Jekk it-talba tiegħi (minn pajjiż ieħor) se titqies f’dan il-pajjiż

Svezja

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens f’każijiet transfruntiera?

L-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati (Brottsoffermyndigheten)

Storgatan 49
Umeå

Tel. (+46)90708200
Faks  (+46)90178353

Posta elettronika: registrator@brottsoffermyndigheten.se
Sit web: http://www.brottsoffermyndigheten.se/

Indirizz postali:
Box 470
SE-901 09
Umeå, l-Iżvezja

Nista’ nibgħat it-talba tiegħi direttament lill-awtorità li tiddeċiedi f’dan il-pajjiż anki f’każijiet transfruntiera (mingħajr ma jkolli bżonn nirrikorri għand l-awtorità ta’ assistenza f’pajjiżi)?

Iva. Jekk ir-reat seħħ l-Iżvezja, it-talba tista’ tintbagħat direttament lill-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati.

B’liema lingwa/i l-awtoritajiet ta’ kumpens jaċċettaw:

– it-talbiet?

– id-dokumenti ta’ sostenn?

It-talba u d-dokumenti ta’ sostenn jiġu aċċettati bl-Iżvediż u bl-Ingliż.

Jekk l-awtorità tal-kumpens tittraduċi t-talba/id-dokumenti ta’ sostenn minn pajjiż ieħor tal-UE, min iħallas għalihom?

L-ispejjeż tat-traduzzjoni jitħallsu mill-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati.

Hemm xi tariffi amministrattivi jew tariffi oħrajn li għandhom jitħallsu f’dan il-pajjiż għall-ipproċessar tat-talba tiegħi (li tkun waslet minn pajjiż ieħor tal-UE)? Jekk iva, kif nista’ nħallashom?

Le.

Jekk ikolli bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew waqt li tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi, nista’ niġi rrimborżat għall-ispejjeż tal-ivjaġġar tiegħi? Kif nista’ nagħmel talba għalihom? Lil min għandi nikkuntattja?

Ir-rikorrent m’għandux għalfejn ikun preżenti. L-ipproċessar isir bil-miktub.

Jiġi pprovdut interpretu, f’każ li jkolli nkun preżenti personalment?

Hemm opzjonijiet għall-interpretazzjoni jekk ikun meħtieġ waqt il-proċess.

Iċ-ċertifikati mediċi, li jingħataw mit-tobba fil-pajjiż ta’ residenza tiegħi, jiġu aċċettati jew rikonoxxuti — jew is-saħħa/il-korriment tiegħi jkun irid jiġi eżaminat mill-esperti mediċi tagħkom stess?

Jistgħu jiġu aċċettati ċ-ċertifikati mediċi u n-noti mediċi minn pajjiżi oħra. Meta tkun meħtieġa valutazzjoni addizzjonali, l-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati normalment tinvolvi tobba esperti biex jiktbu opinjoni bbażata fuq l-evidenza medika disponibbli.

Niġi rrimborżat għall-ispejjeż tal-ivjaġġar tiegħi, jekk ikolli nagħmel eżami mediku f’dan il-pajjiż?

Normalment ma jkunx hemm bżonn ta’ eżami mediku fl-Iżvezja jekk inti resident ta’ pajjiż ieħor tal-UE. Madankollu, hemm possibbiltà li l-ispejjeż jiġu rrimborżati jekk tkun meħtieġa investigazzjoni oħra ta’ dan it-tip.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) l-awtorità biex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Iż-żmien ta’ pproċessar ivarja skont in-natura tal-każ u skont kemm ikollha xogħol l-awtorità. Iż-żmien ta’ pproċessar medju normalment ikun bejn wieħed u ieħor tliet xhur, iżda jista’ jdum inqas jew aktar minn hekk. Il-każijiet jiġu pproċessati skont l-ordni li jaslu fiha, u normalment ma tingħata l-ebda preċedenza.

B’liema lingwa se nirċievi d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

Id-deċiżjoni tkun bl-Iżvediż. Jekk int ma titkellimx bl-Iżvediż, tirċievi wkoll sommarju tad-deċiżjoni bl-Ingliż.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni, kif nista’ nikkontestaha?

Id-deċiżjonijiet mill-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati ma jistgħux jiġu kkontestati, iżda l-awtorità tista’ tibdel id-deċiżjoni tagħha fuq talba jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jekk jitfaċċaw ċirkustanzi ġodda jew jekk ikun hemm raġunijiet oħra biex isir hekk.

Rikorrent li ma jkunx sodisfatt bid-deċiżjoni għandu jibgħat talba bil-miktub lill-awtorità biex il-każ jiġi eżaminat mill-ġdid. Il-bidla mixtieqa u r-raġunijiet għaliha għandhom jiġu speċifikati fit-talba. Kwalunkwe materjal supplimentari għandu jiġi ppreżentat flimkien mat-talba.

Ir-rikorrent dejjem ikun intitolat għal rieżami tad-deċiżjoni tiegħu mit-Tribunal ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali (Nämnden för brottsskadeersättning).

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) taħt ir-regoli tal-pajjiż l-ieħor?

Il-kumpens għall-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni legali jingħata biss jekk ikun hemm raġunijiet partikolari biex isir dan. Normalment ma tkunx meħtieġa l-għajnuna ta' avukat għal kumpens ta’ dannu kriminali. Huwa relattivament faċli biex tippreżenta talba. L-awtorità għandha wkoll l-obbligu li tipprovdi informazzjoni u pariri lil dawk li jitolbu kumpens, kif ukoll responsabbiltà biex tikseb l-evidenza meħtieġa għal deċiżjoni dwar il-każ.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens f’każ transfruntier?

Jekk trid tippreżenta talba jew jekk għandek xi mistoqsijiet dwar kumpens f’każijiet transfruntiera, ikun aħjar jekk tikkonsulta lill-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi ta’ Reati għal għajnuna u informazzjoni. Tista’ ssib informazzjoni fuq https://www.brottsoffermyndigheten.se/. Tista’ wkoll iċċempel lill-awtorità fuq +46 90 70 82 00.

L-aħħar aġġornament: 22/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.