Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

In-natura tat-tilwima tiddetermina l-qorti jew it-tribunal xierqa b’ġurisdizzjoni għat-tilwima. Il-litigazzjoni ċivili ġeneralment tinbeda fil-Qorti tal-Kontea (County Court) jew fil-Qorti Għolja (High Court); il-fatturi determinanti huma l-valur tat-talba u l-kumplessità tat-tilwima. Il-kawżi bejn l-Istat u individwu, kif ukoll ċerti oqsma diskreti (bħal-liġi dwar l-impjieg) ġeneralment jinstemgħu fit-tribunali. L-informazzjoni dwar it-tribunali differenti tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Xi ċentri tas-seduti tal-qorti tal-kontea (county court) għandhom ġurisdizzjoni unika għax-xogħol ċivili, filwaqt li oħrajn għandhom “ġurisdizzjoni speċjalizzata”, li tippermettilhom jittrattaw kawżi li jinvolvu l-liġi tal-ekwità (chancery), merkantili jew tat-teknoloġija u tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Għolja (High Court), li normalment hija bbażata f’Londra żżomm Reġistri tad-Distrett f’ħafna miż-żoni prinċipali tal-pajjiż. Ir-Reġistri tad-Distrett jippermettu li jinħarġu u jinstemgħu kawżi tal-Qorti Għolja (High Court) barra minn Londra minn imħallef ikkwalifikat kif xieraq. L-Awla Amministrattiva (Administrative Court) żżomm preżenza tal-Qorti Għolja (High Court) full-time f’ċerti ċentri reġjonali.[1] Deskrizzjoni aktar dettaljata tal-Qorti Għolja (High Court) ssegwi hawn taħt.

Peress li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni spiss ma tkunx sempliċi - pereżempju ċerti kwistjonijiet tal-liġi dwar l-impjiegi jinstemgħu fil-Qorti tal-Kontea (County Court) aktar milli fit-Tribunal Industrijali (employment tribunal); huwa rrakkomandat li wieħed jitlob parir qabel jibda l-proċedimenti legali. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll mis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice).

[1] Cardiff, Bristol, Birmingham, Leeds u Manchester

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Ir-regoli proċedurali għall-kawżi ċivili, magħrufa bħala r-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules - CPR) li huma appoġġjati minn gwidi għall-prattika (practice directions) li jagħtu pariri prattiċi dwar kif għandhom jiġu interpretati r-regoli. Il-gwida għall-prattika (practice direction) għall-parti 7 tas-CPR tistabbilixxi liema f’livell tal-qorti għandhom jinbdew il-kawżi. Id-distinzjonijiet ewlenin bejn il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Kontea (County Court) u dik tal-Qorti Għolja (High Court) huma l-valur tat-talba u l-kumplessità tagħha. Il-limitu bażiku huwa li talba għal inqas minn £100 000 tiġi ttrattata fil-Qorti tal-Kontea (County Court) filwaqt li kwalunkwe talba li taqbeż dan l-ammont tiġi ttrattata fil-Qorti Għolja (High Court). Barra minn hekk, hemm proċedura taħt il-parti 8 tas-CPR li hija talba għal kwalunkwe ħaġa oħra għajr il-flus; hawnhekk is-suġġett, u l-kumplessità tal-kawża jindikaw il-perkors rilevanti.

It-talbiet għall-flus huma allokati għal “perkorsi” b'tali mod li talba sa £10 000 tiġi allokata għal Perkors għal Talbiet Żgħar, filwaqt li talba minn £10 000 sa £25 000 tiġi allokata għall-Perkors Rapidu; dawk li mhuma koperti bl-ebda wieħed minnhom jiġu allokati għall-Perkors Multiplu. Għandu jiġi nnotat li l-allokazzjoni għal perkors hija funzjoni ġudizzjarja u mhemm xejn f’dak li ntqal hawn fuq li jipprekludi mħallef milli juża s-setgħat ta’ ġestjoni tal-kawżi tiegħu biex jalloka kawżi għal perkors speċifiku, sabiex jinstemgħu f’qorti speċifika. Spjegazzjoni iktar kompluta tista’ tinsab hawnhekk.

Fil-Qorti Għolja (High Court) hemm tliet Sezzjonijiet li jittrattaw tipi ta’ kawżi differenti:

Is-Sezzjoni tal-Queen's Bench (Queen’s Bench Division) - tittratta firxa wiesgħa ta’ materji ċivili inklużi rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur ta’ kuntratti u obbligi, libelli, tilwim kummerċjali u kawżi ta’ Ammiraljat (rikorsi ċivili relatati ma’ vapuri, pereżempju ħabtiet, ħsara lill-merkanzija u salvataġġ); barra minn hekk, issa tinkorpora l-Qorti Uffiċjali tal-Arbitri (Official Referees Court) taħt il-kappa tal-Awla tat-Teknoloġija u tal-Kostruzzjoni (Technology and Construction Court). Hija għandha wkoll funzjoni ta’ sorveljanza fuq firxa wiesgħa ta’ qrati, tribunali u korpi jew individwi li jwettqu funzjonijiet pubbliċi (inklużi l-Ministri tal-Gvern) permezz tal-Awla Amministrattiva (Administrative Court) permezz tal-proċess magħruf bħala Stħarriġ Ġudizzjarju (Judicial Review) li jiżgura li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-korpi jew individwi jsiru kif suppost u legalment u ma jmorrux lil hinn mis-setgħat mogħtija lilhom mill-Parlament.

Is-Sezzjoni tal-Ekwità (Chancery Division) - tittratta b'mod partikolari kwistonijiet ta’ proprjetà, inklużi l-amministrazzjoni tal-patrimonju ta’ persuni li mietu, l-interpretazzjoni tat-testmenti, l-insolvenza, is-sħubiji tat-taxxa, il-privattivi u t-tilwim dwar kumpaniji u sħubiji. Il-Qorti tal-Intrapriża tal-Proprjetà Intellettwali (Intellectual Property Enterprise Court) #_ftn1[1] li għadha kif ġiet iffurmata taqa’ wkoll taħt il-ġurisdizzjoni tal-ekwità (chancery jurisdiction).

Is-Sezzjoni tal-Familja (Family Division) – tittratta kwistjonijiet ta’ divorzju u matrimonjali, kawżi li jikkonċernaw lit-tfal, bħall-adozzjoni, testmenti mhux kontenzjużi u d-distribuzzjoni tal-patrimonju ta’ persuni li mietu mingħajr testment.

Id-dettalji tal-Qorti Għolja (High Court) jinsabu wkoll fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice).

Jekk għandek xi dubju dwar liema hija qorti t-tajba għandek tikseb parir legali jew tikkonsulta s-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice).

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Kif imsemmi hawn fuq, it-talbiet tal-qorti tal-kontea (county court) issa ġeneralment jinħarġu ċentralment, u mbagħad jintbagħtu liċ-ċentri tas-seduti meta jkunu meħtieġa seduti. Il-Parti 26(2A)(2) tas-CPR tipprovdi li l-kawża għandha tintbagħat liċ-ċentru tas-seduti tal-Qorti tal-Kontea (County Court) li sservi l-indirizz fejn jgħix il-konvenut jew fejn iwettaq in-negozju, bil-maqlub, kull parti hija fil-libertà li tippreżenta rikors biex kawża tinstema’ f’ċentru ta’ seduti partikolari. B'kont meħud tal-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni speċjalizzata, jista’ jkun li ċ-ċentru tas-seduti allokat ma jkunx lokali għall-ebda waħda mill-partijiet minħabba l-ħtieġa ta’ mħallfin speċjalizzati.

Barra minn hekk, hemm tipi speċifiċi ta’ rikorsi li huma ristretti għal-lokalità; pereżempju talbiet li jinvolvu l-pussess ta’ art, u talbiet taħt l-Att dwar il-Kreditu tal-Konsumatur (Consumer Credit Act) jew talba biex jiġu rkuprati oġġetti. Hawnhekk it-talba għandha tinbeda fejn tgħix il-persuna li għandha l-oġġetti jew twettaq in-negozju. Aktar informazzjoni dwar dawn l-eċċezzjonijiet tinsab fil-Partijiet 55 u 7 tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules) għall-Ingilterra u Wales.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

L-eċċezzjonijiet għar-regola bażika huma li l-kwistjoni tiġi ttrattata fil-qorti li hija l-aktar xierqa biex tittratta l-kwistjoni filwaqt li jitqiesu n-natura tal-kawża, il-ġudikatura disponibbli u r-rappreżentazzjonijiet tal-partijiet fir-rigward tal-post xieraq.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Ir-regola bażika hija li l-kawża tiġi ttrasferita liċ-ċentru tas-seduti tal-Qorti tal-Kontea (County Court) li sservi l-indirizz fejn ikun jgħix l-intimat jew fejn iwettaq in-negozju jekk tkun meħtieġa seduta. Madankollu, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-qorti li jixtiequ li tisma’ l-kawża meta jippreżentaw il-kwestjonarju dwar il-gwida (directions questionnaire); u d-deċiżjoni finali teħodha l-qorti. Xi talbiet maħruġa fil-Qorti Għolja (High Court) f’Londra jistgħu jinstemgħu f’wieħed mid-diversi reġistri tad-distrett. Aktar informazzjoni dwar it-trasferiment tal-kawżi tinsab fil-Parti 30 tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Kif imsemmi hawn fuq, il-fattur determinanti ġenerali fir-rigward tal-livell tal-qorti se jkun il-valur jew il-kumplessità tat-talba. Filwaqt li l-partijiet jistgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar il-post fil-kwestjonarju dwar il-gwida (directions questionnaire), id-deċiżjoni finali teħodha l-qorti. Ir-rikorrent ma jistax jagħżel quddiem liema qorti jibda l-proċedimenti. Barra minn hekk, skont il-parti 2.7 tas-CPR il-qorti għandha diskrezzjoni assoluta biex tittratta l-kawżi li hija tqis xierqa. Aktar dettalji jistgħu jinstabu fir-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Le.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Ir-responsabbiltajiet tad-diversi Sezzjonijiet tal-Qorti Għolja (High Court) u d-dettalji tal-qrati li jittrattaw kwistjonijiet tal-familja huma deskritti hawn fuq.

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-qrati tal-kontea (county courts) u dwar il-Qorti Għolja (High Court) fis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Links relatati

Il-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice)

L-aħħar aġġornament: 16/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.