Medjaturi

Spanja

Din it-taqsima tgħinek issib medjatur fi Spanja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Ir-Reġistru tal-Medjaturi u tal-Istituzzjonijiet tal-Medjazzjoni (Registro de Mediadores e Instituciones de Mediación) huwa bażi tad-data diġitali aċċessibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja. Bħala reġistru pubbliku ta’ medjaturi professjonali u istituzzjonijiet tal-medjazzjoni, dan jiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini għall-medjazzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim.

Aċċessa l-brawżers:

Madankollu, il-medjaturi u l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jirreġistraw fir-Reġistru tal-Medjaturi u tal-Istituzzjonijiet tal-Medjazzjoni. Huwa possibbli wkoll li ssib medjatur direttament permezz tal-istituzzjonijiet tal-medjazzjoni, inklużi assoċjazzjonijiet professjonali u Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tas-Servizzi u tat-Tbaħħir, li ħafna minnhom waqqfu ċentri tal-medjazzjoni li jipprovdu l-medjatur xieraq għall-każ inkwistjoni. L-aċċess għall-medjazzjoni huwa ffaċilitat ukoll minn assoċjazzjonijiet tal-medjazzjoni li jispeċjalizzaw f’materji tal-familja, ċivili, kummerċjali jew ġenerali.

F’kawżi fejn il-qrati jirreferu l-każ għall-medjazzjoni, il-qrati għandhom mezzi għar-riferiment lill-istituzzjonijiet tal-medjazzjoni fl-isfera tar-responsabbiltà tagħhom. Anki dawn l-istituzzjonijiet jippermettu lill-partijiet isibu l-medjatur xieraq.

Medjazzjoni

Il-medjazzjoni, tissejjaħ x’tissejjaħ, hija mezz ta’ soluzzjoni tat-tilwim li fih żewġ partijiet jew aktar jippruvaw minn jeddhom jilħqu ftehim bejniethom bl-intervent ta’ medjatur li jaġixxi b’mod imparzjali u newtrali.

Medjatur

Il-medjaturi jistgħu jkunu persuni fiżiċi li jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet ċivili tagħhom, dment li dan ma jkunx prekluż mil-leġiżlazzjoni li jkunu soġġetti għaliha meta jiżvolġu l-professjoni tagħhom.

Il-persuni ġuridiċi li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni, kemm jekk ikunu kumpaniji professjonali jew kwalunkwe kumpanija oħra stabbilita bil-liġi, iridu jaħtru bħala medjatur persuna fiżika li tissodisfa r-rekwiżiti legali.

Rekwiżiti biex wieħed ikun medjatur

Il-medjatur jeħtieġlu jkollu lawrja universitarja uffiċjali jew taħriġ vokazzjonali avvanzat u taħriġ speċifiku fil-prattika tal-medjazzjoni, miksub billi jsegwi kors speċifiku jew korsijiet speċifiċi mgħallma minn istituzzjonijiet akkreditati kif xieraq, li jkun validu għall-eżerċitar tal-attività tal-medjazzjoni f’kull parti tal-pajjiż. Fi Spanja, il-medjaturi huma meħtieġa jkollhom mill-inqas 100 siegħa ta’ dan it-taħriġ speċifiku, li jrid jiġi aġġornat permezz ta’ taħriġ kontinwu.

Il-medjaturi jeħtiġilhom jagħmlu assigurazzjoni jew jiksbu garanzija ekwivalenti li tkopri r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-intervent fil-kunflitti li jimmedjaw.

Medjatur tal-falliment (mediador concursal)

Il-medjaturi tal-falliment huma persuni fiżiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikunu medjatur u dawk stipulati fl-Artikolu 27.1 tal-Liġi dwar l-Insolvenza 22/2003 tad-9 ta’ Lulju 2003 biex ikunu amministratur tal-insolvenza u jistgħu jintgħażlu bħala tali minn Nutara jew Reġistraturi Kummerċjali fil-ftehimiet ta’ ħlas barra mill-qorti msemmija fit-Titolu X ta’ dik il-Liġi. Il-persuni ġuridiċi jistgħu wkoll ikunu medjaturi tal-falliment sakemm jaġixxu fil-medjazzjoni tal-falliment permezz ta’ persuna fiżika li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq. Dawn il-medjaturi jkunu magħżula b’mod sekwenzjali minn fost dawk inklużi fil-lista uffiċjali tal-portal tal-Gazzetta Uffiċjali tal-Gvern, li titfassal skont l-informazzjoni pprovduta mir-Reġistru tal-Medjaturi u tal-Istituzzjonijiet tal-Medjazzjoni. L-operaturi tas-suq jistgħu wkoll japplikaw mal-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tas-Servizzi u tat-Tbaħħir sabiex dawn jaħtru bord ta’ medjazzjoni għalihom, li jrid jinkludi medjatur tal-falliment u jassistihom fin-negozjar tal-ftehim ta’ ħlas barra mill-qorti.

Istituzzjoni tal-Medjazzjoni

L-istituzzjonijiet tal-medjazzjoni huma entitajiet pubbliċi jew privati u korporazzjonijiet pubbliċi limitati b’ishma Spanjoli jew barranin li l-iskop tagħhom jinkludi l-promozzjoni tal-medjazzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-medjazzjoni u l-amministrazzjoni tagħha, inkluż il-ħatra tal-medjaturi, li trid issir b’mod trasparenti. Jekk l-iskop tagħhom jinkludi wkoll l-arbitraġġ, huma jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li ż-żewġ attivitajiet jinżammu separati.

L-istituzzjoni tal-medjazzjoni ma tkunx tista’ tipprovdi s-servizz tal-medjazzjoni direttament. Dan ifisser li l-istituzzjoni nnifisha ma hijiex il-medjatur, iżda trid tgħarraf l-identità tal-medjaturi fl-isfera tar-responsabbiltà tagħha u tagħti informazzjoni dwar it-taħriġ, l-ispeċjalità u l-esperjenza tagħhom, biex b’hekk tgħin lill-partijiet jagħżlu l-medjatur li jista’ jassistihom l-aħjar.

L-aħħar aġġornament: 26/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.