Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

a) Sabiex il-propjetà tinżamm fl-istess fergħa tal-familja meta tintiret minn axxendent, il-liġi tistipula li din il-propjetà trid tiġi merfugħa għal qraba tal-istess linja (l-Artikolu 811 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol[Código Civil]) u l-konjuġi superstiti jrid jerfa' kwalunkwe propjetà li jiret mill-konjuġi deċedut jekk jerġa' jiżżewweġ jew ikollu aktar tfal (l-Artikolu 968 tal-Kodiċi Ċivili). L-axxendenti jirtu qabel kulħadd kwalunkwe propjetà mogħtija lit-tfal tagħhom jew lid-dixxendenti li mietu mingħajr tfal (l-Artikolu 812 tal-Kodiċi Ċivili).

b) Il-propjetà li tinsab fil-provinċja ta’ Vizcaya tista’ tintiret biss minn ċerti qraba (l-Artikolu 17 tal-Liġi 3/1992), dritt li jingħata lill-abitanti kollha ta’ Vizcaya (l-Artikolu 23 tal-Liġi 3/1992).

c) Sabiex in-negozji ma jinqasmux, jew għal raġunijiet ekonomiċi jew fl-interessi tal-familja, it-testatur jista’ jipprevedi ħlas għall-werrieta l-oħra għas-sehmu, inkluż ħlas differit, anke jekk ma jkunx hemm biżżejjed flus kontanti fil-wirt (il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1056 tal-Kodiċi Ċivili).

d) Korporazzjoni (sociedad de capital) tista’, fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha, tillimita t-trasferibbiltà tal-ishma, anke mal-mewt tad-detentur. Jekk ikun hemm restrizzjoni ta’ din ix-xorti, il-korporazzjoni trid tinkariga persuna biex tixtri l-ishma mogħtija lill-werriet jew biex tixtrihom hija stess (l-Artikolu 124 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali Spanjol 1/2010 dwar il-korporazzjonijiet, [Ley de sociedades de capital]).

e) Għal raġunijiet ekonomiċi, ġie stabbilit ammont minimu tas-superfiċe għall-propjetajiet rurali biex ma jitfarrdux bejn il-werrieta (l-Artikoli 23 et seq. tal-Liġi 15/1995 dwar il-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli).

f) Għal raġunijiet soċjali, il-leġiżlazzjoni tal-Istat u tal-Komunità Awtonoma stabbiliet limiti fuq it-trasferiment ta’ akkomodazzjoni soċjali.

g) Il-leġiżlazzjoni dwar il-kirjiet urbani u rurali tippermetti lil suċċessuri speċifiċi tal-kerrej li jakkwistaw id-drittijiet tal-kera permezz ta’ surroga (l-Artikolu 24 tal-Liġi 49/2003 dwar il-kirjiet rurali, l-Artikoli 16 u 33 tal-Liġi 29/1994 dwar il-kirjiet urbani).

h) L-akkwiżizzjoni ta’ drittijiet fuq propjetà li tinsab f’żoni li ddikjaraw li jillimitaw is-sjieda nazzjonali barranija hija soġġetta għal awtorizzazzjoni militari minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew sovranità tal-istat (l-Artikoli 4, 16 u 18 tal-Liġi 8/1975 tat-12 ta’ Marzu 1975 dwar żoni u strutturi ta’ interess għas-sigurtà nazzjonali u l-Artikolu 46 tad-Digriet Irjali 689/1978 tal-10 ta’ Frar 1978).

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Il-paragrafi b), e), f), g) u h) japplikaw għall-propjetà li tinsab fi Spanja irrispettivament mil-liġi li tirregola s-suċċessjoni; il-paragrafu d) japplika jekk il-kumpanija tkun regolata mil-liġi Spanjola.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

In-nutar li jfassal id-dokument tat-trasferiment u r-reġistratur tar-reġistru tal-propjetà inkarigat bir-reġistrazzjoni jivverifikaw jekk trasferiment ikunx sar skont il-liġi. Naturalment, tista’ tintalab ukoll dikjarazzjoni ġudizzjarja.

L-aħħar aġġornament: 11/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.