Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Qrati speċjalizzati nazzjonali

Franza

F’din it-taqsima ssib ħarsa ġenerali lejn il-qrati kostituzzjonali u amministrattivi fi Franza.

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Il-Kunsill Kostituzzjonali.

Il-Kunsill Kostituzzjonali (Conseil constitutionnel), maħluq mill-Kostituzzjoni tal-Ħames Repubblika fl-4 ta’ Ottubru 1958, mhuwiex fuq nett ta’ xi ġerarkija ta’ qrati ordinarji jew amministrattivi. Mhuwiex għalhekk Qorti Suprema.

Il-Kunsill Kostituzzjonali huwa magħmul minn disa’ membri u li terz minnhom jiġu sostitwiti kull tliet snin. Il-membri jinħatru għal mandat ta’ disa’ snin li ma jiġġeddidx, tlieta minnhom mill-President tar-Repubblika u tlieta kull wieħed rispettivament mill-Presidenti ta’ kull Kamra tal-Parlament (is-Senat u l-Assemblea Nazzjonali). L-eks Presidenti tar-Repubblika jpoġġu ex officio bħala membri matul ħajjithom tal-Kunsill Kostituzzjonali, sakemm ma jkunux qed iwettqu funzjonijiet li huma inkompatibbli mal-mandat ta’ membru tal-Kunsill, f’liema każ ma jistgħux jieħdu sehem.

Il-President tal-Kunsill Kostituzzjonali jinħatar mill-President tar-Repubblika minn fost il-membri tiegħu.

Ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ età jew professjonali biex persuna ssir membru tal-Kunsill Kostituzzjonali. Ir-rwol tal-membru (Conseiller) huwa madankollu inkompatibbli ma’ li persuna tkun membru tal-Gvern jew tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, kif ukoll ma’ kull kariga eletta. Il-membri huma wkoll soġġetti għall-istess inkompatibilitajiet professjonali bħall-membri tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat.

Il-Kunsill Kostituzzjonali huwa korp permanenti, li jiltaqa’ ftit jew wisq ta’ spiss skont il-pass tal-punti li jiġi quddiemu. Huwa jiltaqa' u jieħu deċiżjonijiet biss f'seduti plenarji. Id-deliberazzjonijiet huma soġġetti għal regola ta’ kworum li skontha, seba’ mħallfin iridu jkunu preżenti. Fil-każ ta’ parità, il-President ikollu l-vot deċiżiv. M’hemmx lok għal opinjonijiet kuntrarji.

Il-proċedura hija bil-miktub u ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Madankollu, b’rabta ma’ kwistjonijiet elettorali ta’ kontenzjoni, il-partijiet jistgħu jagħmlu sottomissjonijiet orali. Barra minn hekk, meta jiġu evalwati l-kwistjonijiet preliminari tal-kostituzzjonalità, il-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom jinstemgħu waqt is-seduta.

F’termini ta’ suġġett, il-ġuriżdizzjoni tal-Kunsill Kostituzzjonali tista’ tinqasam f’żewġ kategoriji:

Ġuriżdizzjoni f’żewġ tipi ta’ tilwimiet:

Tilwimiet dwar leġiżlazzjoni

Il-Kunsill jieħu deċiżjonijiet dwar il-kostituzzjonalità ex ante (contrôle de constitutionnalité préventif), b'mod indipendenti mill-kunsiderazzjoni tal-kawża effettiva. Il-proċess huwa fakultattiv għal-leġiżlazzjoni ordinarja u impenji internazzjonali, iżda obbligatorju għal-liġijiet istituzzjonali (lois organiques) u għar-regolamenti proċedurali taż-żewġ Kmamar tal-Parlament. It-talbiet jiġu ppreżentati wara li l-Parlament ikun ivvota, iżda qabel ma l-liġi tkun daħlet fis-seħħ jew ġiet ratifikata, qabel ma l-impenn internazzjonali jkun ġie approvat jew qabel ma r-regolamenti proċedurali ta’ kull Kamra tal-Parlament jkunu daħlu fis-seħħ. Għal kwistjonijiet fakultattivi, tista' ssir talba (saisine) jew minn awtorità politika (il-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru, il-President tal-Assembla Nazzjonali jew tas-Senat), jew minn 60 deputat jew 60 senatur.

L-istħarriġ tal-kostituzzjonalità f'każijiet eċċezzjonali ġie stabbilit fl-1 ta' Marzu 2010, bid-dħul fis-seħħ tal-“kwistjoni preliminari tal-kostituzzjonalità” (question prioritaire de constitutionnalité).. Wara din id-data, kwalunkwe litigant jista', matul l-iżvolġiment ta’ istanza quddiem il-qorti, jikkontesta l-konformità ta' dispożizzjoni leġiżlattiva mal-liġijiet u l-libertajiet li tiggarantixxi l-Kostituzzjoni. Il-kwistjoni tista’ tiġi rinvijata lill-Kunsill Kostituzzjonali biss jekk ir-rinviju jiġi approvat mill-Kunsill tal-Istat jew mill-Qorti tal-Kassazzjoni; li għandha tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien tliet xhur.

Il-Kunsill Kostituzzjonali jiddeċiedi dwar id-diviżjoni tas-setgħat bejn l-istatut leġiżlattiv u r-regolament eżekuttiv. Din il-kwistjoni tista’ tiġi rinvijata lilha jew matul il-proċess leġiżlattiv mill-President tal-Kamra (l-Assemblea Nazzjonali jew is-Senat) li jittratta l-miżura partikolari jew mill-Gvern, jew, wara li jitlesta l-proċess, mill-Prim Ministru, li jista’ jipprova jnaqqas il-grad ta’ miżura li tiġi ppromulgata bħala liġi.

Tilwim dwar elezzjonijiet jew referenda

Il-Kunsill Kostituzzjonali jiddeċiedi dwar ir-regolarità tal-elezzjoni tal-President tar-Repubblika u dwar ir-referenda, u jħabbar r-riżultati tagħhom. Dan jiddeċiedi wkoll dwar il-legalità tal-elezzjoni tal-membri taż-żewġ Kmamar tal-Parlament, u tar-regoli dwar l-eliġibbiltà u l-iskwalifika tagħhom.

Normalment, it-talbiet lill-Kunsill fi kwistjonijiet elettorali jkunu miftuħa għall-votanti kollha, u dawn it-talbiet żdiedu ferm bħala għadd minn mindu għaddiet il-leġiżlazzjoni li torganizza u tikkontrolla l-ispejjeż elettorali. F'dan il-każ il-Kunsill ikun il-qorti tal-appell għall-kandidati fl-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali.

Rwol konsultattiv

Il-Kunsill Kostituzzjonali jagħti opinjoni jekk jiġi uffiċjalment ikkonsultat mill-Kap tal-Istat dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni (fuq il-poteri plenarji fi żminijiet ta’ kriżi) u sussegwentement dwar id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu f’dan il-qafas.

Iktar minn hekk, il-Gvern jikkonsulta lill-Kunsill fuq testi li huma relatati ma’ kif l-elezzjoni tal-President tar-Repubblika u r-referenda għandhom ikunu organizzati.

Id-deċiżjonijiet kollha huma mqassmin fl-istess forma, li tinkludi:

  • ċitazzjonijiet ta’ testi applikabbli u passi proċedurali,
  • ir-raġunijiet stipulati f’paragrafi, li janalizzaw ir-raġunijiet bażi, jispeċifikaw il-prinċipji applikabbli u jirrispondu t-talba, u
  • dispożizzjoni operattiva diviża fi klawsoli li jiddikjaraw li d-deċiżjoni ġiet adottata.

Id-deċiżjonijiet jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-gvern u lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kollha. Mhuma miftuħin għall-ebda appell. L-awtorità ta’ res judicata ma tapplikax biss għall-parti operattiva tad-deċiżjoni, iżda wkoll għall-argumenti li jipprovduha bil-bażi neċessarja. Madankollu, il-Kunsill Kostituzzjonali jaċċetta talbiet għall-korrezzjoni ta' żball materjali.

Dispożizzjoni li tkun ġiet iddikjarata antikostituzzjonali minn deċiżjoni ex ante ma tistax tiġi adottata jew applikata.

Dispożizzjoni li tiġi ddikjarata antikostituzzjonali wara kwistjoni preliminari ta' kostituzzjonalità tiġi revokata b'effett bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill Kostituzzjonali jew minn data sussegwenti stabbilita b'dik id-deċiżjoni. Il-Kunsill Kostituzzjonali jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-limiti li bihom l-effetti li pproduċiet id-dispożizzjoni jkunu suxxettibbli li jiġu kkontestati.

L-effett tad-deċiżjonijiet f’tilwim elettorali jvarja minn annullament tal-poloz tal-votazzjoni, għal annullament tal-elezzjonijiet infushom, u jista’ jinkludi dikjarazzjoni li kandidat huwa ineliġibbli u/jew li uffiċjal elett għandu jirriżenja mill-kariga.

Id-deċiżjonijiet jiġu nnotifikati lill-partijiet u ppubblikati fil-gazzetta uffiċjali (Journal officiel de la République française); fil-każ ta’ deċiżjoni ex ante, kwalunkwe applikazzjoni mill-Parlament u osservazzjonijiet mill-Gvern jiġu ppubblikati wkoll.

Finalment, id-deċiżjonijiet kollha mill-ħolqien tal-Kunsill huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill Kostituzzjonali.

Qrati amministrattivi

Funzjonijiet tal-qrati amministrattivi

L-atti tal-amministrazzjoni pubblika huma soġġetti għal stħarriġ mill-qrati amministrattivi li huma indipendenti mill-amministrazzjoni nfisha (separazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji) u distinti mill-qrati ordinarji (separazzjoni tal-ġuriżdizzjoni, dualisme judiciaire). L-istħarriġ jista’ jsir ukoll mill-korpi amministrattivi, iżda d-deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi jiġu mbagħad soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

Il-qrati amministrattivi (tribunaux administratifs) huma l-qrati ġenerali tal-liġi amministrattiva tal-prim’istanza. Il-qrati amministrattivi speċjalizzati huma bosta u varji, u jinkludu:

  • il-qrati finanzjarji (l-Uffiċċju Reġjonali tal-Awdituri (chambre régionale des comptes) u l-Qorti tal-Awdituri (Cour des comptes)),
  • il-Qorti Nazzjonali tal-Ażil (Cour nationale du droit d’asile),
  • il-qrati dixxiplinarji professjonali (il-Qorti tad-Dixxiplina tal-Baġit u d-Dixxiplina Finanzjarja, il-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura, korpi dixxiplinarji professjonali, qrati tal-università, eċċ).

Bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu appellati quddiem il-Qrati Amministrattivi tal-Appell (cours administratifs d’appel), li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu min-naħa tagħhom jiġu rieżaminati fuq punt tad-dritt (kassazzjoni) quddiem il-Kunsill tal-Istat (Conseil d’État). Minbarra r-rwol tal-kassazzjoni, fejn huwa jirrieżamina biss l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ proċedura u l-liġi mid-deċiżjonijiet ikkontestati tal-qorti mressqa quddiemu bl-istess mod bħall-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Kunsill tal-Istat huwa wkoll il-qorti tal-ewwel u l-aħħar rikors għal ċertu tilwim, bħal dawk relatati ma’ miżuri regolatorji meħudin minn ministri.

Kunflitti ġuriżdizzjonali bejn żewġ ordnijiet ġudizzjarji jiġu solvuti mill-Qorti tal-Kunflitti (Tribunal des conflits), magħmula b’mod konġunt minn membri tal-Qorti tal-Kassazzjoni u l-Kunsill tal-Istat.

Il-Kunsill Kostituzzjonali għandu jiżgura l-konformità tal-liġijiet mal-Kostituzzjoni; huwa ma jirrieżaminax atti jew azzjonijiet tal-amministrazzjoni.

Struttura interna tal-qrati amministrattivi

Il-Qrati Amministrattivi (li hemm 42 minnhom) u l-Qrati Amministrattivi tal-Appell (li attwalment huma 8 u li dalwaqt isiru 9) huma organizzati f’diviżjonijiet. In-numri u ż-żoni tal-ispeċjalizzazzjoni jvarjaw u jiddependu mill-membri tal-qorti u l-għażliet tal-istruttura interna magħmula mill-kap tal-qorti. Il-Kunsill tal-Istat għandu diviżjoni waħda biss b’funzjoni ġudizzjarja, id-Diviżjoni tat-Tilwim (Section du contentieux); id-diviżjonijiet l-oħra, magħrufa bħala diviżjonijiet amministrattivi, jieħdu ħsieb ir-rwol konsultattiv tal-Kunsill tal-Istat.

Id-Diviżjoni tat-Tilwim hija komposta minn 10 subdiviżjonijiet li jispeċjalizzaw f’tipi differenti ta’ tilwim. Sentenza dwar oqsma tal-liġi amministrattiva ġenerali tingħata minn tnejn minn dawn is-subdiviżjonijiet flimkien (9 membri); Jekk il-każ ikun aktar kumpless jew aktar sensittiv, jista’ jinstema’ mid-Diviżjoni tat-Tilwim (hawnhekk tinkludi l-presidenti tas-subdiviżjonijiet, il-President tad-Diviżjoni tat-Tilwim, u l-viċi presidenti; 17-il membru) jew minn Assemblea tat-Tilwim (Assemblée du contentieux) (li tinkludi l-presidenti tad-diviżjonijiet tal-Kunsill tal-Istat, u tkun ippreseduta mill-Viċi President tal-Kunsill tal-Istat; 13-il membru).

L-istatus tal-membri tal-qrati amministrattivi

Tradizzjonalment il-membri tal-qrati amministrattivi mhumiex definiti bħala “mħallfin” (magistrats) fit-tifsira mogħtija mill-Kostituzzjoni Franċiża, minħabba li dan it-terminu huwa riżervat għall-membri tal-qrati ordinarji. Minflok, l-istatus tagħhom ġej jiġi mill-funzjonijiet tagħhom bħala ħaddiema taċ-ċivil. Huwa għalhekk li għal żmien twil it-testi leġiżlattivi li japplikaw għall-membri tal-qrati amministrattivi ma kienu jinkludu l-ebda regoli speċjali differenti minn dawk li japplikaw għal tipi oħra ta’ ħaddiema taċ-ċivil. Madankollu, matul is-snin 80, din is-sitwazzjoni evolviet biex issaħħaħ l-indipendenza statutorja tal-membri tal-qrati amministrattivi.

Fid-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Lulju 1980, il-Kunsill Kostituzzjonali kkonferma l-eżistenza u l-indipendenza tal-qrati amministrattivi, u dawn il-karatteristiċi issa ġew inklużi fost il-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mil-liġijiet tar-Repubblika. Għalhekk, l-imħallfin amministrattivi jgawdu minn status speċjali li jiggarantixxi l-indipendenza tagħhom, b’mod partikolari, billi jiżgura li ma jkunux jistgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom.

Barra minn hekk, mill-adozzjoni tal-Liġi Nru 2016-483 tal-20 ta’ April 2016 dwar il-kondotta, id-dritt u l-obbligi tal-uffiċjali, tal-membri tal-qrati amministrattivi u tal-qrati amministrattivi tal-appell, huma issa rrikonoxxuti bħala mħallfin (magistrats) b’mod awtonomu (l-Artikolu L. 231-1 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva (code de justice administrative)).

Filwaqt li l-imħallfin tal-qrati ordinarji jiffurmaw struttura unika (corps), l-imħallfin amministrattivi jappartjenu għal żewġ strutturi differenti: wieħed għall-membri tal-Kunsill tal-Istat u wieħed għall-membri tal-qrati amministrattivi inferjuri u l-qrati amministrattivi tal-appell.

Għalkemm ir-regoli applikabbli għalihom li ilhom jinsabu f’diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni, issa nġabru flimkien fil-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva.

Bażijiet ta’ data legali f’dawn l-oqsma

Bażijiet ta’ data legali fi Franza huma disponibbli fuq l-internet bħala servizz pubbliku. Is-sit web https://www.legifrance.gouv.fr/ jinkludi:

  • id-deċiżjonijet tal-Kunsill tal-Istat, il-Qorti tal-Kunflitti, il-qrati amministrattivi tal-appell u għażla ta’ deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi fil-bażi tad-data “JADE” tiegħu; kif ukoll
  • id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Kostituzzjonali fil-bażi tad-data “CONSTIT” tiegħu.

L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?

Iva l-aċċess għall-bażi tad-data huwa bla ħlas.

Deskrizzjoni qasira tal-kontenut

Il-bażi tad-data “JADE” għandha reġistru ta’ 230 000 deċiżjoni u kull sena jiżdiedu bi 12 000 deċiżjoni, filwaqt li l-bażi tad-data “CONSTIT” għandha reġistru ta’ 3500 deċiżjoni u kull sena jiżdiedu b'150.

Ħoloq relatati

Ġuriżdizzjoni — Franza

L-aħħar aġġornament: 12/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.