Moduli ta' taħriġ fil-qasam tal-liġi ambjentali Ewropea (Il-Kummissjoni Ewropea)
L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata mal‑ambjent huma oqsma fejn l-għarfien tar-regolamenti huwa partikolarment baxx. Madankollu r-regolamenti jeżistu u spiss huma speċifiċi ħafna. Fl-Ewropa bħalissa hemm numru kbir ta' każijiet li fihom ir-reati li jaffettwaw l-ambjent qed jiġu proċessati. Konxji mill-ħtieġa li titjieb il-koperazzjoni bejn l-UE u l-imħallfin nazzjonali, id‑Direttorat Ġenerali għall-ambjent neda programm speċjali fl-2008 biex jiżviluppa moduli ta' taħriġ dwar bosta aspetti tal-liġi ambjentali tal-UE u biex jorganizza workshops u seminars għall-imħallfin dwar l-implimentazzjoni tal-liġi. Il-moduli ta' taħriġ kienu ttestjati wkoll f'dawn il-workshops u mtejba fuq il-bażi ta' feedback riċevut.
L-għan ewlieni tal-workshops huwa li titqajjem kuxjenza tal-liġi u l-politika ambjentali tal-UE u biex jipprovdu forum għall-iskambju ta' għarfien u esperjenza. L-intenzjoni hija wkoll li jinvolvu l-ħarrieġa u l-fornituri ta' taħriġ. Għal dan il-għan, il-materjali ta' taħriġ huma żviluppati b'tali mod li jippermetti li jiġu aġġornati u adattati għall‑ħtiġijiet tal-udjenza fil-mira fil-livell lokali, nazzjonali jew Ewropew.
Il-pakkett ta' taħriġ dwar il-liġi ambjentali tal-UE jikkonsisti f'moduli dwar suġġetti speċifiċi. Kull modulu huwa maqsum f'sessjonijiet, li kull waħda minnhom tieħu l-forma ta' eżerċizzju ta' taħriġ speċifiku, pereżempju studji ta' każijiet jew preżentazzjoni ta' direttivi.
Il-moduli huma taħlita ta' preżentazzjonijiet mogħtija mill-ħarrieġ u xogħol interattiv fuq studji ta' każijiet (erbgħa f'seminar li jdum jumejn u nofs). Il-ħarrieġa madankollu għandhom il-libertà li jużaw il-materjali kif jixtiequ u jistgħu, pereżempju, jiddisinnjaw seminars tagħhom stess billi jagħżlu biss subsett‑ limitat ta' sessjonijiet disponibbli.
Il-moduli disponibbli huma disponibbli hawn b'xejn bl-Ingliż, u jkopru s-suġġetti li ġejjin:
- Il-Liġi tal-UE dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (EIA)
- Il-Liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tan-natura
- Il-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart
- Il-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma
- Il-Prinċipji tal-liġi ambjentali tal-UE
- Il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali.
Il-materjali ta' taħriġ huma wkoll disponibbli fuq il-kwistjonijiet ġenerali li ġejjin:
- L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali
- Ir-rwol tal-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali Ewropea.
Manwal għat-Taħriġ għall-Ħarrieġa jispjega kif dawn il-pakketti ta' taħriġ jistgħu jintużaw fil-prattika.
Seminar ta' taħriġ dwar l-aċċess għall-qrati fi kwistjonijiet tal-liġi ambjentali (In-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju - EJTN)
Il-ġuristi u l-ħarrieġa interessati jistgħu jaċċessaw il-vidjo podcasts tas-seminar ta' taħriġ organizzat bl-Ingliż miċ-Centro de Estudos Judiciários bħala parti mill-attivitajiet tal-EJTN hawn.
Links relatati
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.