Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

Iva.

Skont id-dritt tar-Repubblika Ċeka, kwalunkwe ħaġa li tappartjeni għall-konjuġi, għandha valur tal-assi u mhijiex eskluża mis-sistema legali hija kkunsidrata bħala beni tal-miżżewġin. Il-beni tal-miżżewġin huma soġġetti għas-sistema statutorja, għal sistema miftiehma speċifika, jew għal sistema stabbilita f’deċiżjoni tal-qorti.

Taħt is-sistema statutorja, kwalunkwe ħaġa akkwistata minn wieħed mill-konjuġi, jew akkwistata b’mod konġunt miż-żewġ konjuġi, matul iż-żwieġ tagħhom, titqies bħala proprjetà konġunta, ħlief għal dawn li ġejjin:

a)         assi li jaqdu l-ħtiġijiet personali ta’ wieħed mill-konjuġi;

b)         assi akkwistati permezz ta’ rigal, wirt jew legat lil wieħed mill-konjuġi biss, sakemm il-persuna li tagħti r-rigal, jew it-testatur, ma jkunux esprimew xewqa differenti;

c)         assi li wieħed mill-konjuġi jirċievi bħala kumpens għal telf mhux finanzjarju fid-drittijiet naturali tiegħu;

d)        assi akkwistati minn wieħed mill-konjuġi permezz ta’ proċess legali li jirrigwarda s-sjieda unika tagħhom;

e)         assi akkwistati minn wieħed mill-konjuġi bħala kumpens għal ħsara, għal qerda jew għal telf tal-proprjetà esklussiva tagħhom.

Skont ir-reġim statutorju, kwalunkwe profitt minn assi li jappartjenu biss għal wieħed mill-konjuġi hija proprjetà konġunta.

Skont is-sistema statutorja, id-djun kollha mġarrba matul iż-żwieġ għandhom sjieda konġunta, sakemm dawn ma jkunux jirrigwardaw biss assi li jappartjenu għal wieħed mill-konjuġi, u biss fir-rigward tal-parti li taqbeż il-valur tal-profitti minn dawn l-assi, jew sakemm ma jkunux ittieħdu minn wieħed mill-konjuġi mingħajr il-qbil tal-ieħor. Dan ma jikkonċernax l-akkwist ta’ xirjiet ta’ rutina jew ta’ ħtiġijiet bażiċi għall-familja.

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Koppji għarajjes jew miżżewġa jistgħu jaqblu fuq sistema li tirregola l-beni li tkun differenti mis-sistema statutorja.  Il-ftehim jista’ jikkonsisti f’sistema ta’ sjieda separata jew f’sistema li tillimita l-istabbiliment ta’ beni konġunti għall-perjodu qabel jintemm iż-żwieġ, jew jista’ jestendi jew jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-beni konġunti ddefinit fis-sistema statutorja. Il-ftehim jista’ jkun fih kwalunkwe arranġament relatat ma’ kwalunkwe oġġett tal-beni, sakemm dan ma jkunx ipprojbit bil-liġi. Il-ftehim jista’ b’mod partikolari jkopri l-kamp ta’ applikazzjoni jew il-kontenut jew is-sistema, jew il-perjodu li matulu s-sistema statutorja jew sistema oħra tal-beni konġunti tkun applikabbli, jew oġġetti individwali tal-beni jew gruppi tagħhom. Il-ftehim jista’ jikklassifika beni konġunti futuri b’mod differenti mis-sistema statutorja. Il-ftehim jista’ jipprovdi wkoll għal reġim ta’ beni fil-każ ta’ tmiem iż-żwieġ.

Ftehim dwar sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin irid jkun fil-forma ta’ rekord uffiċjali (jiġifieri jrid ikun ġie ċċertifikat minn nutar).

Meta koppja għarajjes tidħol fi ftehim tar-reġim tal-beni tal-miżżewġin, dan il-ftehim isir effettiv fid-data taż-żwieġ.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-ftehim jista’ jkun fih kwalunkwe arranġament relatat ma’ kwalunkwe oġġett, sakemm dan ma jkunx ipprojbit bil-liġi.

Il-ftehim ma jistax jeskludi jew jemenda xi dispożizzjoni dwar l-għamara abitwali tad-dar, sakemm wieħed mill-konjuġi ma jkunx telaq mid-dar u jirrifjuta li jirritorna. Il-ftehim ma jistax jimpedixxi lill-konjuġi milli jipprovdi għall-familja tagħhom. Il-ftehim ma jistax, bil-kontenut jew bl-iskop tiegħu, jaffettwa d-drittijiet ta’ xi parti terza, sakemm dik il-parti ma tkunx tat il-kunsens tagħha fil-ftehim. Kwalunkwe ftehim konkluż mingħajr il-kunsens tal-parti terza ma għandu l-ebda effett legali fir-rigward ta’ dik il-parti.

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

Il-beni tal-miżżewġin ma jibqgħux tali meta jintemm iż-żwieġ; dan jiġri meta jmut wieħed mill-konjuġi, meta wieħed mill-konjuġi jiġi ddikjarat mejjet, jew wara divorzju. Meta l-beni tal-miżżewġin jiġu xolti, il-beni li jifdal iridu jitqassmu.

Jekk iż-żwieġ jiġi annullat, jitqies li l-koppja qatt ma kienet miżżewġa. Wara l-annullament, id-drittijiet u l-obbligi tal-beni tal-koppja jiġu ttrattati bl-istess mod bħad-drittijiet u l-obbligi tal-beni wara divorzju.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-beni tal-miżżewġin jiġu xolti u mbagħad jitqassmu. Il-konjuġi ħaj ikun il-werriet statutorju tal-ewwel u tat-tieni kategorija tal-persuna deċeduta.

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Qorti.

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

Kwalunkwe ħaġa akkwistata minn wieħed mill-konjuġi qabel iż-żwieġ (inter alia) ma ttqiesx bħala beni tal-miżżewġin skont is-sistema statutorja. Skont is-sistema statutorja, id-djun kollha mġarrba matul iż-żwieġ huma beni konġunti, sakemm dawn ma jkunux jirrigwardaw biss assi li jappartjenu għal wieħed mill-konjuġi, u biss fir-rigward tal-parti li taqbeż il-valur tal-profitti minn dawn l-assi, jew sakemm ma jkunux ittieħdu minn wieħed mill-konjuġi mingħajr il-qbil tal-ieħor. Dan ma jikkonċernax l-akkwist ta’ xirjiet ta’ rutina jew ta’ ħtiġijiet bażiċi għall-familja.

Fi kwistjonijiet li jikkonċernaw beni konġunti jew partijiet minnhom li mhumiex meqjusa bħala ta’ rutina, il-konjuġi jridu jaġixxu flimkien fi proċeduri legali, sakemm wieħed mill-konjuġi ma jaġixxix bil-kunsens tal-ieħor. Jekk wieħed mill-konjuġi jirrifjuta milli jagħti kunsens mingħajr raġuni tajba u kontra l-interessi tal-koppja miżżewġa, tal-familja, jew tal-unità domestika tal-familja, jew ma jkunx jista’ jesprimi r-rieda tiegħu, il-konjuġi l-ieħor jista’ japplika quddiem qorti biex jagħti l-kunsens minfloku.

Jekk wieħed mill-konjuġi jaġixxi fi proċedimenti legali mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor fejn tali kunsens kien meħtieġ, il-proċedimenti miftuħa mill-konjuġi l-ieħor jistgħu jiġu ddikjarati invalidi. Jekk parti mill-beni konġunti tkun se tintuża għal skopijiet kummerċjali minn wieħed mill-konjuġi, u jekk il-valur tal-assi ta’ dik il-parti tal-beni jaqbeż ammont proporzjonat għaċ-ċirkostanzi materjali tal-konjuġi, il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor ikun meħtieġ mal-ewwel okkażjoni li fiha dawn il-beni jintużaw b’dan il-mod. Jekk il-konjuġi l-ieħor ikun eskluż minn dawn il-proċedimenti, huwa jista’ jitlob li jiġu ddikjarati invalidi. Jekk parti mill-beni konġunti tkun se tintuża għall-akkwist ta’ sehem f’kumpanija kummerċjali jew f’kooperattiva, jew jekk l-akkwist ta’ sehem bħal dan iwassal għall-garanzija tad-djun ta’ kumpanija jew ta’ kooperattiva sa tali punt li jaqbeż dak li jkun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi materjali tal-koppja miżżewġa, ikun meħtieġ il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor; jekk il-konjuġi l-ieħor ikun eskluż minn dawn il-proċedimenti, huwa jista’ jitlob li t-tali proċedimenti jiġu ddikjarati invalidi.

Jekk il-konjuġi jkunu nnegozjaw sistema miftiehma li tirregola l-beni, il-ftehim ma jistax, bil-kontenut jew bl-iskop tiegħu, jikser id-drittijiet ta’ xi parti terza, sakemm dik il-parti ma tagħtix il-kunsens tagħha fil-ftehim. Kwalunkwe ftehim konkluż mingħajr il-kunsens tal-parti terza ma għandu l-ebda effett legali fir-rigward ta’ dik il-parti.

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru.

Jekk il-beni konġunti jiġu xolti jew likwidati, jew jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jitnaqqas, l-obbligi u d-drittijiet li qabel kienu konġunti jiġu rilaxxati permezz ta’ distribuzzjoni. Jekk il-beni mnaqqsa, xolti jew likwidati ma jitqassmux, ir-regoli dwar il-beni konġunti jiġu applikati għalihom kif xieraq.

Id-distribuzzjoni tal-beni ma tistax taffettwa d-drittijiet ta’ xi parti terza. Jekk id-drittijiet ta’ kwalunkwe persuna terza jkunu ġew affettwati mid-distribuzzjoni, dik il-persuna tista’ titlob li qorti ssib li d-distribuzzjoni ma jkollha l-ebda effett fir-rigward tagħhom. Id-djun jistgħu jitqassmu biss bejn konjuġi.

Il-preferenza hija li jintlaħaq ftehim bejn il-konjuġi biex jitqassmu l-beni konġunti, jekk dan ikun possibbli (pereżempju fil-każ ta’ divorzju jew ta’ tnaqqis tal-beni konġunti). Ftehim ta’ distribuzzjoni dejjem jidħol fis-seħħ mill-jum li fih il-beni konġunti jitnaqqsu jew jiġu xolti jew likwidati, irrispettivament minn jekk il-ftehim ikunx intlaħaq qabel jew wara t-tnaqqis, ix-xoljiment jew il-likwidazzjoni tal-beni konġunti.

Il-ftehim ta’ tqassim irid ikun bil-miktub jekk ikun ġie konkluż matul iż-żwieġ jew jekk kwalunkwe oġġett li jkun se jitqassam ikun jeħtieġ ftehim ta’ trasferiment tas-sjieda bil-miktub (eż. oġġetti immobbli). Jekk il-ftehim ta’ tqassim ma jkollux għalfejn ikun bil-miktub u jekk wieħed mill-konjuġi jorganizza dan, il-konjuġi l-ieħor irid jippreżenta lil dak il-konjuġi konferma tat-tqassim.

Jekk il-konjuġi jonqsu milli jaqblu dwar soluzzjoni ta’ tqassim, kwalunkwe wieħed minnhom ikun jista’ japplika għal deċiżjoni tal-qorti. Il-qorti trid tiddeċiedi dwar it-tqassim skont is-sitwazzjoni prevalenti meta l-beni tal-miżżewġin tkun tnaqqset jew ġiet xolta jew ġiet likwidata.

Fit-tqassim jiġu applikati r-regoli li ġejjin:

a)         l-ishma taż-żewġ konjuġi fl-assi li għandhom jitqassmu jridu jkunu l-istess;

b)         kull wieħed mill-konjuġi jrid iħallas lura kwalunkwe riżorsa mill-assi konġunti minfuqa fuq il-beni esklussivi tiegħu;

c)         kull wieħed mill-konjuġi għandu d-dritt li jitlob kumpens għal kwalunkwe riżorsa mill-beni esklussivi tiegħu minfuqa fuq assi konġunti;

d)         iridu jitqiesu l-ħtiġijiet tat-tfal dipendenti;

e)         irid jitqies kif kull wieħed mill-konjuġi jkun ħa ħsieb il-familja, speċjalment kif ikun ħa ħsieb it-tfal u l-unità domestika tal-familja;

f)         irid jitqies kif kull wieħed mill-konjuġi jkun ikkontribwixxa għall-akkwist u għall-manutenzjoni tal-assi konġunti.

Jekk, fi żmien tliet snin mit-tnaqqis, mix-xoljiment jew mil-likwidazzjoni tal-beni konġunti, ma jkun hemm l-ebda tqassim tal-assi li kienu jifformaw parti minn dawk il-beni, jew ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim ta’ tqassim, jew ma jkun hemm l-ebda talba biex il-qorti tiddeċiedi dwar id-distribuzzjoni, il-konjuġi jew l-eks-konjuġi jitqiesu li jkunu solvew it-tqassim kif ġej:

a)         l-assi mobbli tanġibbli huma l-beni tal-konjuġi li jużahom, bħala s-sid uniku, biex jipprovdi għall-ħtiġijiet tiegħu stess jew dawk tal-familja tiegħu jew tal-unità domestika tal-familja tiegħu;

b)         assi tanġibbli mobbli u immobbli oħra huma beni konġunti taż-żewġ konjuġi u kull wieħed minnhom għandu sehem indaqs f’dawn il-beni;

c)         drittijiet, obbligazzjonijiet u djun oħra tal-beni jkunu marbutin maż-żewġ konjuġi u jkollhom sehem indaqs fihom.

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Il-proċedimenti legali li jistabbilixxu jew jittrasferixxu dritt in rem għal assi immobbli, jew il-proċedimenti li jemendaw jew jirrevokaw tali drittijiet, iridu jkunu bil-miktub. Jekk it-trasferiment jinvolvi s-sjieda ta’ assi immobbli li jiddaħħlu f’reġistru pubbliku, it-tibdil fis-sjieda jidħol fis-seħħ meta tiddaħħal f’dak ir-reġistru.

L-aħħar aġġornament: 14/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.