Rati tal-imgħax

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?

Ir-regoli dwar l-imgħax huma stipulati fl-Att dwar l-Imgħax (räntelagen, 1975:635). Dawn ir-regoli japplikaw salv fejn indikat mod ieħor f'kuntratt, wegħda jew dispożizzjoni speċifika. Madankollu, l-Att jiddikjara wħud mit-termini kuntrattwali nulli u bla effett.

2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?

Talbiet għal rifużjoni

Meta ssir talba għal rifużjoni ta' ħlas, pereżempju għal raġunijiet ta' ksur ta' kuntratt, ir-rata tal-imgħax hija r-rata referenzjali (li fi Frar 2016 kienet 0 %) miżjuda b'żewġ punti perċentwali. L-imgħax huwa pagabbli mid-data li fiha jsir il-ħlas, sa u inkluża d-data ta' ħlas lura, jew, jekk il-ħlas lura ma jsirx b'mod tempestiv, sa u inkluża d-data li fiha l-imgħax isir pagabbli skont ir-regoli dwar it-talbiet pendenti.

Talbiet pendenti

L-imgħax fuq it-talbiet pendenti huwa pagabbli bir-rata referenzjali (0 % fi Frar 2016) miżjuda bi tmien punti perċentwali. Ir-regoli ġenerali segwenti japplikaw.

(a) Meta d-data ta' maturità ġiet stabbilita bil-quddiem, l-imgħax huwa pagabbli fuq it-talba minn dik id-data.

(b) Meta t-talba tkun ibbażata fuq l-obbligu ta' persuna biex tirrendi kont tal-flus li hija rċeviet minn kapital jew parti terza, l-imgħax huwa pagabbli mid-data li fiha jingħata l-kont, jew, jekk ma jingħata ebda kont, mid-data li fiha kellu jingħata l-kont.

(c) Għal talbiet pendenti, ir-regola ġenerali hija li l-imgħax huwa pagabbli mit-tletin jum wara li l-kreditur jibgħat kont jew inkella jippreżenta talba għall-ħlas ta' somma partikolari, li jkunu jindikaw li l-inadempjenza ta' ħlas twassal għal obbligu biex jitħallas l-imgħax. Id-debitur mhuwiex meħtieġ li jħallas imgħax fir-rigward taż-żmien li jippreċedi l-kont jew it-talba.

F'negozjati kummerċjali bejn in-negozjanti, l-imgħax għandu jitħallas irrispettivament minn jekk it-talba għall-ħlas tindikax li l-inadempjenza ta' ħlas ser twassal għal obbligu li jiġi mħallas l-imgħax. L-istess japplika fejn fil-kors tan-negozjati kummerċjali tiegħu, negozjant ikollu pretensjoni kontra awtorità pubblika jew entità pubblika oħra għal prodotti jew servizzi fornuti.

Fil-każ ta' talba għad-danni (skadestånd) jew kumpens simili ieħor li ma jistax jiġi stabbilit mingħajr inkjesta ulterjuri, l-imgħax huwa pagabbli fuq is-somma dovuta mit-tletin jum wara li l-kreditur jitlob il-ħlas tagħha u jippreżenta rendikont ta' dak li huwa jista' raġonevolment jitlob. Id-debitur mhuwiex obbligat li jħallas imgħax fir-rigward taż-żmien li jippreċedi t-talba u r-rendikont.

Irrispettivament minn kull regola oħra, l-imgħax fuq talba pendenti huwa f'kull każ pagabbli minn data li ma tkunx aktar tard mid-data ta' notifika ta' rikors għal ordni ta' ħlas (betalningsföreläggande) jew ċitazzjoni (stämning i mål) f'azzjoni għall-ħlas ta' pretensjoni.

Jekk il-pretensjoni tirrigwarda danni li jirriżultaw minn ksur intenzjonali tal-liġi, u d-danni mitluba ma jiħdux is-sura ta' vitalizju (livränta), l-imgħax ikun pagabbli mid-data li fiha d-dannu ġie sofrut.

Il-pretensjonijiet li jinkludu l-imgħax qabel id-data ta' maturità

Jekk pretensjoni tinkludi mgħax fiż-żmien li dan ikun dovut, u l-ħlas ma jsirx b'mod tempestiv, tkompli tapplika r-rata tal-imgħax li applikat qabel id-data ta' maturità. Iżda r-rata tal-imgħax pagabbli ma tista' qatt tkun anqas minn dak li kien ikun pagabbli fuq pretensjoni pendenti li ma inkluditx imgħax qabel id-data ta' maturità.

L-aġġustament tar-rata tal-imgħax

Ir-rata tal-imgħax tista' tiġi aġġustata jekk id-debitur ikun ġie prekluż milli jħallas fi żmien tempestiv minħabba mard, qgħad jew xi ċirkostanza simili oħra barra mill-kontroll tiegħu u ma jkunx raġonevoli li jiġi meħtieġ iħallas l-imgħax sħiħ fir-rigward tad-dewmien inkwistjoni.

3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?

Le.

4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?

Din il-ħolqa tagħti aċċess għall-verżjoni mhux uffiċjali tal-Att dwar l-Imgħax (räntelagen).

L-aħħar aġġornament: 23/02/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.