' servizzi lokali għall-koppji li jkunu ddeċidew li jiddivorzjaw jew jisseparaw. Il-medjazzjoni huwa proċess volontarju li jista' jgħin lill-koppji jsibu soluzzjonijiet għal problemi prattiċi. Koppji u individwi li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet fir-relazzjoni tagħhom għandhom ukoll aċċes għal konsulenza tar-relazzjoni. L-għoti ta' parir xieraq u sostenn għall-familji jista' jgħinhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu jwasslu għal litiġju.

Wieħed jista' jaċċessa l-medjazzjoni familjari wkoll permezz ta' Comprehensive Accredited Lawyer Mediators (Medjaturi Avukati Akkreditati Komprensivi).

Alternattivi oħrajn jinkludu arbitraġġ u liġi kollaborattiva: Flags Scotland

Huwa possibbli li tirreġistra minuta legalment vinkolanti dwar ftehim fil-Books of Council and Session (Kotba tal-Kunsill u s-Sessjoni) miżmum minn Registers of Scotland (ir-Reġistri tal-Iskozja).

Il-Gvern Skoċċiż jipproduċi l-Ftehim tal-Ġenituri għall-Iskozja. Dan huwa għodda biex tgħin il-ġenituri jaqblu dwar xi jkun l-aħjar għal uliedhom meta r-relazzjoni tintemm.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Divorzju/Separazzjoni Ġudizzjarja

i. Talba għal divorzju jew separazzjoni ġudizzjarja tista' ssir jew lill-Court of Session f'Edinburgu, jew waħda mix-Sheriff Courts lokali. Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi fih mappa li turi fejn jinsabu l-qrati u jelenka l-indirizzi u d-dettalji ta' kuntatt.

ii. Liema qorti tuża hija kwistjoni ta' preferenza personali. Biex tuża l-Court of Session, trid tkun tista' tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni fl-Iskozja. Biex tuża waħda mix-Sheriff Courts, trid tkun tista' tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni fid-Distrett tax-Sheriff fejn tinsab ġeografikament dik il-qorti. Il-ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita skont il-post tar-residenza jew tad-domiċilju. Id-domiċilju jista' jkun stabbilit meta persuna tqis li darha tinsab f'post partikolari fl-Iskozja u li jkun biħsiebha tgħix hemm b'mod permanenti fil-futur prevedibbli.

iii. Hemm żewġ tipi differenti ta' talba għal divorzju fl-Iskozja.

iv. It-Talba Ssemplifikata tista' tintuża f'ċirkostanzi fejn ir-raġunijiet għad-divorzju jistgħu jkunu stabbiliti fuq il-bażi ta' "nuqqas ta' koabitazzjoni (bejn il-partijiet) għal perjodu ta' sena" u l-konvenut jagħti l-kunsens tiegħu għat-talba jew meta jkun hemm "nuqqas ta' koabitazzjoni għal perjodu ta' sentejn" u l-kunsens tal-konvenut ma jkunx jista' jinkiseb. Din tista' tintuża biss jekk:

  • Ma hemmx proċedimenti oħrajn pendenti fl-ebda qorti li jista' jkollhom l-effett li ż-żwieġ jinħall;
  • Ma hemmx tfal miż-żwieġ taħt l-età ta' 16-il sena;
  • Ma hemm l-ebda talba mill-ebda parti għal ordni dwar provvedimenti finanzjarji mad-divorzju; u,
  • L-ebda parti fiż-żwieġ ma tbati minn diżordni mentali.

v. Talbiet għal divorzju bl-użu ta' din il-proċedura ssemplifikata ġeneralment isiru mill-partijiet mingħajr l-assistenza ta' avukat. Dan it-tip ta' talba sar magħruf bħala "Do it yourself divorce". Noti ta' gwida u formoli jinsabu fis-sit tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi.

vi. Talba għat-tip (ordinarju) l-ieħor ta' divorzju jew separazzjoni trid issir jew fil-forma ta' Rikors fil-Court of Session jew b'Ċitazzjoni fix-Sheriff Court. Kull Qorti għandha is-sett ta' regoli tagħha li jistabbilixxu l-forma li trid tieħu din it-talba skont ir-"Regoli u l-Prassi" fis-sit tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi. Il-Kapitolu 49 tar-regoli tal-Court of Session u l-Kapitolu 33 tar-Regoli tal-Kawżi Ordinarji għax-Sheriff Court ikopru l-kawżi familjari.

Annullament

vii. Kawża għall-dikjarazzjoni ta' nullità (annullament) ta' żwieġ trid issir fil-qorti.

Formalitajiet u Dokumentazzjoni

viii. F'kull qorti tkun mitlub tħallas ammont għat-talba inizjali u possibbilment fi stadji li jiġu iktar tard fil-proċedura. Jekk tkun qed tirċievi għajnuna legali jew ċerti benefiċċji statali, tista' tkun intitolat titlob eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi. Formola ta' applikazzjoni għal eżenzjoni tinstab fit-taqsima tad-divorzju tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi.

ix. Ma' talba għal divorzju, separazzjoni jew nullità tintalab tippreżenta ċertifikat taż-żwieġ.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Huma disponibbli Pariri u Assistenza għal kwistjonijiet ta' divorzju bil-kundizzjoni tas-soltu testijiet finanzjarji statutorji. Għajnuna Legali Ċivili hija disponibbli wkoll fi kwistjonijiet ta' divorzju, ħlief f'każ ta' divorzji ssemplifikati, bil-kundizzjoni tat-tliet testijiet statutorji normali ta' eliġibilità finanzjarja, raġonevolezza u kawża probabbli. Ikkuntattja lill-Bord Skoċċiż dwar l-Għajnuna Legali (SLAB) għal aktar informazzjoni dwar l-eliġibilità.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

i. Digriet ta' divorzju wara talba ssemplifikata magħmula fix-Sheriff Court tista' tiġi appellata b'ittra fi żmien 14-il jum mid-data tad-digriet.

ii. Digriet ta' divorzju wara talba ssemplifikata magħmula lill-Court of Session ma tistax tiġi appellata, u biex tneħħi s-seħħ u l-effetti tagħha, trid titressaq kawża għal riduzzjoni fil-Qorti.

iii. Digriet ta' divorzju wara talba tat-tip (ordinarju) l-ieħor jew digriet ta' separazzjoni magħmula fix-Sheriff Court tista' tiġi appellata fi żmien 14-il jum mid-data tad-digriet. Digrieti għal divorzju, separazzjoni jew dikjarazzjoni ta' nullità ta’ żwieġ (annullament) li jsiru fil-Court of Session jista' jkunu appellati fi żmien 21 jum mid-digriet.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Rikonoxximent għal divorzji, annullamenti u separazzjonijiet ġudizzjarji ġeneralment jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003. L-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament jistabbilixxi l-bażi għar-rikonoxximent.

i. Sentenza mogħtija fi Stat Membru tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

ii. Partikolarment, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-ebda proċedura speċjali m'għandha tkun meħtieġa għall-aġġornament tal-atti tal-istat ċivili fi Stat Membru fuq il-bażi ta' sentenza li għandha x'taqsam mad-divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta' żwieġ moghti fi Stat Membru ieħor, u mhuwa possibbli l-ebda appell ieħor kontrih skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

iii. Kull parti interessata, tista' titlob lill-Court of Session deċiżjoni li s-sentenza tkun jew ma tkunx rikonoxxuta.

iv. Meta r-rikonoxximent ta' sentenza titressaq bħala kwistjoni inċidentali f'qorti ta' Stat Membru, dik il-qorti tista' tiddetermina dik il-kwistjoni.

L-Iskozja issa introduċiet iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Peress li mhux ċert jekk Brussell IIa japplikax għal relazzjoni bejn persuni tal-istess sess, saret dispożizzjoni, simili għal Brussell IIA, dwar ir-rikonoxximent ta' sentenzi minn Stati Membri oħra. Din tinstab fir-Regolamenti tal-2014 dwar iż-Żwieġ (Koppji tal-Istess Sess) (Ġuriżdizzjoni u Rikonoxximent ta' Sentenzi) (l-Iskozja) (SSI 2014 Nru 362).

Jekk ir-rikonoxximent tad-digriet ma jkunx kopert minn "Brussell IIa" jew dispożizzjonijiet simili, tapplika l-Parti II tal-Att dwar il-Liġi tal-Familja 1986 u, b'mod partikolari, l-artikolu 46. Ir-raġunijiet għar-rikonoxximent skont dan l-artikolu huma kif ġej:

  1. Il-validità ta' divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja minn pajjiż ieħor miksub permezz ta' proċedimenti jintgħarfu jekk-

a. id-divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja tkun effettiva skont il-liġi tal-pajjiż fejn inkisbet; u

b. fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti kwalunkwe parti fiż-żwieġ-

i. kienet residenti abitwali fil-pajjiż fejn inkiseb id-divorzju, l-annullament jew is-separazzjoni ġudizzjarja; jew

ii. kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż; jew

iii. kienet ċittadina ta' dak il-pajjiż.

  1. Il-validità ta' divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja minn pajjiż ieħor miksub b'mezz li ma jikkonsistix fi proċedimenti jintgħarfu jekk-

a. id-divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja tkun effettiva skont il-liġi tal-pajjiż fejn inkisbet;

b. fid-data li fiha nkiseb id-divorzju -

i. kull parti fiż-żwieġ kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż; jew

ii. kwalunkwe parti fiż-żwieġ kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż u l-parti l-oħra kienet domiċiljata f'pajjiż li skont il-liġi tiegħu d-divorzju, l-annullament jew is-separazzjoni ġudizzjarja tkun rikonoxxuta bħala valida; u

c. l-ebda parti fiż-żwieġ ma kienet residenti abitwali fir-Renju Unit tul il-perjodu ta' sena li tippreċedi minnufih dik id-data.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Rikonoxximent għal divorzji, annullamenti u separazzjonijiet ġudizzjarji ġeneralment jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003. Dwar dan, ara t-tweġiba għall-mistoqsija 14 iktar 'il fuq.

Dikjarazzjoni ta' rikonoxximent jew nonrikonoxximent tista' tintalab lill-Court of Session jew lix-Sheriff Court.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Jekk il-qrati fl-Iskozja jiddeċiedu li jkollhom il-ġuriżdizzjoni ġeneralment japplikaw il-Liġi Skoċċiża.

Ħoloq relatati

Is-Sit tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi

Il-Bord Skoċċiż dwar l-Għajnuna Legali

il-Gvern Skoċċiż

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 09/02/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.