Medjaturi

Bulgarija

Din it-taqsima tispjegalek kif issib medjatur fil-Bulgarija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Kif issib medjatur fil-Bulgarija

Il-Ministeru għall-Ġustizzja jżomm ir-Reġistru Unifikat tal-Medjaturi.

Ir-reġistru fih l-informazzjoni li ġejja:

  • Informazzjoni personali dwar l-individwi rreġistrati bħala medjaturi – edukazzjoni, lingwi mitkellma u kwalifiki addizzjonali fil-qasam tal-medjazzjoni
  • Informazzjoni ta’ kuntatt tal-medjatur – l-indirizz tal-uffiċċju, in-numru tat-telefown u l-email

Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Ġustizzja jżomm lista tal-organizzazzjonijiet li ġew approvati biex jipprovdu taħriġ għall-medjaturi.

L-entrati fir-reġistru u fil-lista ta’ organizzazzjonijiet huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta’:

  • L-Att dwar il-Medjazzjoni
  • Ir-Regolament Nru 2 tal-15 ta’ Marzu 2007 (maħruġ mill-Ministru għall-Ġustizzja) li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet li jipprovdu t-taħriġ għall-medjaturi; ir-rekwiżiti ta’ taħriġ għall-medjaturi; il-proċedura għad-dħul, it-tneħħija u t-tħassir ta’ medjaturi mir-Reġistru Unifikat tal-Medjaturi; u r-regoli proċedurali u etiċi għall-imġiba tal-medjaturi.

L-aċċess għar-reġistru tal-medjaturi Bulgaru huwa bla ħlas?

Tista’ taċċedi r-Reġistru Unifikat tal-Medjaturi Bulgaru bla ħlas mis-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Ġustizzja. L-individwi u l-organizzazzjonijiet li jixtiequ jiġu inklużi fil-lista tal-organizzazzjonijiet li jipprovdu taħriġ fil-ħiliet tal-medjazzjoni jridu iħallsu tariffa.

Kif tfittex medjatur fil-Bulgarija

Fis-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Ġustizzja, tista’ ssib lista kompleta tal-persuni mħarrġa u awtorizzati biex iwettqu l-medjazzjoni fir-Repubblika tal-Bulgarija. Tista’ tfittex medjaturi skont l-organizzazzjoni ta’ taħriġ, edukazzjoni, għarfien ta’ lingwi barranin u speċifikazzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-qasam tal-medjazzjoni (eż. medjazzjoni kummerċjali, tan-negozju jew tal-familja).

L-informazzjoni ta’ kuntatt hija disponibbli, inkluż in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email, u tista’ tikkuntattjahom biex tirċievi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li teħtieġ.

L-aħħar aġġornament: 29/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.