L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Minbarra l-proċedimenti fuq ordni ta’ ħlas Ewropea rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, hemm tliet tipi oħra ta’ proċeduri bħal dawn fir-Repubblika Ċeka – proċedura tal-ordni ta’ ħlas, proċedura tal-ordni ta’ ħlas elettronika, u proċedura tal-ordni ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk (dispożizzjonijiet tal-Artikoli 172 sa 175 tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (občanský soudní řád)).

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Ordni ta’ ħlas tista’ tinħareġ anki mingħajr applikazzjoni espliċita mill-pretendent, fuq il-bażi ta’ rikors li jitlob l-issodisfar ta’ riċevibbli finanzjarju, jekk jirriżulta dan id-dritt mill-fatti ddikjarati u ddokumentati mill-pretendent. Dejjem ikun għad-diskrezzjoni tal-qorti jekk tismax kawża billi toħroġ ordni ta’ ħlas; jekk qorti ma toħroġx ordni ta’ ħlas, din tordna smigħ. Ordni ta’ ħlas ma tistax tinħareġ jekk tkun se tiġi kkonsenjata lil konvenut barra l-pajjiż, jew jekk ma jkunx magħruf fejn qiegħed il-konvenut (dispożizzjonijiet tat-Taqsima 172(2) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ordni ta’ ħlas elettronika tista’ tinħareġ biss fuq it-talba tal-pretendent, ippreżentata fuq formola elettronika ddeżinjata u ffirmata b’firma elettronika ċċertifikata, dment li r-riċevibbli mitlub ma jaqbiżx il-CZK 1,000,000; l-aċċessorji mhumiex inklużi fl-ammont ta’ riċevibbli. Ordni ta’ ħlas elettronika ma tistax tinħareġ jekk tkun se tiġi kkonsenjata lil konvenut barra l-pajjiż, jew jekk ma jkunx magħruf fejn qiegħed il-konvenut (dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174a (3) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ordni ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk tista’ tagħti drittijiet li jirriżultaw minn kambjala jew minn ċekk. Dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti formali, qorti tkun obbligata tieħu deċiżjoni fi proċeduri mħaffa billi toħroġ ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk). Ordni ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk tista’ tinħareġ biss fuq l-inizjattiva tal-pretendent, u tista’ tinħareġ anki jekk se tingħata barra l-pajjiż. Ordni ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk tista’ tiġi nnotifikata lill-konvenut b’mod personali biss; formoli sostituti ta’ notifika huma esklużi.

L-iskop tat-tnedija ta’ proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea hu li tiġbor riċevibbli finanzjarji mhux ikkontestati ta’ ċertu ammont. Riċevibbli finanzjarji mhux ikkontestati jridu jkunu dovuti biex jitħallsu fi żmien il-preżentata ta’ rikors għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea. Il-Formola A trid timtela biex jiġi ppreżentat rikors, u fiha tingħata l-informazzjoni kollha dwar il-partijiet u dwar in-natura u l-ammont tat-talba. Il-qorti se tirrieżamina l-applikazzjoni u, jekk il-formola tkun imtliet kif suppost, jenħtieġ li toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea fi żmien 30 jum.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Deċiżjonijiet fil-forma ta’ ordni ta’ ħlas, ta’ ordni ta’ ħlas elettronika, jew ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea jistgħu jittieħdu biss fir-rigward ta’ riċevibbli finanzjarji.

Ordni ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk tista’ tinħareġ biss fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kambjala jew minn ċekk.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Limitu massimu ta’ CZK 1,000,000 (flimkien ma’ aċċessorji) japplika fil-każ ta’ ordni ta’ ħlas elettronika; ma hemm ebda limitu massimu għal ordni ta’ ħlas Ewropea jew għal ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk).

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Il-proċedura għal ordni ta’ ħlas mhix obbligatorja; pretendent jista’ jitlob ir-riċevibbli finanzjarju tiegħu permezz tal-proċedura ċivili regolari. Madankollu, jekk pretendent jippreżenta rikors “ordinarju” u r-riċevibbli mitlub fih jissodisfa r-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, il-qorti tista’ toħroġ ordni ta’ ħlas anki jekk il-pretendent ma jkunx applika għaliha b’mod espliċitu. Ordni ta’ ħlas elettronika, ordni ta’ ħlas Ewropea u ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk) tista’ tinħareġ biss bit-talba tal-pretendent.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Ordni ta’ ħlas jew ordni ta’ ħlas elettronika ma tistax tinħareġ jekk tkun se tiġi eżegwita fil-konfront ta’ konvenut barra l-pajjiż. F’dak il-każ, il-qorti tmexxi l-proċedimenti f’konformità mar-regoli tal-proċedura ċivili regolari.

Jekk ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa minn qorti Ċeka jew minn qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun se tiġi eżegwita fir-Repubblika Ċeka, din trid tiġi nnotifikata lill-konvenut b’mod personali; forom sostituti ta’ notifika mhumiex permessi (dispożizzjonijiet tat-Taqsima 174b(1) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

1.2 Il-qorti kompetenti

Deċiżjoni dwar ordni ta’ ħlas jew ordni ta’ ħlas elettronika tittieħed mill-qorti distrettwali (okresní soud) li jkollha ġurisdizzjoni territorjali. Deċiżjoni dwar ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk) dejjem tittieħed minn qorti reġjonali (krajský soud) (dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Sabiex wieħed jara għandux locus standi biex jippreżenta rikors għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, ara l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Ma hemm ebda formola disponibbli għal rikors għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas jew ta’ ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk).

Qorti tista’ toħroġ ordni ta’ ħlas mingħajr applikazzjoni espliċita mill-pretendent; din ma tapplikax għal ordnijiet ta’ ħlas elettroniċi u għal ordnijiet ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk.

Għalhekk, rikors, jew applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas jew ta’ ordni ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk, iridu jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali għal preżentata quddiem qorti – jekk il-liġi ma tkun teħtieġ ebda dettall ieħor għal preżentata ta’ ċertu tip, tal-inqas dawn li ġejjin iridu jkunu evidenti minn preżentata: il-qorti li lilha hi indirizzata, il-persuna li qed tippreżentaha, il-materja relatata u x’inhu qed jitfittex, u din il-preżentata trid tkun iffirmata u datata. L-obbligu ta’ ffirmar u ta’ datazzjoni ma japplikax għal preżentati f’forma elettronika f’format konformi ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi. Preżentata trid issir bil-miktub, u tista’ tiġi ppreżentata fuq karta jew inkella f’forma elettronika permezz ta’ netwerk pubbliku ta’ data jew b’fax (dispożizzjonijiet tat-Taqsima 42(1) u (4) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Preżentata li ssir f’forma elettronika jew b’fax trid tiġi ssupplimentata mill-oriġinali fi żmien tlett ijiem, jew bi preżentata bil-miktub bl-istess test. Dan ma japplikax għal preżentati elettroniċi li fuqhom ikun hemm firma elettronika ċċertifikata bbażata fuq ċertifikat iċċertifikat maħruġ minn fornitur akkreditat (dispożizzjonijiet tat-Taqsima 42(3) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas elettronika tista’ tiġi ppreżentata biss fuq formola prestabbilita f’format elettroniku (il-formola hi disponibbli fuq https://www.justice.cz/). Minbarra r-rekwiżiti ġenerali (dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(4) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), l-applikazzjoni trid tiddikjara wkoll l-ismijiet, il-kunjomijiet, u l-indirizzi tal-partijiet, u n-numri tal-identifikazzjoni personali jew in-numri tal-identifikazzjoni (skont il-każ) tal-partijiet (l-isem tal-kumpanija jew l-isem u l-uffiċċju reġistrat ta’ entità ġuridika, in-numru tal-identifikazzjoni, id-deżinjazzjoni ta’ stat u tal-unità organizzazzjonali rilevanti tal-istat li tirrappreżenta lill-istat fil-qorti) kif ukoll, jekk rilevanti, l-ismijiet tar-rappreżentanti tagħhom, rappreżentazzjoni ta’ fatti deċiżivi, u d-deżinjazzjoni tal-prova li jipproponi l-pretendent, u l-iċċarar ta’ x’inhu jfittex il-pretendent (dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79(1) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Applikazzjoni trid tiddikjara wkoll id-data tat-twelid ta’ individwu, in-numru tal-identifikazzjoni ta’ entità ġuridika jew l-identifikazzjoni ta’ individwu involut f’negozju (dispożizzjonijiet tat-Taqsima 174a(2) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Applikazzjoni trid tkun iffirmata b'firma elettronika ċċertifikata tal-pretendent fuq il-bażi ta' ċertifikat iċċertifikat maħruġ minn fornitur iċċertifikat.

Biex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, trid timtela l-formola A pprovduta fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006. Fil-formola trid tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha dwar il-partijiet u n-natura u l-ammont tat-talba.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Fil-każ ta’ ordni ta’ ħlas elettronika biss. Il-formola elettronika hi disponibbli fuq https://www.justice.cz/. Applikazzjoni trid tkun iffirmata b'firma elettronika ċċertifikata tal-pretendent fuq il-bażi ta’ ċertifikat iċċertifikat maħruġ minn fornitur iċċertifikat. (dispożizzjonijiet tat-Taqsima 174a tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Għar-rekwiżiti formali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, ara aktar ’il fuq, it-Taqsima 1.3.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ordni ta’ ħlas jew ordni ta’ ħlas elettronika tista’ tinħareġ biss jekk id-dritt mitlub jirriżulta mill-fatti ddikjarati u ddokumentati mill-pretendent (ara t-Taqsima 1.3.4.). Il-konklużjoni li d-dritt mitlub jirriżulta mill-fatti asseriti mill-pretendent tassumi rappreżentazzjoni tal-fatti deċiżivi sostnuti b’mod suffiċjenti bi prova li hi ċara u li tippermetti lill-qorti tagħmel eżami legali tal-fatti tal-każ asseriti mill-pretendent. Iċ-ċirkustanzi tal-każ iridu jiġu asseriti fis-sħuħija tagħhom biex ikun possibbli li jiġi evalwat liema dritt ġuridiku qed jintalab (liema regolament ġuridiku għandu jiġi applikat); u, barra minn hekk, il-pretendent jeħtieġlu jasserixxi l-fatti kollha li magħhom ir-regolament jorbot il-ħolqien, it-tibdil jew il-waqfien tad-drittijiet u tal-obbligi, li lkoll iridu jkunu sostnuti kif xieraq bi provi.

Fi proċedura dwar il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk, hu meħtieġ li l-pretendent jippreżenta l-kambjala jew iċ-ċekk oriġinali, li l-awtentiċità tagħhom ma jkunx hemm dubji raġonevoli dwarha, u dokumenti oħra meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Iva. Hekk kif tissuġġerixxi n-natura tal-proċeduri, trid tiġi ppreżentata evidenza dokumentarja li tiddokumenta d-dritt mitlub mir-rikorrent. Fil-każ ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas elettronika, l-evidenza dokumentarja trid tkun mehmuża f’formola elettronika. Il-kambjala jew iċ-ċekk oriġinali jridu jkunu mehmuża ma’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk). Id-dritt tal-pretendent li jippreżenta diversi mezzi ta’ prova bl-ebda mod ma hu ristrett f’termini tal-ambitu.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Jekk ordni ta’ ħlas ma tkunx tista’ tinħareġ, il-qorti ma tiċħadx l-applikazzjoni għall-ħruġ tagħha, iżda timxi f’konformità mar-regoli ta’ proċedura ċivili (b’mod partikolari, tordna smigħ). Ordni ta’ ħlas ma tistax tinħareġ jekk pretendent ma jitlobx riċevibbli finanzjarju, jekk ma jkunx magħruf fejn qiegħed il-pretendent, jew jekk l-ordni ta’ ħlas tkun se tiġi eżegwita fil-konfront ta’ konvenut barra l-pajjiż.

Qorti tiċħad applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas elettronika jekk din ma jkunx fiha d-dettalji kollha meħtieġa mil-liġi jew jekk ma tkunx tinftiehem jew tkun ambigwa u t-tali difetti jagħmluha impossibbli li jitkomplew il-proċedimenti. F’dan il-każ, il-qorti ma tistidinx lill-pretendent biex jikkoreġi jew jissupplimenta s-sottomissjoni tiegħu.

Jekk applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas b’kambjala jew b’ċekk ma tkunx tista’ tintlaqa’, il-qorti tordna smigħ.

1.5 Appell

Qorti ma toħroġx deċiżjoni li tannulla ordni ta’ ħlas, ordni ta’ ħlas elettronika jew ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk); għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ appell kontra ordni ta’ ħlas miċħuda mhix rilevanti.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Tista’ tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni biex tiġi kkontestata ordni ta’ ħlas jew ordni ta’ ħlas elettronika. Il-konvenut jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fi żmien 15-il jum min-notifika ta’ ordni ta’ ħlas jew ta’ ordni ta’ ħlas elettronika. Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li tikkontesta ordni ta’ ħlas elettronika tista’ tiġi ppreżentata wkoll fuq formola elettronika ffirmata b’firma elettronika ċċertifikata. Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ma jkollhiex bżonn tkun sostnuta b’motivazzjonijiet, iżda jinħtieġ li tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali għal preżentata quddiem il-qorti, jiġifieri, b’mod partikolari, trid tkun iffirmata u datata, u jinħtieġ li jkun evidenti mill-preżentata lil liema qorti tkun indirizzata, min qed jagħmilha, ma’ liema materja hi relatata, u x’inhu mfittex

Jistgħu jiġu ppreżentati oġġezzjonijiet fil-kontestazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk), fi żmien 15-il jum min-notifika ta’ din. Fl-oġġezzjonijiet tiegħu, il-konvenut jeħtieġlu jiddikjara dak kollu li joġġezzjona għalih dwar l-ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk).

Fil-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut jista’ jew iħallas l-ammont mitlub jew jikkontesta t-talba fi żmien 30 jum, billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni quddiem il-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea; biex jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, dan juża l-Formola F stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006. Imbagħad il-każ jingħadda lill-qrati ċivili ordinarji u jiġi ttrattat f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk anki konvenut wieħed biss jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fiż-żmien allokat, l-ordni ta’ ħlas jew l-ordni ta’ ħlas elettronika tiġi annullata fis-sħuħija tagħha, il-qorti tordna smigħ, u l-proċedura tipproċedi f’konformità mar-regoli regolari tal-proċedura ċivili.

Jekk konvenut jippreżenta oġġezzjonijiet kontra ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk) fiż-żmien allokat, il-qorti tordna wkoll smigħ biex tiddelibera dwarhom. Skont l-eżitu tal-proċedura dwar l-oġġezzjonijiet, il-qorti se tiddeċiedi permezz ta’ sentenza, li jew tikkonferma l-ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk) (jinstab li l-oġġezzjonijiet huma mingħajr bażi), jew li tannullaha f’parti minnha jew fis-sħuħija tagħha permezz tas-sentenza tagħha (jinstab li l-oġġezzjonijiet għandhom bażi f’parti minnhom jew fis-sħuħija tagħhom). Din is-sentenza tista’ tiġi appellata. Għall-kuntrarju ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ppreżentata kontra ordni ta’ ħlas jew ordni ta’ ħlas elettronika, ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk) ma tiġix annullata mas-sottomissjoni ta’ oġġezzjonijiet.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Ordni ta’ ħlas, ordni ta’ ħlas elettronika u ordni ta’ ħlas Ewropea li ma jkunux ġew ikkontestati b’dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandhom l-effett ta’ sentenza li tista’ tkun infurzata. Jekk il-konvenut jonqos milli jippreżenta, jew inkella dan jirtira, oġġezzjonijiet kontra ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk), dawn ukoll għandhom l-effett ta’ sentenza li tista’ tkun infurzata.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Wara talba, qorti se tehmeż klawżola tal-effett legali u tal-eżegwibilità ma’ ordni ta’ ħlas, ma’ ordni ta’ ħlas elettronika, jew ma’ ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk). Ordni ta’ ħlas bi klawżoli bħal dawn tikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

Fi proċeduri rigward ordni ta’ ħlas Ewropea, jekk il-konvenut jonqos milli jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni sal-iskadenza stabbilita, l-ordni ta’ ħlas Ewropea jsir eżegwibbli b’mod awtomatiku. L-eżekuzzjoni sseħħ f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri nazzjonali tal-Istat Membru li fih għandha tiġi eżegwita l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ma hemm ebda mezz regolari ta’ rimedji disponibbli biex tiġi kkontestata ordni ta’ ħlas, ordni ta’ ħlas elettronika jew ordni ta’ ħlas b’kambjala (b’ċekk) li kontriha ma jkunux ġew ippreżentati dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni jew oġġezzjonijiet u li jkollha l-effett ta’ sentenza li tista’ tkun infurzata. F’każijiet speċifikati mil-liġi, il-konvenut jista’ juża biss mezzi straordinarji ta’ rimedju, rikors għal konfużjoni, u fil-każ ta’ ordni ta’ ħlas li tista’ tkun infurzata anki rikors għat-tiġdid tal-proċeduri (dispożizzjonijiet tat-Taqsima 228(2) u tat-Taqsima 229(2) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Wara li jiskadi l-perjodu ta’ 30 jum stabbilit għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas Ewropea mingħajr ma tiġi ppreżentata t-tali dikjarazzjoni, il-konvenut jista’ jitlob rieżami ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006. Il-ġurisdizzjoni fi proċeduri li jikkonċernaw applikazzjoni għar-rieżami ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea tappartjeni għall-qorti li tkun ħarġitha. Applikazzjoni għar-rieżami ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea hi l-uniku mezz ta’ rimedju li l-konvenut ikollu kontra ordni ta’ ħlas Ewropea li tista’ tiġi infurzata fl-istat fejn tkun inħarġet l-ordni ta’ ħlas. Deċiżjoni (sentenza) li tikkonċerna l-applikazzjoni għal rieżami ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea tingħata kemm lill-pretendent kif ukoll lill-konvenut (dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174b(2) u (3) tal-Att Nru 99/1963, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Links relatati

https://www.justice.cz/

L-aħħar aġġornament: 15/06/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.