Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Il-qrati ċivili ordinarji għandhom ġuriżdizzjoni biex jisimgħu l-maġġoranza tal-kawżi ċivili u kummerċjali fil-Greċja. Bħala eċċezzjoni, ġew stabbiliti awli speċjalizzati b’liġi speċjali fi ħdan il-qafas tal-qrati ċivili fil-bliet il-kbar, li għandhom ġuriżdizzjoni esklużiva biex jisimgħu kawżi speċifiċi, skont il-qasam legali. Dawn l-awli huma: l-awli kompetenti sabiex jisimgħu kawżi relatati mat-trademark Komunitarja f’Ateni u Salonka, u l-awla kompetenti biex tisma’ kawżi relatati mal-liġi marittima f’Piraeus.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tiġi determinata mill-valur tas-suġġett inkwistjoni. Biex jiġi stmat il-valur tas-suġġett inkwistjoni, tiġi kkunsidrata t-talba ppreżentata fir-rikors, mingħajr ma titqies l-ebda talba anċillari. Fejn diversi talbiet ikunu koperti mill-istess rikors, dawn jiġu aggregati.

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Il-kawżi li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ċivili jinstemgħu fil-prim’istanza minn qrati ċivili distrettwali magħrufin ukoll bħala qrati għal talbiet żgħar (Irinodikia), qrati tal-prim’istanza bi mħallef wieħed (Monomeli Protodikia) u qrati tal-prim’istanza b'iktar minn imħallef wieħed (Polymeli Protodikia).

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati għal talbiet żgħar tkopri prinċipalment (a) it-tilwim kollu li jista’ jiġi valutat f’termini monetarji fejn il-valur inkwistjoni ma jaqbiżx l-għoxrin elf euro (EUR 20 000), (b) it-tilwim kollu, prinċipali jew konsegwenzjali, taħt kuntratt ta’ lokazzjoni, bil-kundizzjoni li fil-każijiet kollha, il-kera maqbula ta’ kull xahar ma taqbiżx is-sitt mitt euro (EUR 600).

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati għal talbiet żgħar tkopri wkoll, irrispettivament mill-valur inkwistjoni, il-biċċa l-kbira tat-tilwim relatat mal-biedja, il-bejgħ ta’ annimali, it-tilwim dwar proprjetà mal-ġirien, it-tilwim li jirriżulta minn kuntratti ma’ operaturi tal-lukandi u tat-trasport, it-talbiet magħmula minn assoċjazzjonijiet u kooperattivi kontra l-membri tagħhom u, viċi versa, it-talbiet magħmula minn avukati għas-servizzi tagħhom fil-qrati tal-prim’istanza u fil-qrati tal-pulizija (Ptaismatodikia), kif ukoll id-drittijiet, il-kumpens jew l-ispejjeż tax-xhieda, l-interpreti, is-sekwestraturi jew il-gwardji li jkunu xehdu quddiem jew ġew maħtura minn kwalunkwe qorti.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-prim’istanza bi mħallef wieħed tkopri t-tilwim kollu li jista’ jiġi valutat f’termini monetarji meta l-valur tal-kawża jaqbeż l-għoxrin elf euro (EUR 20 000) iżda ma jaqbiżx il-mitejn u ħamsin elf euro (EUR 250 000).

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-prim’istanza bi mħallef wieħed tkopri wkoll it-tilwim li ġej, anki jekk il-valur tiegħu jaqbeż il-mitejn u ħamsin elf euro (EUR 250 000): tilwim li jirriżulta minn ftehimiet ta’ lokazzjoni jew kera; tilwim industrijali li jirrigwarda l-impjegati, jew li jirrigwarda x-xogħol jew l-oġġetti mmanifatturati minn professjonisti jew nies tas-sengħa; tilwim taħt ftehimiet kollettivi tal-ħaddiema bejn l-organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-persuni assigurati; tilwim rigward tariffi, kumpens u spejjeż tal-avukati, għajr dawk imsemmija aktar ’il fuq li jinstemgħu fil-qrati għal talbiet żgħar; tilwim li jirrigwarda ’l dawk impjegati f’kapaċità legali, medika jew paramedika, jew bħala inġiniera, spiżjara jew sensara/aġenti, u ta’ dawk maħtura minn awtorità ġudizzjarja, bħal esperti, arbitri esperti, assessuri, arbitri, eżekuturi testamentarji, likwidaturi; tilwim relatat ma’ kull tip ta’ talba għall-kumpens li tirriżulta minn ħsara kkawżata minn vettura, inklużi t-talbiet taħt kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-vetturi, u tilwim fir-rigward ta’ kontestazzjonijiet għall-pussess jew l-okkupazzjoni ta’ proprjetà mobbli jew immobbli.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-prim’istanza bi mħallef wieħed tkopri dejjem, irrispettivament mill-valur: tilwim relatat mad-divorzju; l-annullament taż-żwieġ; ir-rikonoxximent tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza taż-żwieġ; ir-relazzjonijiet matrimonjali waqt iż-żwieġ u li jirriżultaw minnu, inkluż l-ikkontestar tal-paternità, ir-rikonoxximent ta’ jekk hemmx filjazzjoni jew le jew responsabbiltà tal-ġenituri; ir-rikonoxximent tal-paternità ta’ tfal imwielda barra miż-żwieġ; ir-rikonoxximent ta’ jekk hemmx rikonoxximent volontarju jew le ta’ tfal imwielda barra miż-żwieġ, ta’ jekk dak ir-rikonoxximent huwiex invalidu, jew jekk tali tfal igawdux l-istess status bħal xi ħadd imwieled fiż-żwieġ fid-dawl taż-żwieġ imminenti tal-ġenituri tagħhom, u inkluż ukoll l-ikkontestar tar-rikonoxximent volontarju; ir-rikonoxximent ta’ jekk ikunx hemm adozzjoni jew ix-xoljiment tagħha, jew jekk ikunx hemm tutela jew le. Barra minn hekk, tilwim dwar manteniment fuq bażi ta’ żwieġ, divorzju jew parentela; l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri; in-nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri fl-eżerċizzju konġunt tagħhom tal-awtorità tal-ġenituri, kif ukoll il-komunikazzjoni tal-ġenituri u qraba oħra f’linja axxendenti mat-tfal; ir-regolamentazzjoni tal-użu tad-dar matrimonjali u tad-distribuzzjoni tal-assi mobbli bejn il-konjuġi, kif ukoll dawk relatati mad-dar matrimonjali u d-distribuzzjoni tal-assi mobbli bejn il-konjuġi fil-każ ta’ waqfien tal-koabitazzjoni; tilwim relatat mas-sjieda ta’ sulari f’bini u tilwim relatat mal-annullament ta’ deċiżjonijiet mgħoddija mill-assemblej ġenerali ta’ assoċjazzjonijiet jew kooperattivi.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-prim’istanza b'iktar minn imħallef wieħed tkopri t-tilwim kollu li l-qrati għal talbiet żgħar u l-qrati tal-prim’istanza bi mħallef wieħed ma għandhomx ġuriżdizzjoni fuqu.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Il-qorti li fir-reġjun tagħha l-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali.

Jekk il-konvenut la jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Greċja u lanqas f’pajjiż ieħor, il-qorti li fir-reġjun tagħha jkollu r-residenza tiegħu jkollha l-ġuriżdizzjoni. Jekk il-post tar-residenza tal-konvenut ma jkunx magħruf, il-ġuriżdizzjoni tkun tal-qorti tar-reġjun fejn kellu l-aħħar domiċilju tiegħu fil-Greċja, jew, fin-nuqqas ta' domiċilju, fejn kellu l-aħħar residenza tiegħu.

L-Istat jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti fir-reġjun fejn ikollha s-sede l-awtorità partikolari li tkun imsejħa bil-liġi sabiex tirrappreżenta lill-Istat fil-qorti.

Persuni ġuridiċi bil-kapaċità li jkunu partijiet f’kawża legali jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti li l-uffiċċju rreġistrat jew il-fergħa tagħhom ikunu jinsabu fir-reġjun tagħha, meta t-tilwima tkun tikkonċerna l-operat tagħha.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Meta jkollha ġuriżdizzjoni aktar minn qorti waħda, ir-rikorrent għandu d-dritt li jagħżel. Il-prijorità bejniethom tiġi determinata fuq il-bażi tad-data meta jkun ġie ppreżentat ir-rikors.

Jekk il-qorti ma jkollhiex ġuriżdizzjoni ratione materiae jew ratione loci, il-qorti nnifisha tiddeċiedi dwar dan ex officio u tispeċifika liema qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni, u tirrinvija wkoll il-kawża lil dik il-qorti. Il-konsegwenzi legali tar-rikors ippreżentat għandhom jinżammu.

Tilwim kuntrattwali

Tilwim relatat mal-eżistenza jew il-validità ta’ att legali mwettaq matul il-ħajja ta’ persuna u d-drittijiet kollha li joħorġu minnu, jista’ jiġi ppreżentat ukoll quddiem il-qorti jew fir-reġjun fejn ikun tfassal l-att legali jew fir-reġjun fejn għandha sseħħ l-eżekuzzjoni. Tilwim relatat ma’ danni kkawżati mid-dipendenza fuq ħaddieħor (interess negattiv) u ma’ kumpens minħabba nuqqas matul in-negozjati, jista’ jitressaq ukoll quddiem l-istess qorti.

Delitt

Tilwim li jirriżulta minn att dannuż jista’ jiġi ppreżentat ukoll quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu, jew li wasal biex iseħħ.

Rikors ċivili

Rikors ċivili għad-danni u restituzzjoni għal reat kif ukoll għall-kumpens għal danni mhux materjali jew għat-tbatija mentali jista’ jiġi ppreżentat fil-qorti kriminali li tkun qiegħda tittratta l-kawża.

Materji relatati ma’ manteniment, divorzju u responsabbiltà tal-ġenituri

Tilwim matrimonjali (tilwim relatat mal-manteniment fuq bażi ta’ żwieġ, divorzju jew parentela; l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri; in-nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri fl-eżerċizzju konġunt tagħhom tal-awtorità tal-ġenituri, kif ukoll il-komunikazzjoni tal-ġenituri u qraba oħra f’linja axxendenti mat-tfal u r-regolamentazzjoni tal-użu tad-dar matrimonjali u tad-distribuzzjoni tal-assi mobbli bejn il-konjuġi, kif ukoll dawk relatati mad-dar matrimonjali u d-distribuzzjoni tal-assi mobbli bejn il-konjuġi fil-każ ta’ waqfien tal-koabitazzjoni) jista’ jiġi ppreżentat ukoll quddiem il-qorti li fir-reġjun tagħha tinsab l-aħħar residenza komuni tal-konjuġi.

Tilwim relatat ma’ talbiet għal manteniment jista’ jiġi ppreżentat ukoll quddiem il-qorti tal-post fejn il-benefiċjarju tal-pensjoni tal-manteniment ikollu d-domiċilju jew ir-residenza tiegħu.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Tilwim relatat ma’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u tilwim li jirriżulta mil-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qorti fir-reġjun fejn tkun tinstab il-proprjetà immobbli.

(Jekk il-proprjetà immobbli tkun tinstab f’reġjun li jkollu aktar minn qorti waħda, ir-rikorrent għandu d-dritt li jagħżel.)

Tilwim relatat ma’ amministrazzjoni mwettqa b’ordni tal-qorti jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qorti li tkun ħarġet l-ordni.

Tilwim relatat mas-suċċessjoni jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qorti li fir-reġjun tagħha l-mejjet kellu d-domiċilju tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ domiċilju, ir-residenza tiegħu fiż-żmien tal-mewt.

Jekk kawża konsegwenzjali tkun marbuta ma’ waħda prinċipali, inkluż, b’mod partikolari, it-talbiet inċidentali jew it-talbiet għal garanzija, tali interventi u talbiet simili oħra jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża prinċipali.

Kawżi prinċipali li jkunu relatati jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qorti li kienet involuta l-ewwel.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-prim’istanza b'iktar minn imħallef wieħed li tkun qiegħda tisma' l-kawża prinċipali tkopri kwalunkwe kawża konsegwenzjali li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-prim’istanza bi mħallef wieħed u tal-qorti distrettwali, u l-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-prim’istanza bi mħallef wieħed li tkun qiegħda tisma’ l-kawża prinċipali tkopri kwalunkwe kawża konsegwenzjali li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti ċivili distrettwali.

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Qorti ordinarja tal-prim’istanza li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni territorjali tista’, bi ftehim espliċitu jew taċitu tal-partijiet fil-kawża, issir kompetenti sakemm it-tilwim ikkonċernat ma jkunx dwar proprjetà. Irid jintlaħaq ftehim espliċitu fil-każ ta’ tilwim li ma jkun hemm l-ebda ġuriżdizzjoni esklużiva fuqu.

Jiġi preżunt ftehim taċitu jekk il-konvenut jattendi għas-smigħ pubbliku u ma joġġezzjonax abbażi tan-nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni fil-ħin.

Il-ftehim bejn il-partijiet, li permezz tiegħu qorti ordinarja ssir kompetenti għal tilwim ġejjieni, ikun validu biss jekk ikun bil-miktub u jirreferi għal relazzjoni legali speċifika li minnha se jirriżulta t-tilwim.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Rigward l-awli speċjali kompetenti għat-trademark Komunitarja u l-liġi marittima: Il-ġuriżdizzjoni ratione marteriae tiġi determinata skont ir-regoli dwar il-qrati ċivili ordinarji. Rigward il-ġuriżdizzjoni territorjali, (a) l-awla kompetenti għat-trademark Komunitarja f’Ateni tkopri r-reġjuni tal-Qrati tal-Appell ta’ Ateni, l-Eġew, id-Dodecanese, Korfù, Kreta, Lamia, Nafplion, Patras u Piraeus, (b) l-awla kompetenti għat-trademark Komunitarja f’Salonka tkopri r-reġjuni tal-Qrati tal-Appell ta’ Salonka, il-Maċedonja tal-Punent, Thrace, Ioannina u Larissa, u (c) l-awla kompetenti għal-liġi marittima f’Piraeus tkopri l-Prefettura sħiħa ta’ Attica.

L-aħħar aġġornament: 05/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.