Jekk it-talba tiegħi (minn pajjiż ieħor) se titqies f’dan il-pajjiż

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens f’każijiet transfruntiera?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka — Id-Dipartiment għar-Riabilitazzjoni u għall-Kumpens

Telefown: +421288891225
Faks: +4212888 91 579

Posta elettronika: victims@justice.sk
Sit web: https://www.justice.gov.sk

Nista’ nibgħat it-talba tiegħi direttament lill-awtorità li tiddeċiedi f’dan il-pajjiż anki f’każijiet transfruntiera (mingħajr ma jkolli bżonn ngħaddi mingħand l-awtorità ta’ assistenza f’pajjiżi)?

Mhuwiex possibbli li tikkomunika direttament mal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka. Għandha tintuża l-awtorità tal-assistenza fil-pajjiż ta’ oriġini għal talbiet transfruntiera.

B’liema lingwa/i l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kumpens taċċetta/jaċċettaw:

  • talba?
    Bis-Slovakk.
  • dokumenti ta’ sostenn?
    Bis-Slovakk.

Jekk l-awtorità li tkun qed tipprovdi l-kumpens tittraduċi t-talba/d-dokumenti ta’ sostenn minn pajjiż ieħor tal-UE, min iħallas għal dan?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka ma jipprovdix traduzzjoni tad-dokumenti neċessarji. Il-vittma ta’ reat tħallas għall-ispejjeż tat-traduzzjoni u għall-ispejjeż assoċjati.

Hemm xi ħlasijiet amministrattivi jew ħlasijiet oħra li għandhom jitħallsu f’dan il-pajjiż għall-ipproċessar tat-talba tiegħi (li tkun waslet minn pajjiż ieħor tal-UE)? Jekk iva, kif nista’ nħallas għalihom?

Il-proċedura mhix soġġetta għall-ispejjeż.

F’każ li jkolli bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew waqt li tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi, nista’ niġi rimborżat għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħi? Kif nista’ nagħmel talba għalihom? Lil min għandi nikkuntattja?

Il-preżenza tal-vittma ta’ reat vjolenti mhix meħtieġa f’valutazzjoni ta’ talba għal kumpens. Kwalunkwe smigħ jitwettaq mill-awtorità tal-assistenza rikjesta jew mill-awtoritajiet Slovakki permezz tal-faċilitajiet tekniċi għat-trażmissjoni awdjoviżiva. Bħala riżultat ta’ dan, ma jiġġarrbux spejjeż tal-ivvjaġġar u ma jkunx hemm bżonn ta’ rimborż.

Jiġi pprovdut interpretu, f’każ li jkolli nkun personalment preżenti?

Il-liġi ma tipprovdix għall-parteċipazzjoni personali tar-rikorrent fil-proċedura ta’ kumpens. Il-preżenza tal-vittma ta’ reat vjolenti mhix meħtieġa f’valutazzjoni ta’ talba għal kumpens.

Iċ-ċertifikati mediċi mingħand it-tobba fil-pajjiż ta’ residenza tiegħi, jiġu aċċettati jew rikonoxxuti – jew is-saħħa/il-korriment tiegħi jkunu jridu jiġu eżaminati mill-esperti mediċi tagħkom stess?

Rapport mediku li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-kodiċi legali Slovakk hu meħtieġ għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija. Madankollu, għadu possibbli li l-istatus tas-saħħa jiġi vvalutat minn tabib fir-Repubblika Slovakka fuq il-bażi ta’ rapporti mediċi maħruġa fil-pajjiż ta’ residenza.

Se niġi rimborżat(a) għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħi jekk ikolli nagħmel eżami mediku f’dan il-pajjiż?

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar ma jiġux rimborżati.

Kemm jgħaddi żmien bejn wieħed u ieħor biex l-awtorità/il-korp jiddeċiedu dwar talba għal kumpens?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka jiddeċiedi fi żmien sitt (6) xhur minn meta jirċievi talba kompluta.

B’liema lingwa se nirċievi d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

Bis-Slovakk.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni, kif nista’ nikkontestaha?

B’kawża quddiem il-qorti.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) taħt ir-regoli tal-pajjiż l-ieħor?

Ma hemm ebda għajnuna legali speċifikament għall-fini ta’ talbiet għal kumpens previst fil-kodiċi legali tas-Slovakkja. Hu possibbli li tintuża assistenza legali ġenerali pprovduta mill-Istat miċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali, jew li tintalab għajnuna mingħand waħda mill-organizzazzjonijiet li jipprovdu għajnuna lill-vittmi ta’ reati. Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka stess jipprovdi gwida bażika dwar kif jintalab kumpens.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens f’każ transfruntier?

Hemm organizzazzjonijiet nongovernattivi li jipprovdu għajnuna u appoġġ lil vittmi ta’ reati vjolenti fi ħdan ir-Repubblika Slovakka, li huma ffokati fuq ċerti vittmi. L-għażliet għall-organizzazzjonijiet individwali biex jipprovdu għajnuna għal talbiet ta’ kumpens f’każijiet transfruntiera jiddependu primarjament mill-kapaċitajiet tal-persunal tagħhom.

L-aħħar aġġornament: 27/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.